Proċedura : 2015/2574(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0360/2015

Testi mressqa :

B8-0360/2015

Dibattiti :

PV 30/04/2015 - 4
CRE 30/04/2015 - 4

Votazzjonijiet :

PV 30/04/2015 - 10.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0184

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 151kWORD 95k
22.4.2015
PE555.118v01-00
 
B8-0360/2015

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0109/2015

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-Milano Expo 2015: Ikel għall-Pjaneta, Enerġija għall-Ħajja (2015/2574(RSP))


Paolo De Castro f'isem il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Milano Expo 2015: Ikel għall-Pjaneta, Enerġija għall-Ħajja (2015/2574(RSP))  
B8-0360/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Uffiċċju Internazzjonali dwar l-Esibizzjonijiet sabiex tiġi organizzata esibizzjoni universali f'Milan mill-1 ta' Mejju sat-30 ta' Ottubru 2015 dwar it-tema "Ikel għall-Pjaneta: Enerġija għall-ħajja",

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Mejju 2013 dwar il-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fl-Expo Dinjija 2015 f'Milan (C(2013)2507),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-3 ta' Mejju 2013 bit-titolu "Il-parteċipazzjoni tal-UE fl-Expo Dinjija 2015 f'Milan "Ikel għall-Pjaneta: Enerġija għall-ħajja"" (COM(2013)0255),

–       wara li kkunsidra l-ħidma tal-Kumitat Xjentifiku ta' Tmexxija tal-Unjoni Ewropea, appoġġata mill-Kummissjoni u mill-Parlament u mnedija fil-21 ta' Marzu 2014 biex tingħata konsulenza esperta dwar l-isfidi tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel u tan-nutrizzjoni u tingħata gwida dwar il-programm ta' avvenimenti għall-Expo 2015,

–       wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) adottati min-Nazzjonijiet Uniti f'Settembru 2000 u l-abbozz tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli li għandu jiġi adottat fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li ġejja f'Settembru 2015;

–       wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) "World agriculture towards 2030/2050: the 2012 revision",

–       wara li kkunsidra s-Sena Internazzjonali tal-FAO tal-Biedja Familjari tal-2014,

–       wara li kkunsidra s-Sena Internazzjonali tal-FAO tal-Ħamrija tal-2015,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2011 dwar ir-rikonoxximent tal-agrikoltura bħala settur strateġiku fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2012 dwar kif nevitaw il-ħela tal-ikel: strateġiji għal katina tal-ikel aktar effiċjenti fl-UE(2),

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, u b'mod partikolari l-Artikolu 25 tagħha, li jirrikonoxxi d-dritt għall-ikel bħala parti mid-dritt għal livell ta' għajxien adegwat;

–       wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-Expo Milano 2015: Ikel għall-Pjaneta, Enerġija għall-Ħajja (O-000016/2015 – B8-0109/2015),

–       wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura,

A.     billi t-tema tal-Milano Expo 2015 hija "Ikel għall-Pjaneta, Enerġija għall-Ħajja" u l-avveniment jistgħu jagħtu spinta qawwija lid-dibattiti dwar it-titjib fil-produzzjoni u fid-distribuzzjoni tal-ikel, inkwatu jittrattaw il-ħela tal-ikel, jippromwovu u jiżviluppaw l-approċċi eżistenti diġà pożittivi biex tiġi affrontata l-isfida tal-insigurtà tal-ikel, in-nutrizzjoni insuffiċjenti u d-dieti fqar u jsibu bilanċ bejn l-offerta u l-konsum;

B.     billi t-tema tal-Milano Expo 2015 toffri opportunità biex jiġu kkunsidrati u diskussi d-diversi approċċi lejn ir-riżoluzzjoni tal-paradossi ta' dinja globalizzata fejn, minn naħa, madwar 870 miljun ruħ ma għandhomx nutrizzjoni suffiċjenti u huma bil-ġuħ mentri, min-naħa l-oħra, madwar 2.8 miljun qegħdin imutu kaġun ta' problemi tas-saħħa marbutin ma' nutrizzjoni inadegwata, obeżità u piż żejjed;

C.     billi l-perjodu tal-Milano Expo 2015 jaħbat mas-sena mira kemm għall-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) kif ukoll tas-Sena Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-Ħamrija, u għandha tkun ta' ispirazzjoni għad-dibattitu dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, li l-abbozz finali tagħhom għaddej mill-fażi tan-negozjati, u billi l-agrikoltura, is-sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni jinsabu fil-qalba ta' dan l-eżerċizzju;

D.     billi l-Expo 2015 qiegħda tfassal il-"Karta ta' Milan", dokument li se jitressaq lis-Segretarju Ġenerali tan-NU bħala wirt l-Expo 2015 u kontribut għad-dibattitu internazzjonali dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju;

E.     billi t-temi tal-Expo 2015 jirrigwardaw primarjament is-settur agrikolu, settur li jibqa' fattur importanti għall-ekonomija tal-Unjoni, minkejja li l-esportazzjonijiet agrikoli jirrappreżentaw żewġ terzi tal-kummerċ estern totali tagħha, li l-Unjoni għadha l-akbar esportatur agrikolu fid-dinja u li s-settur alimentari tal-UE jiġġenera fatturat annwali ta' kważi EUR 1 triljun u jimpjega aktar minn 4 miljun persuna;

F.     billi l-Kumitat Xjentifiku tat-Tmexxija tal-UE għall-Expo 2015 jipprevedi l-ħtieġa li jfittex li jikseb għarfien ġdid f'ċerti oqsma speċifiċi u jippromwovi fehim pubbliku aħjar tal-ikel u tal-produzzjoni alimentari fi ħdan is-settur agrikolu permezz tal-edukazzjoni u l-komunikazzjoni, sabiex in-nies jirrikonoxxu l-impatt globali ta' għażliet tal-ikel individwali tagħhom;

G.     billi l-esperjenza tas-soċjetà ċivili u l-kontribut tagħha lid-dibattitu dwar il-kwistjonijiet tal-Expo 2015 huma kruċjali u l-esperjenza u l-inizjattivi tagħha jmisshom ikunu inkoraġġiti biex jiżviluppaw dibattitu internazzjonali sostanzjali u linji gwida mmirati lejn it-taffija tal-kriżijiet globali relatati mal-ikel u man-nutrizzjoni;

H.     billi l-artijiet fertili mhumiex biss rekwiżit fundamentali għall-produzzjoni ta' ikel, fjuwil, fibri u mediċini, iżda huma wkoll essenzjali għall-ekosistemi tagħna, peress li jiżvolġu rwol fundamentali fiċ-ċiklu tal-karbonju, filwaqt li jaħżnu u jiffiltraw l-ilma u jgħinu kontra l-għargħar u n-nixfa;

I.      billi l-pjattaforma Open Expo, sabiex tiżgura t-trasparenza totali tal-Expo 2015, tippubblika b'mod miftuħ l-informazzjoni kollha dwar il-ġestjoni, l-organizzazzjoni u t-tmexxija tal-avveniment b'hekk sservi ta' eżempju tajjeb ta' trasparenza;

J.      billi skont l-istimi tal-FAO, it-tkabbir demografiku dinji minn 7 biljun għal 9,1 biljun ruħ se jeħtieġ, sas-sena 2050, żieda ta' 70 % fil-provvista tal-ikel, filwaqt li l-istess projezzjonijiet jagħtu x'tifhem li ż-żieda fil-produzzjoni biss ma tkunx suffiċjenti biex tiżgura s-sigurtà tal-ikel għal kulħadd;

K.     billi skont il-FAO, in-numru ta' persuni li qegħdin ibatu l-ġuħ fl-2010 jammonta għal 925 miljun ruħ; u aktar minn terz tal-imwiet ta' tfal taħt l-età ta' ħames snin huwa attribwibbli għal nutrizzjoni insuffiċjenti;

L.     billi l-FAO tistima żieda ta' 4,3 % biss f'raba' użat fl-2050;

M.    billi t-tkabbir fl-introjtu per capita fil-pajjiżi emerġenti iwassal għal bidla fid-dieta lejn prodotti b'livell ogħla ta' proteini, inklużi l-proteini tal-annimali u l-prodotti pproċessati, b'hekk jiġi promoss proċess ta' konverġenza tad-dieta fid-dinja kollha li esperjenzaw il-popolazzjonijiet aktar għonja;

N.     billi d-dieti li jinkludu proporzjon kbir ta' prodotti ta' oriġini mill-annimali jeħtieġu l-konsum ta' konsiderevolment aktar riżorsi minn dieti li huma kkaratterizzati minn proporzjon kbir ta' prodotti veġetali.

O.     billi l-agrikoltura tagħti impjieg u għajxien lil aktar minn 70 % tal-forza tax-xogħol, il-biċċa l-kbira minnhom nisa, fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi l-Bank Dinji jistima li t-tkabbir fis-settur agrikolu huwa darbtejn aktar effikaċi biex inaqqas il-faqar milli hu t-tkabbir f'setturi oħrajn;

P.     billi fl-UE jeżistu żoni ta' insigurtà tal-ikel u 79 miljun ruħ fl-UE għadhom jgħixu taħt is-soll tal-faqar, filwaqt li 124,2 miljun ruħ, jew 24,8 % jinsabu f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali, meta mqabbel mal-24,3 % fl-2011;

Q.     billi huwa biss in-nofs tal-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw (62 minn 118) li jinsab fit-triq it-tajba biex jilħqu l-objettiv MDG;

R.     billi d-dritt universali għall-ikel u għal nutrizzjoni tajba huwa essenzjali biex jintlaħqu l-MDGs; billi n-nutrizzjoni hija marbuta ma' ħafna mill-MDGs, jekk mhux ma' kollha, li huma stess minsuġin bejniethom mill-qrib;

S.     billi bosta strumenti ġuridiċi internazzjonali jorbtu d-dritt għall-ikel ma' drittijiet tal-bniedem oħrajn, inklużi d-dritt għall-ħajja, għall-għajxien, għas-saħħa, għall-proprjetà, għall-edukazzjoni u għall-ilma;

T.     billi sehem l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) allokat għall-agrikoltura fil-livell internazzjonali waqa' drastikament matul dawn l-aħħar tliet deċennji;

U.     billi l-kunċett il-ġdid ta' sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni (FNS) ma jfissirx biss id-disponibilità ta' provvisti tal-ikel, iżda wkoll jinkludi d-dritt għall-ikel, għall-informazzjoni akkurata dwar dak li nieklu, għall-aċċess sostenibbli għan-nutrizzjoni tajba għas-saħħa, li jinkludi fatturi oħrajn bħas-sanità, l-iġjene, it-tilqim u t-terapija antielmintika (eliminazzjoni ta' parassiti);

V.     billi l-ġuħ u n-nutrizzjoni ħażina huma l-kawżi prinċipali tal-mortalità umana, kif ukoll l-ikbar theddidiet għall-paċi u s-sigurtà tad-dinja.

W.    billi l-prezzijiet volatili tal-ikel għandhom konsegwenzi negattivi fuq is-sigurtà tal-ikel u l-katina tal-provvista tal-ikel;

X.     billi t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku dinji u ż-żieda kontinwa fil-prezzijiet tal-ikel u tal-fjuwil aggravaw s-sitwazzjoni tal-ikel f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment il-pajjiżi l-inqas żviluppati, u b'hekk ikkawżaw waqfa parzjali tal-progress li sar għat-tnaqqis tal-faqar fl-aħħar deċennju;

Y.     billi s-swieq agrikoli fraġli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jagħmlu l-provvisti tal-ikel eċċessivament vulnerabbli għad-diżastri naturali, il-kunflitti u l-kriżijiet tas-saħħa pubblika;

Z.     billi s-sistema tal-ikel tikkontribwixxi għat-tibdil fil-klima u hija affettwata minnu b'implikazzjonijiet fuq id-disponibilità tar-riżorsi naturali u l-kundizzjonijiet tal-produzzjoni agrikola u industrijali;

AA.  billi d-diżastri naturali kkawżati mit-tibdil fil-klima għandhom impatt sever fuq l-Istati Membri tal-UE u lil hinn mill-UE, peress li jheddu s-sigurtà tal-ikel u s-sovranità fil-qasam tal-ikel speċjalment f'sitwazzjonijiet li diġà jkunu vulnerabbli;

AB.  billi l-Kummissjoni tistima li 30 % tal-ikel fid-dinja kolha jintilef jew jinħela u li l-ħela tal-ikel annwali sal-2020 fl-Unjoni Ewropea, attwalment madwar 89 miljun tunnellata (jew 179 kg per capita), se tiżdied għal bejn wieħed u ieħor 126 miljun tunnellata, żieda ta' 40 %, sakemm ma jittiħdux azzjonijiet jew miżuri preventivi;

AC.  billi ġestjoni aħjar tal-katina tal-ikel tkun tfisser użu aktar effiċjenti tal-artijiet, ġestjoni aħjar tar-riżorsi tal-ilma u effetti pożittivi fuq is-settur agrikolu sħiħ mad-dinja kollha, kif ukoll it-tkomplija tal-ġlieda kontra n-nutrizzjoni insuffiċjenti u d-dieti inadegwati fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

AD.  billi l-ġuħ, id-dieti inadegwati u n-nutrizzjoni insuffiċjenti jikkoeżistu ma' livelli paradossali ta' obeżità u ta' mard li jirriżulta minn dieta żbilanċjata, li għandhom riperkussjonijiet ekonomiċi u soċjali, u b'impatt kultant drammatiku fuq is-saħħa tal-bniedem;

AE.   billi l-ftehimiet kummerċjali u ta' investimenti jista' jkollhom effett detrimentali fuq is-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni ħażina jekk il-kiri u l-bejgħ tar-raba' lill-investituri privati twassal sabiex il-popolazzjonijiet lokali jiċċaħħdu mill-aċċess għar-riżorsi produttivi indispensabbli għall-għajxien tagħhom jew li jiġu esportati jew jinbiegħu porzjonijiet kbar tal-ikel fis-swieq internazzjonali, u b'hekk il-pajjiż ospitanti jsir jiddependi aktar mill-fluttwazzjonijiet tal-prezzijiet tal-prodotti bażiċi fis-swieq internazzjonali u jsir aktar vulnerabbli għalihom;

AF.   billi l-ġuħ ma tistax jintemm b'mod sostenibbli permezz tas-sempliċi provvista ta' ikel għal kulħadd; billi dan jista' jintlaħaq biss jekk il-bdiewa li jaħdmu fuq skala żgħira jitħallew iżommu u jaħdmu artijiethom, u jżommu sistemi ta' kummerċ ġust kif ukoll jaqsmu l-għarfien, l-innovazzjoni u l-prattiki sostenibbli;

AG.  billi huwa opportun li jiġi rikonoxxut ir-rwol fundamentali tal-bdiewa u b'mod partikolari dawk tal-biedja familjari sabiex tiġi żgurata s-sigurtà globali tal-ikel;

AH.  billi huwa opportun li jiġi rikonoxxut l-aspett multifunzjonali tal-agrikoltura u tal-forestrija li, minbarra li jipproduċu ikel, jiżvolġu rwol importanti fil-produzzjoni tal-prodotti ta' utilità pubblika, bħall-kwalità tal-pajsaġġi, il-bijodiversità, l-istabilità tal-klima u l-kapaċità li jittaffu d-diżastri naturali bħal għargħar, nixfa u nirien;

1.      Jenfasizza li dawn li ġejjin huma vitali biex tintlaqa' l-isfida tas-sigurtà tal-ikel: settur agrikolu b'saħħtu u sostenibbli fl-UE kollha, ekonomija rurali li tirnexxi u diversifikata, ambjent nadif u azjendi agrikoli familjari, appoġġati minn politika agrikola komuni soda, aktar ġusta, sostenibbli f'termini internazzjonali u ffinanzjata b'mod adegwat;

2.      Iqis li s-sostenibilità ambjentali tista' tkun possibbli u l-isforzi ta' adattament u ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jistgħu jirnexxu biss f'kundizzjonijiet ta' sostenibbiltà ekonomika għall-azjendi agrikoli u li jiffavorixxu l-bdiewa fl-aċċess għall-artijiet, għall-kreditu u għat-taħriġ;

3.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżerċitaw effett ta' lieva fuq it-tema tal-Milano Expo 2015 "Ikel għall-Pjaneta, Enerġija għall-Ħajja" biex jistabbilixxu impenji ħalli jissodisfaw id-dritt għall-konsum adegwat, tajjeb għas-saħħa, sostenibbli u infurmat ta' ikel;

4.      Jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi li l-"padiljun UE" fl-Expo 2015 jissensibilizza dwar il-bżonn li l-problemi jiġu affrontati fil-katina tal-provvista tal-ikel kollha, inklużi s-sostenibilità fit-tul tal-produzzjoni alimentari, id-distribuzzjoni u l-konsum, tiġi affrontata l-ħela tal-ikel u miġġielda l-problema tan-nutrizzjoni ħażina, tad-dieti inadegwati u tal-obeżità;

5.      Jenfasizza li d-dritt għall-ikel huwa dritt tal-bniedem bażiku u jinkiseb biss meta kulħadd, ikollu aċċess għal ikel xieraq, sikur u nutrittiv biex jissodisfa l-ħtiġijiet alimentari tiegħu għal ħajja attiva u mimlija saħħa;

6.      Jissottolinja l-fatt li l-aċċess għall-ikel jirrappreżenta rekwiżit preliminari għat-tnaqqis tal-faqar u tal-inugwaljanza u għall-ilħuq tal-MDGs;

7.      Jenfasizza li l-ġlieda kontra n-nutrizzjoni insuffiċjenti u l-forniment ta' aċċess universali għal ikel nutrittiv u adegwat għandha tibqa' waħda mill-iktar objettivi importanti tal-aġenda għal wara l-2015 taħt l-objettiv li jintemm il-ġuħ, b'appell speċifiku biex jintemmu l-forom kollha ta' nutrizzjoni ħażina sal-2030;

8.      Jemmen li ż-żieda fil-volatilità tas-swieq tal-ikel toħloq problemi għas-sostenibilità u tirrikjedilna nintensifikaw il-miżuri ħalli nagħtu spinta lis-sigurtà tal-provvista tal-ikel u lis-sostenibilità tal-produzzjoni alimentari billi tiġi affrontata l-iskarsezza tar-riżorsi naturali u jiġu promossi r-riċerka u l-innovazzjoni fl-agrikoltura;

9.      Jemmen li oqfsa istituzzjonali, regolatorji u ta' monitoraġġ xierqa jistgħu jippromwovu ambjent għall-iżvilupp ta' sistemi tas-suq agrikolu sodi, sostenibbli, ekwi, diversifikati u bi prezzijiet aċċessibbli;

10.    Huwa tal-fehma li l-biedja fuq skala żgħira u l-biedja organika, ta' Valur Natural Għoli (HNV) jew ibbażata fuq is-siġar għandhom jiġu promossi bħala mudelli partikolarment effikaċi għall-provvista tas-sostenibilità fil-produzzjoni alimentari globali;

11.    Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi prattiki agronomiċi aktar efficjenti, bħall-approċċi agroekoloġiċi u ta' diversifikazzjoni u ġestjoni tar-riżorsi agrikoli sostenibbli mtejba, sabiex: jonqsu l-ispejjeż tal-input tal-produzzjoni agrikola u tal-ħela ta' nutrijenti, jiżdiedu l-għarfien u t-trasferiment tal-innovazzjoni, titrawwem effiċjenza fir-riżorsi u tiżdied id-diversità tal-għelejjel u s-sostenibilità fis-sistemi tal-biedja;

12.    Jistieden lill-Kummissjoni ssostni r-riċerka dwar il-ġestjoni tal-artijiet u l-intensifikazzjoni sostenibbli billi tippromwovi użu aktar effiċjenti ta' nutrijenti, ilma u enerġija; iżżid l-enfasi fuq il-konservazzjoni tal-ilma u tar-riżorsi tal-ħamrija; tkompli tadatta l-miżuri bijoloġiċi għall-kontroll tal-organiżmi ta' ħsara (il-ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara, jew IPM); u tippromwovi r-riċerka bil-għan li jitjieb il-ħsad u jonqos l-impatt ambjentali;

13.    Huwa preokkupat dwar il-fatt li nibet il-fenomenu tal-akkapparrar tal-art u dwar l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u għall-futur tal-agrikoltura u tal-bdiewa;

14.    Jistieden lill-Kummissjoni tissensibilizza u tħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw ir-"riżorsa" tal-art f'termini ta' sostenibilità, għaliex hija neċessarja għall-kisba tas-sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni korretta, għall-adattament u għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, kif ukoll għall-iżvilupp sostenibbli inġenerali;

15.    Jissottolinja l-importanza li jiġi ttrattat id-degrad tal-artijiet, li jkompli jaggrava l-faqar u l-insigurtà tal-ikel;

16.    Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-implimentazzjoni fid-dinja kollha tal-Linji Gwida Volontarji tan-NU-FAO dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti kemm min-naħa tal-investituri kif ukoll min-naħa tal-pajjiżi fil-mira;

17.    Jistieden lill-Kummissjoni tiffavorixxi t-twettiq fuq livell globali tal-għanijiet tal-FAO maħsubin biex jappoġġaw l-iżvilupp ta' politiki agrikoli, ambjentali u soċjali favur biedja familjari sostenibbli;

18.    Jenfasizza li l-iżbilanċi attwali fil-katina tal-provvista tal-ikel jheddu s-sostenibilità tal-produzzjoni alimentari, u jappella għal iżjed trasparenza u korrettezza fil-katina u fl-eliminazzjoni ta' prattiki kummerċjli inġusti u tgħawwiġ ieħor tas-suq ħalli jiġi żgurat redditu ġust lill-bdiewa, profitti ġusti u ffissar korrett ta' prezzijiet tul il-katina tal-provvista tal-ikel u settur agrikolu vijabbli li se jiżgura sigurtà tal-ikel; jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni tieħu kull provvediment neċessarju biex tiżgura li dawn l-għanijiet jintlaħqu mill-aktar fis possibbli;

19.    Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jippromwovu politiki li jikkuntrastaw il-prattiki inġusti li l-eżistenza tagħhom ġiet rikonoxxuta fil-qasam tal-Forum ta' Livell Għoli tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-Titjib fil-Funzjonament tal-Katina tal-Provvista tal-Ikel;

20.    Jenfasizza li sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel huwa neċessarju li jiġi miġġieled bil-qawwa t-telfien ta' artijiet u l-abbandun taż-żoni agrikoli marġinali;

21.    Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-iżvilupp rurali għat-tkabbir ekonomiku u soċjali tat-territorji u jħeġġeġ l-appoġġ tal-bdiewa żgħażagħ;

22.    Jistieden lill-Kummissjoni taħdem favur ftehim internazzjonali ambizzjuż li jiġbor fih il-kunċett ta' "ikel għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima", invista tad-diskussjonijiet internazzjonali tal-21 Sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima li se ssir f'Pariġi fl-2015;

23.    Jistieden lill-Kunsill jirrikonoxxi r-rwol tas-settur agrikolu kollu kemm hu kemm fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima kif ukoll fl-adattament għalih;

24.    Jistieden lill-Kummissjoni tiġġieled kontra l-ħela tal-ikel b'għanijiet ambizzjużi, definiti b'mod ċar u vinkolanti biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu azzjoni kontra l-ħela tal-ikel f'kull livell tal-katina tal-provvista tal-ikel, mill-għalqa sal-mejda tal-konsumatur;

25.    Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jedukaw liċ-ċittadini, jippromwovi u jxerrdu l-aħjar prattiki, iwettqu analiżijiet u jibdew kampanji soċjali u edukattivi fl-iskejjel dwar il-ħela tal-ikel u l-importanza ta' dieta tajba għas-saħħa, ibbilanċjata u jagħtu prijorità lill-produzzjoni agrikola lokali kif ukoll billi jinnominaw lill-2016 bħala s-Sena Ewropea kontra l-Ħela tal-Ikel;

26.    Iqis li huwa importanti li jinbeda djalogu mal-partijiet interessati sabiex ikun żgurat li l-ikel li ma jinbiegħx, li jkun sikur u jista' jittiekel isir disponibbli sistematikament għall-organizzazzjonijiet tal-karità;

27.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jkomplu jippromwovi, ibda mill-ewwel snin tal-iskola, l-ikel tajjeb għas-saħħa, nutrizzjoni konxja u standards kwalittattivi u ta' sostenibilità fin-nutrizjoni f'termini ta' riċerka u edukazzjoni – billi jinkoraġġixxu stili ta' ħajja responsabbli u tajbin għas-saħħa – u jkomplu jiżviluppaw politika mmirata biex teqred in-nutrizzjoni ħażina u d-dieti inadegwati u tipprevjeni l-obeżità;

28.    Jisħaq fuq l-importanza li tiġi inkoraġġita l-edukazzjoni dwar nutrizzjoni tajba għas-saħħa u bbilanċjata kif ukoll li ssir sensibilizzazzjoni dwar il-prodotti lokali kif ukoll id-dieti tradizzjonali u li dawn ikunu promossi;

29.    Jissuġġerixxi enerġikament li s-sistema alimentari kollha kemm hi, li tagħha tifforma parti l-agrikoltura, flimkien mal-kummerċ, is-saħħa, l-edukazzjoni, il-klima u l-politiki enerġetiċi, taħdem fl-ambitu ta' approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, li għandu jiġi sostnut mill-Unjoni;

30.    Jitlob, għaldaqstant, l-inklużjoni tad-dimensjoni tal-ġeneru u l-promozzjoni tal-emanċipazzjoni tan-nisa fil-politiki kollha mmirati lejn il-ġlieda kontra l-insigurtà tal-ikel;

31.    Itenni l-importanza tal-promozzjoni tal-agrikoltura fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-importanza li jiġi allokat sehem xieraq tal-għajnuna tal-UE għall-iżvilupp barrani (ODA) għall-iżvilupp tas-settur agrikolu; iqis deplorevoli l-fatt li kien hemm tnaqqis drastiku fil-livell ta' għajnuna għall-iżvilupp allokat għall-agrikoltura mis-snin tmenin 'l hawn u jilqa' b'sodisfazzjon ir-rikonoxximent tal-ħtieġa li din it-tendenza tinbidel;

32.    Iqis li huwa importanti li jitjiebu l-kundizzjonijiet tan-nisa fl-agrikoltura, speċjalment fil-pajjiżi tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), peress li l-emanċipazzjoni tan-nisa rurali u l-investiment fihom urew li kien hemm żieda sinifikanti fil-produttività, u tnaqqis fil-ġuħ u fin-nutrizzjoni ħażina;

33.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-programmi ta' kooperazzjoni msejsa fuq il-mikrokreditu mmirati għall-appoġġ tal-azjendi agrikoli żgħar sostenibbli mil-lat ambjentali u maħsubin biex jipprovdu l-ikel lill-popolazzjonijiet lokali;

34.    Jistieden lill-Kummissjoni torjenta lill-politiki alimentari tal-UE lejn aktar sostenibilità tul il-katina tal-provvista tal-ikel kollha sabiex jiġu promossi l-prodotti organiċi u bijodinamiċi u d-distribuzzjoni ta' "kilometru zero";

35.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill kif ukoll lill-kummissarji tal-Istati Membri parteċipanti responsabbli mill-Expo 2015 ta' Milan.

(1)

ĠU C 136 E, 11.5.2012, p. 8.

(2)

ĠU C 227, 6.8.2013, p. 25.

Avviż legali - Politika tal-privatezza