Proċedura : 2015/2589(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0364/2015

Testi mressqa :

B8-0364/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.66
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0175

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 159kWORD 244k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0363/2015
27.4.2015
PE555.138v01-00
 
B8-0364/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar it-tieni anniversarju tat-tiġrif tal-bini Rana Plaza u s-sitwazzjoni attwali tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà (2015/2589(RSP))


Gabriele Zimmer, Anne-Marie Mineur, Paloma López Bermejo, Patrick Le Hyaric, Marie-Christine Vergiat, Pablo Iglesias, Lola Sánchez Caldentey, Malin Björk, Eleonora Forenza, Kateřina Konečná, Rina Ronja Kari, Younous Omarjee, Curzio Maltese, Marisa Matias, Stefan Eck, Fabio De Masi, Josu Juaristi Abaunz, Marina Albiol Guzmán, Lidia Senra Rodríguez, Javier Couso Permuy, Ángela Vallina, Sofia Sakorafa, Kostas Chrysogonos, Helmut Scholz, Martina Michels f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tieni anniversarju tat-tiġrif tal-bini Rana Plaza u s-sitwazzjoni attwali tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà  (2015/2589(RSP))  
B8‑0364/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta "Nibqgħu involuti: Patt dwar is-Sostenibbiltà għal titjib kontinwu fid-drittijiet tax-xogħol u fis-sikurezza tal-fabbriki fl-industrija tal-ilbies u tax-xogħol tal-malja lesti fil-Bangladexx", iffirmata f'Ġinevra fit-8 ta' Lulju 2013 minn rappreżentanti tal-Gvern tal-Bangladexx, l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO),

–       wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tekniku tal-Kummissjoni Ewropea tat-8 ta' Lulju 2014 dwar it-tema "Nibqgħu involuti – Patt dwar is-Sostenibbiltà għal titjib kontinwu fid-drittijiet tax-xogħol u fis-sikurezza tal-fabbriki fl-industrija tal-ilbies u tax-xogħol tal-malja lesti fil-Bangladexx",

–       wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trade Unions (ITUC) bit-titolu "A review of the 2013 Bangladesh Labour Act" ("Rieżami tal-Att dwar ix-Xogħol tal-2013 tal-Bangladexx"),

–       wara li kkunsidra l-laqgħa ta' segwitu għall-Patt dwar is-Sostenibbiltà tal-Bangladexx li saret fl-20 ta' Ottubru 2014 fi Brussell,

–       wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni konġunta tal-ITUC, tal-UNI Global Union u tal-IndustriAll bit-titolu "An evaluation of the Bangladesh Sustainability Compact" ("Evalwazzjoni tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà tal-Bangladexx"), aġġornata f'Marzu 2015,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) Nru 81 dwar l-Ispezzjoni fuq ix-Xogħol, il-Konvenzjoni tal-ILO Nru 87 dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni u l-Konvenzjoni tal-ILO Nru 98 dwar id-Dritt għall-Organizzazzjoni u l-Innegozjar Kollettiv, li l-Bangladexx hu firmatarju tagħhom,

–       wara li kkunsidra l-"Ftehim għal Arranġament Prattiku dwar il-Pagamenti lill-Vittmi tal-Inċident ta' Rana Plaza u lill-Familji tagħhom", magħruf bħala l-"Arranġament", miftiehem f'Novembru 2013,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) Nru 121 dwar il-Benefiċċji f'Każ ta' Korriment fuq il-Post tax-Xogħol,

–       wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali,

–       wara li kkunsidra l-Qbil dwar is-Sikurezza kontra n-Nirien u s-Sikurezza tal-Bini fil-Bangladexx, iffirmat f'Mejju 2013,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta magħmula mill-Gvernijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi, Franza, id-Danimarka, il-Ġermanja, ir-Renju Unit, l-Italja u Spanja waqt il-laqgħa tal-OECD tas-26 ta' Ġunju 2014 f'Pariġi, li tappella għal aktar kumpens għall-vittmi tat-tiġrif tal-bini Rana Plaza,

–       wara li kkunsidra s-Sena Ewropea għall-Iżvilupp u l-inizjattiva ewlenija dwar ġestjoni responsabbli fil-katina tal-provvista tal-ilbies,

–       wara li kkunsidra s-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati (SĠP) tal-UE, li bis-saħħa tagħha l-Bangladexx, bħala wieħed mill-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDC), jingħata aċċess mingħajr dazju u mingħajr kwoti għas-suq Ewropew permezz tal-iskema "Kollox Ħlief Armi" (EBA – Everything But Arms),

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Popolari tal-Bangladexx dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-UNHRC (il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU), adottata fis-26 ta' Ġunju 2014, li tistabbilixxi grupp ta' ħidma intergovernattiv bil-mandat li jiżviluppa strument internazzjonali legalment vinkolanti li jirregola l-attivitajiet ta' korporazzjonijiet transnazzjonali,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladexx, b'mod partikolari dawk tas-17 ta' Jannar 2013(1), tal-14 ta' Marzu 2013(2), tal-21 ta' Novembru 2013(3), tas-16 ta' Jannar 2014(4) u tat-18 ta' Settembru 2014(5),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-24 ta' April 2015 kien it-tieni anniversarju tat-tiġrif tal-bini Rana Plaza f'Sayar, il-Bangladexx, fejn inqatlu 1 134 ruħ u madwar 2 500 ruħ oħra sfaw midruba, bir-riżultat li ħafna minnhom sfaw diżabbli b'mod permanenti jew temporanju; billi t-tiġrif ta' Rana Plaza jikkostitwixxi wieħed mill-akbar diżastri industrijali fid-dinja iżda fl-istess ħin ma jikkostitwixxix l-ewwel diżastru industrijali fatali fil-Bangladexx minħabba nuqqas konsistenti u sistematiku ta' rispett għal standards tas-saħħa u tas-sikurezza u nuqqas ta' rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema u tat-trade unions;

B.     billi fil-31 ta' Jannar 2015 tal-anqas 13-il ħaddiem sfaw maqtula f'nirien f'fabbrika tal-plastik f'Daka; billi fit-8 ta' Ottubru 2014 seba' persuni mietu f'nirien fil-fabbrika Aswad Composite Mills, li kienet tipprovdi drapp għal fabbriki oħra tal-Bangladexx biex jinħadem fi lbies għal klijenti mill-Amerika ta' Fuq u mill-Ewropa bħal Walmart, Gap, H&M u Carrefour; billi fl-24 ta' Novembru 2013 112-il ruħ mietu f'nirien fil-fabbrika Tazreen Fashion fuq barra ta' Daka, li kienet tgħodd lis-C&A fost il-klijenti tagħha; billi skont rapport mill-Clean Clothes Campaign u SOMO, kważi 600 ħaddiem mietu f'245 każ ta' nirien f'fabbrika tal-ħwejjeġ fil-Bangladexx bejn l-2006 u l-bidu tal-2013;

C.     billi 29 ditta globali kellhom esperjenza reċenti ta' xiri jew kellhom ordnijiet kurrenti ma' fabbriki tat-tessuti u tal-ilbies li jinsabu fil-bini Rana Plaza fiż-żmien li fih seħħ id-diżastru; billi, skont il-UNI Global Union, kemm kemm qabel l-24 ta' April 2013 kienu ġew osservati xquq fil-bini Rana Plaza, li wasslu għal waqfien temporanju tal-kumpless; billi l-ħaddiema fis-settur tal-ilbies impjegati fil-bini Rana Plaza sfaw imġiegħla jerġgħu jibdew jaħdmu l-għada;

D.     billi l-ebda ammont ta' flus ma jista' jagħti kumpens għas-sofferenza ta' dawk li tilfu l-għeżież tagħhom; billi, madankollu, huwa essenzjali li jingħata kumpens finanzjarju lill-familji tal-mejtin u lil dawk li sfaw midruba jew spiċċaw diżabbli bħala riżultat tad-diżastru biex ikunu jistgħu jiġġieldu għas-sopravivenza ekonomika tagħhom; billi sentejn wara d-diżastru ta' Rana Plaza, l-għoti tal-kumpens għadu kwistjoni taħraq; billi l-ammont iffissat biex ikopri t-total tat-talbiet kollha għal kumpens ġie stabbilit għal bejn USD 30 miljun u USD 40 miljun; billi fi Frar 2015 l-ammont totali miġbur minn dawn il-kontribuzzjonijiet kien ta' USD 21,5 miljun, u dan ifisser li mill-anqas USD 8,5 miljun baqgħu pendenti;

E.     billi f'Awwissu 2014 ħaddiema fis-settur tal-ilbies ta' Tuba Group bdew strajk tal-ġuħ minħabba li kienu ilhom tliet xhur ma jitħallsu; billi Tuba Group hija l-istess kumpanija li kienet proprjetarja tal-fabbrika Tazreen Fashion, fejn aktar minn 100 ħaddiem mietu f'nirien fl-2012; billi għadu ma ġiex imħallas kumpens adegwat lil dawk il-ħaddiema;

F.     billi d-diżastru ta' Rana Plaza ħareġ fid-dieher in-nuqqasijiet eżistenti b'rabta mat-trasparenza u t-traċċabbiltà tul il-katini tal-provvista;

G.     billi s-settur tal-ilbies lest fil-Bangladexx jimpjega 4 miljun ruħ, li 80 % minnhom huma nisa; billi l-UE hija l-akbar destinazzjoni tal-Bangladexx f'dak li jikkonċerna l-esportazzjoni tal-ilbies, segwita mill-Istati Uniti tal-Amerika;

H.     billi, bħala riżultat tad-diżastru ta' Rana Plaza u l-protesti pubbliċi li segwew, ittieħdu diversi inizjattivi mmirati lejn it-titjib tas-sitwazzjoni fis-settur tal-ilbies lest fil-Bangladexx; billi dawn l-inizjattivi jinkludu l-Patt dwar is-Sostenibbiltà, li, flimkien mal-Bangladexx, l-UE ffirmat f'Lulju 2013, il-"Qbil dwar is-Sikurezza kontra n-Nirien u s-Sikurezza tal-Bini" bejn id-ditti u t-trade unions, li ġie ffirmat f'Mejju 2013, u l-"Ftehim għal Arranġament Prattiku dwar il-Pagamenti lill-Vittmi tal-Inċident ta' Rana Plaza u lill-Familji tagħhom" (l-Arranġament ta' Rana Plaza), li ġie ffirmat f'Novembru 2013;

I.      billi l-Patt dwar is-Sostenibbiltà jkompli jibni fuq l-impenji eżistenti favur ir-rispett għad-drittijiet tax-xogħol, is-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u l-appoġġ u l-promozzjoni ta' kondotta responsabbli fil-qasam tan-negozju; billi l-Qbil dwar is-Sikurezza kontra n-Nirien u s-Sikurezza tal-Bini huwa ftehim ta' ħames snin, indipendenti u legalment vinkolanti, bejn id-ditti u l-bejjiegħa bl-imnut globali u t-trade unions, bil-għan li tinbena industrija sikura u f'saħħitha għall-ilbies lest fil-Bangladexx; billi l-Arranġament ta' Rana Plaza, ippresedut mill-ILO, ġie ffirmat minn rappreżentanti tal-partijiet interessati ewlenin kollha u jifforma l-bażi għall-istabbiliment ta' sistema kredibbli, trasparenti u indipendenti biex jingħata appoġġ lill-vittmi ta' Rana Plaza u lill-familji u d-dipendenti tagħhom f'konformità mal-istandards minquxa fil-Konvenzjoni tal-ILO Nru 121, li tirrigwarda l-benefiċċji f'każ ta' korriment fuq il-post tax-xogħol; billi l-kumpens suppost jitħallas permezz ta' Fond Fiduċjarju tad-Donaturi;

J.      billi minkejja li sar xi progress, huwa rikonoxxut fil-wisa' mill-atturi internazzjonali kollha li d-drittijiet tal-ħaddiema u tat-trade unions għadhom qed ikunu serjament u sistematikament miksurin fil-Bangladexx; billi l-emendi tal-2013 għall-Att dwar ix-Xogħol tal-Bangladexx kienu limitati ħafna u għalhekk jibqgħu ma jilħqux l-istandards internazzjonali fir-rigward tal-libertà ta' assoċjazzjoni, id-dritt għall-istrajk u l-innegozjar kollettiv kif ukoll id-dritt li dak li jkun jissieħeb fi trade union, partikolarment fir-rigward taż-żoni ta' pproċessar għall-esportazzjoni; billi l-Gvern tal-Bangladexx s'issa naqas milli joħroġ ir-regoli u r-regolamenti ta' implimentazzjoni fir-rigward ta' dawk l-emendi, minkejja wegħdiet ripetuti li jagħmel dan; billi programmi bħall-Programm għal Xogħol Aħjar tal-ILO u l-programm ta' taħriġ fil-qafas tal-Qbil tal-Bangladexx jiddependu mill-ħruġ ta' dawk ir-regoli u regolamenti;

K.     billi minkejja r-rekluaġġ ta' spetturi tax-xogħol ġodda, il-gvern naqas milli jikseb l-għan tiegħu li jilħaq il-200 spettur tax-xogħol sa tmiem l-2013, u s'issa għadu ma kisbux; billi r-rappurtar dwar l-ispezzjonijiet fuq ix-xogħol la huwa frekwenti u lanqas komplut;

L.     billi l-ITUC tesprimi tħassib dejjem jikber dwar il-fatt li min iħaddem qed jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' unions immexxija mill-kumpaniji jew mill-maniġers aktar milli mmexxija mill-ħaddiema; billi r-rekwiżit minimu ta' 30 % biex tinħoloq union għadu fis-seħħ; billi t-trade unions jibqgħu de facto pprojbiti fiż-żoni ta' pproċessar għall-esportazzjoni li jimpjegaw madwar 400 000 ħaddiem; billi l-abbozz ta' leġiżlazzjoni attwali li jkopri ż-żoni ta' pproċessar għall-esportazzjoni jżomm din il-projbizzjoni u jħalli ż-żoni ta' pproċessar għall-esportazzjoni barra mill-ambitu tal-ispettorat nazzjonali tax-xogħol;

M.    billi minkejja ż-żieda fil-paga minima minn 3000 taka (EUR 35) għal 5 300 taka (EUR 62) fix-xahar f'Novembru 2013, il-ħaddiema fis-settur tal-ilbies tal-Bangladexx ma jaqilgħux paga għolja biżżejjed għall-għajxien tagħhom, għadhom fost l-aktar ħaddiema mħallsa ħażin fid-dinja u jkollhom jitħabtu biex ilaħħqu mal-ħajja; billi huwa stmat li huma meħtieġa 8 900 taka (EUR 104) biex ikopru l-ħtiġijiet bażiċi; billi d-diversi rapporti jissuġġerixxu li bejn 40 % u 80 % tal-fabbriki tal-ħwejjeġ jonqsu milli jħallsu l-paga minima legali attwali;

N.     billi l-2015 timmarka s-Sena Ewropea għall-Iżvilupp u billi l-Bangladexx huwa benefiċjarju tas-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati (SĠP) tal-UE, li lill-Bangladexx, bħala wieħed mill-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDC), tagħtih aċċess mingħajr dazju u mingħajr kwoti għas-suq Ewropew permezz tal-iskema "Kollox Ħlief Armi" (EBA) tas-SĠP;

O.     billi l-Bangladexx jinsab fil-136 pożizzjoni minn 177 pajjiż fuq l-Indiċi tat-Trasparenza u billi l-korruzzjoni hija endemika fil-katina ta' provvista globali tal-ilbies u tinvolvi kemm il-forzi politiċi kif ukoll il-korporazzjonijiet lokali u multinazzjonali;

P.     billi, skont ir-rapport tal-Bank Dinji, il-Bangladexx ra tnaqqis fl-għadd ta' nies li jgħixu fil-faqar tul dawn l-aħħar għaxar snin; billi minkejja dan it-tnaqqis uffiċjali, 53 miljun ruħ minn popolazzjoni ta' 160 miljun xorta għadhom jgħixu fil-faqar; billi l-Bangladexx jinsab fil-142 pożizzjoni minn 187 pajjiż skont l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem;

Q.     billi d-drittijiet tat-trade unions u tal-ħaddiema huma parti integrali mid-drittijiet tal-bniedem; billi organizzazzjonijiet ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem jindikaw deterjorament serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bangladexx, b'mod partikolari mill-elezzjonijiet ta' Jannar 2014 'il hawn; billi l-Bangladexx ingħata l-aktar punteġġ baxx fuq l-Indiċi tad-Drittijiet Globali tal-ITUC, fatt li ma jindika l-ebda garanzija effikaċi tad-drittijiet;

R.     billi n-nirien fil-fabbriki, it-tiġrif tal-bini u inċidenti oħra relatati ma' kwistjonijiet ta' saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol mhumiex limitati għas-settur tal-ilbies lest fil-Bangladexx waħdu iżda jibqgħu kwistjonijiet ta' tħassib serju f'pajjiżi li qed jiżviluppaw u f'pajjiżi l-anqas żviluppati oħra b'settur qawwi tal-ilbies lesti orjentat lejn l-esportazzjoni;

1.      Jirrikonoxxi li passi fid-direzzjoni t-tajba li kienu ilhom żmien twil pendenti ttieħdu biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol; jiddispjaċih bil-kbir talli, milli jidher, kellu jseħħ diżastru tal-iskala ta' Rana Plaza, kif ukoll il-protesti pubbliċi li segwew, biex jibdew isiru l-ewwel passi lejn bidla fis-sistema tar-relazzjonijiet industrijali fis-settur tal-ilbies lest fil-Bangladexx;

2.      Ifakkar li l-Kumitat ta' Koordinazzjoni ta' Rana Plaza stabbilixxa l-Fond Fiduċjarju tad-Donaturi għal Rana Plaza sabiex jiġbor donazzjonijiet volontarji minn kumpaniji u minn entitajiet oħrajn bħala kumpens għall-vittmi u l-familji tad-diżastru ta' Rana Plaza u jfakkar li l-ammont stmat meħtieġ biex ikopri l-ispejjeż tat-talbiet kollha għal kumpens ġie stabbilit għal bejn USD 30 miljun u USD 40 miljun; jistmell il-fatt li minn Frar 2015 'il hawn, l-ammont totali miġbur minn donazzjonijiet ta' kumpaniji volontarji għall-Fond Fiduċjarju tad-Donaturi kemm kemm qabeż iċ-ċifra ta' USD 21,5 miljun u b'hekk mill-anqas USD 8,5 miljun għadhom pendenti;

3.      Itenni l-pożizzjoni tiegħu, adottata fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Settembru 2014, li tgħid li l-prinċipju ta' donazzjonijiet ta' kumpaniji volontarji lill-Fond Fiduċjarju tad-Donaturi naqas lill-vittmi tad-diżastru ta' Rana Plaza u li mekkaniżmu mandatorju huwa meħtieġ b'urġenza;

4.      Jistieden lid-ditti kollha li jixtru minn Rana Plaza jew li għandhom rabtiet sinifikanti mal-Bangladexx, kif ukoll lill-Gvern tal-Bangladexx u lill-Bangladesh Garment Manufacturers and Exporters Association (BGMEA – Assoċjazzjoni għall-Manifatturi u l-Esportaturi tal-Ilbies tal-Bangladexx), biex jiżguraw li l-Fond Fiduċjarju tad-Donaturi jkollu tal-anqas is-somma stmata ta' USD 30 miljun għad-dispożizzjoni tiegħu fiż-żmien tat-tieni anniversarju tad-diżastru ta' Rana Plaza sabiex ikun jista' jitħallas il-kumpens miftiehem;

5.      Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill Ewropew u lill-Istati Membri jinkludu l-kumpens bħala parti integrali tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà u jużaw it-tieni anniversarju tat-tiġrif ta' Rana Plaza biex ivaraw kampanja pubblika ta' xandir tal-ismijiet u ċanfir pubbliku ("naming and shaming") fir-rigward ta' dawk il-kumpaniji li jixtru minn Rana Plaza u li naqsu milli jonoraw l-impenji tagħhom biex jagħmlu pagamenti fil-Fond Fiduċjarju tad-Donaturi sabiex ikun jista' jitħallas kumpens xieraq u li ilu pendenti lill-familji u lill-vittmi tad-diżastru ta' Rana Plaza;

6.      Jistieden lill-Kunsill Ewropew u lill-Istati Membri jeskludu l-kumpaniji u s-sussidjarji tagħhom li jiksru d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-ħaddiema fil-Bangladexx mill-kuntratti ta' akkwist pubbliku; huwa tal-fehma li dan għandu japplika wkoll għall-kumpaniji li kienu jixtru minn Rana Plaza fiż-żmien tad-diżastru u li qed ikomplu jonqsu milli jikkontribwixxu lejn il-Fond Fiduċjarju tad-Donaturi;

7.      Jistieden lill-Kummissjoni tonora l-obbligi ta' monitoraġġ tagħha b'rabta mal-adeżjoni tal-Bangladexx għall-konvenzjonijiet fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, tax-xogħol u tal-ambjent fil-qafas tas-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati u tirrapporta lura lill-Parlament dwar is-sejbiet tagħha sat-tieni anniversarju tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà bil-ħsieb li jinbdew passi xierqa f'każ ta' ksur serju u sistematiku tal-prinċipji stabbiliti fil-konvenzjonijiet elenkati fil-Parti III tal-Anness A tar-Regolament dwar is-SĠP;

8.      Jirrikonoxxi li fil-preżent, 200 ditta tal-moda u tal-bejgħ bl-imnut iffirmaw il-Qbil legalment vinkolanti dwar is-Sikurezza kontra n-Nirien u s-Sikurezza tal-Bini u jilqa' dan bħala l-ewwel kisba importanti, iżda fl-istess ħin jagħmel appell urġenti lil dawk kollha, b'mod partikolari ditti bbażati fl-UE, li għadhom ma ffirmawx il-Qbil sabiex jagħmlu dan mingħajr iżjed dewmien;

9.      Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa proposti u għodod kredibbli u sodi biex ittejjeb it-trasparenza u t-traċċabbiltà tul il-katina tal-provvista; huwa tal-fehma li dispożizzjonijiet mandatorji tad-data kollha tal-fornituri bħala rekwiżit għad-dħul fis-suq tal-UE għandhom jikkostitwixxu pass importanti f'dan ir-rigward;

10.    Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa proposti legalment vinkolanti u infurzabbli fir-rigward ta' diliġenza dovuta fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem sabiex jiġu identifikati każijiet ta' ksur attwali u potenzjali fil-ktajjen tal-provvista ta' kumpaniji bbażati fl-UE u sabiex jiġu previsti rimedji effikaċi fil-qafas tal-inizjattiva ewlenija għal ġestjoni responsabbli tal-katina tal-provvista fis-settur tal-ilbies;

11.    Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill Ewropew u lill-Istati Membri jintroduċu proposta leġiżlattiva għal mekkaniżmi vinkolanti u infurzabbli dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva għall-kumpaniji bbażati fl-UE u s-sussidjarji tagħhom li joperaw f'pajjiżi terzi sabiex jagħmluha mandatorja għall-kumpaniji bbażati fl-UE u s-sussidjarji tagħhom li jaderixxu mal-istandards soċjali, tax-xogħol u ambjentali tul il-katina kollha ta' provvista tagħhom; jiddeplora l-fatt li Stati Membri vvutaw kontra r-riżoluzzjoni tal-UNHCR adottata fis-26 ta' Ġunju 2014, li tistabbilixxi grupp ta' ħidma intergovernattiv bil-mandat li jiżviluppa strument internazzjonali legalment vinkolanti li jirregola l-attivitajiet ta' korporazzjonijiet transnazzjonali, u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib man-NU biex jintlaħaq dan il-għan;

12.    Jinnota li l-Att dwar ix-Xogħol tal-Bangladexx ġie emendat wara d-diżastru ta' Rana Plaza; Jesprimi, madankollu, in-nuqqas ta' sodisfazzjon kbir tiegħu rigward il-fatt li l-Gvern tal-Bangladexx naqas milli joħroġ ir-regoli u r-regolamenti ta' implimentazzjoni għall-Att dwar ix-Xogħol tal-Bangladexx, minkejja wegħdiet numerużi li jagħmel dan; jistieden b'mod urġenti lill-Gvern tal-Bangladexx biex joħroġ tali regoli u regolamenti ta' implimentazzjoni mingħajr aktar dewmien u biex iwaqqa' minnufih ir-rekwiżit minimu ta' 30 % għas-sħubija fit-trade unions; jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe dewmien ulterjuri se jiġi interpretat bħala nuqqas apparenti ta' rieda min-naħa tal-Gvern tal-Bangladexx li jieħu l-passi neċessarji biex irawwem sistema ta' relazzjonijiet industrijali aktar matura;

13.    Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx biex jikkonforma bis-sħiħ mal-impenji tiegħu skont it-Taqsimiet I u II tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà sa ma jasal iż-żmien tat-tieni anniversarju tal-Patt f'Lulju 2015, u jisħaq fuq il-ħtieġa li jkompli jemenda l-Att dwar ix-Xogħol tal-Bangladexx; jinsisti li l-Konvenzjonijiet tal-ILO Nri 87 u 98 iridu jiġu rispettati bis-sħiħ u li l-kopertura tagħhom trid tiġi estiża għall-ħaddiema kollha, inklużi dawk li jaħdmu f'żoni tal-ipproċessar għall-esportazzjoni, li fihom it-trade unions għadhom ipprojbiti u fejn hu magħruf li l-kundizzjonijiet tax-xogħol huma ħżiena ħafna, waqt li l-istandards tas-saħħa u tas-sikurezza huma baxxi għall-aħħar;

14.    Jesprimi d-diżappunt tiegħu għall-fatt li l-Gvern tal-Bangladexx mhux biss naqas milli jirrispetta l-iskadenza maqbula għar-reklutaġġ ta' 200 spettur addizzjonali sal-aħħar tal-2013 iżda għadu ma rnexxilux jikseb dan l-objettiv; jinnota li hemm nuqqasijiet serji fir-rappurtar u fl-ispezzjonijiet ta' segwitu regolari, li huma kruċjali sabiex isir progress u jiġu evitati diżastri futuri; jikkondividi l-fehma tat-trade unions internazzjonali li jiħqu fuq il-ħtieġa kruċjali li jkun hemm reklutaġġ u taħriġ addizzjonali u li jiġu ggarantiti l-indipendenza u n-nuqqas ta' partiġġjaniżmu tal-ispetturi tax-xogħol; jistieden, għalhekk, lill-Gvern tal-Bangladexx biex jagħmel dak li huwa meħtieġ ħalli jikseb dawk l-objettivi;

15.    Jirrikonoxxi u jilqa' ż-żieda fl-għadd ta' trade unions li ġew rikonoxxuti fis-settur tal-ilbies lest (275 mill-2013 'il hawn) iżda jirrimarka li dawn jirrappreżentaw biss frazzjoni minima ta' forza tax-xogħol ta' aktar minn 4 miljuni, l-aktar nisa, ħaddiema mifruxa fuq aktar minn 5 000 fabbrika tal-ħwejjeġ u li l-biċċa l-kbira ta' dawn it-trade unions huma mċaħħda mid-dritt għall-innegozjar kollettiv; jirrimarka wkoll li fl-2014 il-proċess ta' rikonoxximent naqqas il-pass u li 26 % tal-applikazzjonijiet kollha ppreżentati ġew miċħuda għal raġunijiet ta' dehra arbitrarja;

16.    Jistieden b'mod urġenti lill-BGMEA biex tikkonformaw mal-paga minima miftiehma fis-settur u tal-anqas tħallas tali paga; iħaddan l-opinjoni qawwija li l-paga minima miftiehma xorta tonqos milli tkopri l-ħtiġijiet bażiċi tal-ħaddiema impjegati fis-settur u jeħtieġ li tkompli tiżdied f'konformità ma' talbiet tat-trade unions; jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx biex jiżgura li min iħaddem fis-settur tal-ilbies iħallas il-pagi dovuti kollha mingħajr dewmien;

17.    Jistmell l-attitudni mifruxa ta' antitrejdunjoniżmu u ta' sfaxxar tat-trade unions li tipprevali fil-Bangladexx, enfasizzata minn atti ta' ritaljazzjoni dokumentati kif imiss kontra ħaddiema msieħba fi trade unions kif ukoll permezz ta' atti ta' vjolenza fiżika kontra mexxejja u attivisti tat-trade unions, inkluż il-qtil tal-mexxej ta' trade union Aminul Islam; jiddefendi d-drittijiet tal-ħaddiema fil-Bangladexx li jiffurmaw u jirreġistraw trade unions indipendenti u jissieħbu magħhom, inkluż f'żoni ta' pproċessar għall-esortazzjoni, mingħajr biża' ta' fastidju; jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx jiggarantixxi dawn id-drittijiet fundamentali u jtella' lill-awturi tal-qtil ta' Aminul Islam quddiem il-ġustizzja;

18.    Jissotolinja li n-nuqqas kontinwu ta' kunsiderazzjoni għad-drittijiet tal-ħaddiema u tat-trejdjunjins fil-Bangladexx jirrifletti l-evaporazzjoni attwali dejjem tikber tad-drittijiet bażiċi u demokratiċi taħt il-Gvern attwali tal-Bangladexx, immexxi minn Sheikh Hasina; itenni l-kundanna tiegħu tal-azzjoni kontinwa ta' trażżin min-naħa tal-gvern kontra l-membri tal-oppożizzjoni politika, l-attivisti trejdunjonistiċi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti; jinsisti li d-drittijiet demokratiċi bażiċi, bħalma huma d-dritt għal-libertà tal-għaqda u l-libertà tal-espressjoni, iridu jiġu rispettati f'kull ħin;

19.    Iqis li l-eżistenza ta' strutturi trejdunjonistiċi demokratiċi hija strument indispensabbli fil-ġlieda għal standards aħjar tas-saħħa u tas-sikurezza u għal kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar fil-livell globali, inkluż fil-ġlieda għal pagi ogħla; iħares lejn il-ftehimiet li saru bħala passi fundamentalment importanti biex jiġi evitat il-ħolqien ta' Rana Plazas ġodda u l-implikazzjonijiet tagħhom; jinsisti li dan ma jgħoddx biss għall-Bangladexx iżda wkoll għal pajjiżi oħra li qed jaffrontaw sitwazzjonijiet prekarji simili, b'mod partikolari fis-settur tal-ilbies lest;

20.    Jikkonkludi li l-mod attwali ta' produzzjoni u d-dominanza ta' bejjiegħa bl-imnut u ditti multinazzjonali fis-settur tal-ilbies lest fil-Bangladexx u f'pajjiżi oħra jqajmu dubji serji dwar is-sostenibbiltà u l-ġustifikabbiltà ta' sistema ekonomika li hija bbażata fuq nuqqas flagranti ta' rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema u tat-trade unions, pagi baxxi u l-isfruttament bil-għan li tiġġenera d-dħul meħtieġ biex tikseb il-profitti li għandha bżonn biex tissopravivi f'ekonomija kapitalista globalizzata; jirrimarka li hemm bżonn soluzzjonijiet globali fis-settur tal-ilbies lest sabiex jiġi evitat li l-ħaddiema jitqiegħdu f'pożizzjoni ta' kompetizzjoni bejn xulxin;

21.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladexx, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lid-Direttur Ġenerali tal-ILO.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2013)0026.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2013)0100.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2013)0516.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2014)0045.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2014)0024.

Avviż legali - Politika tal-privatezza