Proċedura : 2015/2589(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0366/2015

Testi mressqa :

B8-0366/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.66
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0175

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 145kWORD 84k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0363/2015
27.4.2015
PE555.140v01-00
 
B8-0366/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-anniversarju tan-nirien fil-fabbriki fil-Bangladexx u l-progress tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà tal-Bangladexx (2015/2589(RSP))


Tiziana Beghin, David Borrelli f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-anniversarju tan-nirien fil-fabbriki fil-Bangladexx u l-progress tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà tal-Bangladexx (2015/2589(RSP))  
B8‑0366/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladexx, partikolarment dawk tat-23 ta' Mejju 2013 dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-istandards tas-saħħa u u tas-sikurezza wara n-nirien fil-fabbriki u t-tiġrif ta' bini reċenti fil-Bangladexx(1), tas-17 ta' Jannar 2013 dwar persuni midruba f'nirien f'fabbriki tat-tessuti, b'mod partikolari fil-Bangladexx(2), u tal-14 ta' Marzu 2013 dwar is-sitwazzjoni fil-Bangladexx(3) u dwar is-sostenibbiltà fil-katina tal-valur globali tal-qoton(4),

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-08 ta' Lulju 2014 mill-ex Kummissarju Ewropew għall-Kummerċ, Karel De Gucht, u mill-ex Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, László Andor, fl-okkażjoni tar-rieżami tal-ewwel sena tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà tal-Bangladexx,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Popolari tal-Bangladexx dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp(5),

–       wara li kkunsidra l-Qafas Promozzjonali tal-ILO għas-Sikurezza u s-Saħħa Okkupazzjonali (2006, C-187) u l-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza u s-Saħħa Okkupazzjonali (1981, C-155), li għadhom ma ġewx ratifikati mill-Bangladexx, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet rispettivi tagħhom (R-197); wara li kkunsidra wkoll il-Konvenzjoni dwar l-Ispezzjoni tax-Xogħol (1947, C-081), li l-Bangladexx huwa firmatarju tagħha, u r-rakkomandazzjonijiet tagħha (R-164),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali(6) u dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali(7),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem 'Strateġija rinnnovata tal-UE 2011-2014 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva' (COM(2011)0681) u l-aħħar Forum ta' Persuni Interessati dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR), li sar fit-3 u l-4 ta' Frar 2015,

–       wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem, li jistabbilixxu qafas kemm għall-gvernijiet kif ukoll għall-kumpaniji biex jipproteġu u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, kif approvati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Ġunju 2011,

–       wara li kkunsidra l-Kampanja Lbies Nadif,

–       wara li kkunsidra l-Qbil dwar in-Nirien u s-Sikurezza tal-Binjiet,

–       wara li kkunsidra l-Programm ta' Xogħol Aħjar varat mill-ILO u mill-Korporazzjoni Finanzjarja Internazzjonali (International Finance Corporation, IFC),

–       wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Tripartitiku Nazzjonali dwar in-Nirien u s-Sikurezza tal-Binjiet għas-Settur tal-Ilbies fil-Bangladexx,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-missjoni ta' livell għoli tal-ILO li żaret il-Bangladexx bejn l-1 u l-4 ta' Mejju 2013,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi, fl-24 ta' April 2013, aktar minn 1 100 ruħ mietu u madwar 2 500 korrew meta fabbrika tal-ħwejjeġ iġġarrfet fil-binja Rana Plaza f'Daka, il-Bangladexx, biex din saret l-agħar traġedja fl-istorja tal-industrija mondjali tal-ilbies;

B.     billi sid il-binja Rana Plaza u 40 proprjetarju ieħor ta' fabbriki fl-istess kumpless ttieħdu passi kriminali kontrihom, abbażi tal-fatt li l-binja kienet inbniet illegalment u kienet żviluppat problemi strutturali massivi, imma madankollu l-ħaddiema kienu ġġiegħlu jkomplu jaħdmu minkejja l-biżgħat tagħhom rigward is-sikurezza;

C.     billi s-suq Ewropew huwa l-akbar destinazzjoni bla dazju għall-ilbies u għall-prodotti tat-tessuti mill-Bangladexx, li jirrappreżentaw madwar 90 % tal-importazzjonijiet totali tal-UE minn dan il-pajjiż, taħt l-aktar reġim faorevoli disponibbli fl-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP) , jiġifieri Kollox Barra l-Armi (KBA);

D.     billi, qabel l-inċident, fl-industrija tal-ilbies tal-Bangladexx kienet timpjega madwar tliet miljun ruħ, aktar minn kull segment industrijali ieħor f'pajjiż ta' 160 miljun abitant, u wara t-tiġrif tal-bini 29 fabbrika ngħalqu b'mod permanenti, b'konsegwenzi serji għad-drittijiet tal-ħaddiema u għar-rata tal-qgħad fil-pajjiż;

E.     billi l-eliminazzjoni tax-xogħol tat-tfal fl-1994, il-kontinwità tat-tkabbir fl-esportazzjoni wara t-tneħħija gradwali tal-kwota MFA, u r-riċessjoni globali huma prova evidenti tal-impenn tal-gvern li jibdel is-sitwazzjoni tal-lum;

F.     billi sal-lum USD 21.5 miljun daħlu fit-Trust Fund tad-Donaturi għar-Rana Plaza permezz ta' kontribuzzjonijiet minn xerrejja, mill-Fond tal-Prim Ministru tal-Bangladexx u minn donaturi privati oħra, u billi tal-anqas USD 30 miljun huma meħtieġa biex ikopru l-pretiżi għall-kumpens; billi sal-lum dawk li ressqu l-pretiżi rċevew mhux aktar minn 70 % ta' dak li huwa dovut lilhom, filwaqt li aktar pagamenti sfaw imdewma minħabba li kumpaniji naqsu milli jħallsu l-USD 8.5 miljun li għad jonqos biex jikkompletaw l-iskema;

G.     billi l-fond ta' Kumpens tal-lum mhu se jkun jista' jħallas la l-ispejjeż medikali ta' dawk il-vittmi li jeħtieġu kura medika fit-tul u lanqas il-pagamenti supplimentari allokati għall-ħaddiema li tilfu ħajjithom u li sfaw midruba;

H.     billi d-diżastru tar-Rana Plaza wassal biex l-UE, il-Gvern tal-Bangladexx, l-Istati Uniti tal-Amerika u l-ILO flimkien fasslu l-'Patt għal Titjib Kontinwu fid-Drittijiet tax-Xogħol u fis-Sikurezza tal-Fabbriki fl-Industrija tal-Ilbies u tax-Xogħol tal-Malja fil-Bangladexx' (il-Patt dwar is-Sostenibbiltà) f'Lulju 2013, li bih il-Bangladexx impenja ruħu li jaġixxi biex itejjeb l-istandards u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-industrija tal-ilbies lest tal-pajjiż;

I.      billi l-ewwel rieżami tal-Patt sar f'Ottubru 2014, u kkonkluda li, filwaqt li kien sar progress, il-Gvern tal-Bangladexx kien jeħtieġlu jieħu passi importanti oħra, b'mod partikolari rigward it-titjib u l-implimentazzjoni tal-Liġi tax-Xogħol, it-titjib tad-drittijiet tax-xogħol, speċjalment tal-libertà ta' assoċjazzjoni, u l-ingaġġ ta' aktar spetturi tax-xogħol;

J.      billi t-tieni rieżami tal-Patt se jsir fil-Ħarifa tal-2015, u billi nistennew li jsiru aktar sforzi dwar l-impenn min-naħa tal-gvern favur l-istat tad-dritt, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda d-diskriminazzjoni kontra t-trade unions u l-ingaġġ ta' spetturi ġodda, wara li l-gvern ma rnexxilux jilħaq il-mira tiegħu ta' 200 spettur sa tmiem l-2013;

K.     billi, sena u nofs wara, il-Gvern tal-Bangladexx għadu ma ħariġx ir-regoli u r-regolamenti ta' implimentazzjoni għal-Liġi tax-Xogħol; billi l-implimentazzjoni tal-Liġi hija kundizzjoni neċessarja għall-eliġibbiltà għall-Programm għal Xogħol Aħjar tal-ILO u għall-funzjonament tal-Ftehim dwar is-Sikurezza kontra n-Nirien u s-Sikurezza tal-Bini fil-Bangladexx (il-Ftehim);

L.     billi 291 trade union ġew irreġistrati fis-settur tal-ilbies mit-tnedija tal-Patt 'il hawn; billi fl-2014, 66 applikazzjoni, li jammontaw għal 26 % tal-applikazzjonijiet kollha ppreżentati, ġew rifjutati; billi, mit-tnedija tal-Patt sal-lum, ġew rappurtati tal-anqas 45 att serju kontra t-trade unions, imwettqa minn firxa wiesgħa ta' atturi, li wħud minnhom kienu vjolenti;

M.    billi l-Gvern qabbad żewġ kumpaniji tas-settur privat (TÜV-Süd u VEC) biex iwettqu spezzjonijiet skont il-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali (NAP) sa April 2015; billi nstab rimedju għal madwar 20 % tal-kwistjonijiet ta' sikurezza fil-Pjanijiet ta' Azzjoni Korrettiva;

N.     billi fil-preżent kważi 200 ditta tal-moda u tal-bejgħ lill-konsumaturi ngħaqdu fil-Ftehim dwar is-Sikurezza kontra n-Nirien u s-Sikurezza tal-Bini, ftehim legalment vinkolanti bejn id-ditti u t-trade unions li jkopru kważi nofs il-fabbriki tal-Bangladexx għas-suq tal-esportazzjoni, kif ukoll żewġ miljun ħaddiem; billi 26 kumpanija oħra tal-Amerika ta' Fuq, bħal Walmart u Gap, ingħaqdu mal-Alleanza għas-Sikurezza tal-Ħaddiema fil-Bangladexx, ftehim unilaterali inteiż biex itejjeb is-sikurezza fil-fabbriki, li, madankollu, ma jinkludi l-ebda rwol għat-trade unions, u lanqas rekwiżit li jitlob li d-ditti jappoġġjaw rimedju;

O.     billi l-Gvern tal-Bangladexx u l-ILO varaw inizjattiva ġdida li tiswa USD 24.21 miljun — u li tinkludi Programm għal Xogħol Aħjar ġdid – bil-għan li ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-industrija tal-ilbies lest fil-Bangladexx; billi l-inizjattiva ta' tliet snin u nofs 'It-titjib tal-Kundizzjonijiet tax-Xogħol fis-Settur tal-Ilbies Lest' tiffoka fuq il-minimizzazzjoni tat-theddida ta' nirien u t-tiġrif tal-bini f'fabbriki tal-ilbies lest u fuq l-iżgurar tad-drittijiet u s-sikurezza tal-ħaddiema;

P.     billi l-Bangladexx għamel passi kbar biex inaqqas id-distakk bejn in-nisa u l-irġiel fis-soċjetà, wara li kiseb b'suċċess it-tielet Għan ta' Żvilupp tal-Millennju tan-NU dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi; billi n-nisa jirrappreżentaw madwar 90 % tal-4 miljun ħaddiem fis-settur tal-ilbies;

Q.     billi l-paga minima tal-ħaddiema tas-settur tal-ilbies żdiedet b'mod sinifikanti b'219 % matul l-aħħar ħames snin permezz ta' riformi governattivi;

1.      Jiftakar fil-vittmi traġiċi, li t-telf tagħhom seta' jiġi evitat, fl-okkażjoni tat-tieni anniversarju tat-traġedja ta' Rana Plaza; jestendi l-kondoljanzi tiegħu lil dawk li korrew jew sfaw diżabbli kif ukoll lill-familji tal-mejtin, u jikkundanna lil dawk responsabbli talli naqsu milli jevitaw dan id-diżastru;

2.      Jilqa' l-isforzi kontinwi tal-Bangladexx biex jimplimenta fil-liġi u fil-prassi, b'mod effikaċi, l-istandards tax-xogħol inkorporati fil-Konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO, u biex itejjeb il-qafas globali fil-qasam tas-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali;

3.      Jisħaq fuq il-ħtieġa li għadd ta' ditti rikonoxxuti madwar id-dinja, li kienu joperaw fil-binja jew li kellhom rabtiet mal-fabbriki fir-Rana Plaza, jagħmlu pagamenti adegwati fil-Fond ta' Kumpens għar-Rana Plaza biex jimlew il-lakuna ta' USD 8.5 miljun meħtieġa biex jikkompletaw din l-iskema mingħajr ebda dewmien;

4.      Jappella għar-responsabbiltà ta' ditti importanti, fosthom Benetton, Walmart, Mango u The Children's Place, li jikkontribwixxu fil-Fond permezz ta' donazzjonijiet xierqa u li ma jkunux wisq anqas minn dak li huwa mistenni;

5.      Jissuġġerixxi li l-UE tistabbilixxi proġett pilota għall-introduzzjoni ta' skema ta' tikkettar fil-Bangladexx — ilbies prodott skont standards ogħla jista' jiġi mmarkat b'tikketta speċifika, b'tali mod li l-konsumaturi u l-produtturi Ewropej ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati;

6.      Jinnota li l-Ftehim u l-Alleanza kkompletaw l-ispezzjonijiet tal-fabbriki kollha fil-mandat tagħhom; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladexx biex jikkomplementa din l-azzjoni billi bil-ħeffa jwettaq l-ispezzjoni tal-fabbriki taħt ir-responsabbiltà tiegħu u jadotta azzjonijiet ta' rimedju adegwati; jinkoraġġixxi lill-Ftehim u lill-Alleanza jtejbu l-kooperazzjoni bejniethom u jiskambjaw b'mod sistematiku rapporti ta' spezzjonijiet fil-fabbriki biex jevitaw xogħol doppju u standards doppji; jistieden lill-Alleanza tippubblika r-rapporti tagħha tinkludi fihom stampi biex ikunu aċċessibbli għal kulħadd fil-pajjiż;

7.      Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda reċenti fil-paga minima fis-settur tal-ilbies lest u jinkoraġġixxi implimentazzjoni aktar universali u konkreta; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladexx jissanzjona lill-kumpaniji li jħallsu lill-ħaddiema anqas minn din il-paga minima; jinkoraġġixxi lill-gvern u lill-kumpaniji jibqgħu jirrevedu l-paga minima bil-ħsieb li tilħaq il-livell ta' paga suffiċjenti għall-għajxien, u li tirrifletti aħjar il-prezz finali tal-prodott;

8.      Jinkoraġġixxi l-passi kollha meħtieġa, bl-appoġġ tal-ILO, biex ikomplu jtejbu l-eżerċizzju tal-libertà ta' assoċjazzjoni, jiżguraw in-negozjar kollettiv u l-applikazzjoni tal-Liġi tax-Xogħol nazzjonali għaż-Żoni tal-Ipproċessar għall-Esportazzjoni, li jimpjegaw aktar minn 400 000 ħaddiem fis-setturi tal-ilbies u ż-żraben, u fost l-oħrajn jiżguraw li l-ispetturi tal-Ministeru tax-Xogħol aġenziji regolatorji oħra jkollhom awtorità u responsabbiltà sħiħa għat-twettiq ta' spezzjonijiet; iħeġġeġ lill-Gvern jorganizza, b'mod regolari, stħarriġiet fost il-ħaddiema biex jevalwa l-ottemperanza mal-Liġi tax-Xogħol, kif ukoll jiffaċilita l-iskambju tad-data mal-ispetturi tal-Ministeru tax-Xogħol u ma' persuni interessati oħra, sew pubbliċi kuf ukoll privati, involuti f'dan il-qasam;

9.      Jissottolinja l-importanza li tinkiseb l-eliġibbiltà għall-Programm għal Xogħol Aħjar bil-għan li l-konformità mal-istandards tax-xogħol tittejjeb u l-kompetittività f'katini ta' forniment globali fl-industrija ta-ilbies lest u tax-xogħol tal-malja;

10.    Jilqa' r-reġistrazzjoni ta' 291 trade union fis-setur tal-ilbies mit-tnedija tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà u jitlob li r-riforma tal-Atta dwar ix-Xogħol tal-2013 tiġi implimentata b'mod effikaċi, inkluża l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra t-trade unions, li hija prevalenti ħafna u li jġarrbuha l-mexxejja tat-trade unions permezz ta' ritaljazzjoni vjolenti kontrihom mill-maniġment jew mill-aġenti tal-maniġment; jinkoraġġixxi rwol aktar miftuħ u attiv tat0trade unions u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fid-dibattitu fil-Bangladexx, u speċjalment fid-dibattitu dwar is-suq tax-xogħol u fuq l-istandards tas-suq tax-xogħol;

11.    Iħeġġeġ l-ikkompletar tad-Dipartiment tal-Ispettur Kap tal-Fabbriki u l-Istabbilimenti u li jintrefa' għal Direttorat b'qawwa ta' 800 spettur, li jkollu allokazzjoni fil-baġit annwali, u l-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tiegħu, li lkoll huma essenzjali għas-sikurezza u l-kontroll tal-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' 4 miljun ħaddiem, u jitlob lill-gvern jagħtihom is-setgħa li jippenalizzaw vjolazzjonijiet tal-liġi tax-xogħol;

12.    Jilqa' l-fatt li aktar minn 70 ditta maġġuri tal-moda tal-bejgħ lill-konsumaturi li jieħdu lbies lest mill-Bangladexx iffirmaw il-Ftehim dwar is-Sikurezza kontra n-Nirien u s-Sikurezza tal-Bini biex jikkoordinaw l-isforzi tagħhom ħalli jkomplu jgħinu jtejbu s-sikurezza fil-fabbriki tal-Bangladexx li jfornuhom; f'dan il-kuntest, jinkoraġġixxi l-involviment xieraq ta' kumpaniji oħrajn, inklużi SMEs, biex jingħaqdu u jgħinu fl-implimentazzjoni effikaċi tal-Ftehim;

13.    Jitlob li l-Kummissjoni tippromwovi b'mod attiv strumenti aktar qawwija u vinkolanti fost il-kumpaniji tal-UE li joperaw barra, b'attenzjoni speċjali fuq l-iżgurar tal-konformità fil-prattika mad-drittijiet fundamentali tax-xogħol f'kull katina tal-provvista;

14.    Jitlob li fil-ftehimiet kummerċjali futuri tal-UE ma' pajjiżi terzi, is-sikurezza u s-saħħa fuq ix-xogħol jieħdu post aktar prominenti bħala parti mill-aġenda għal xogħol diċenti u li l-UE tipprovdi appoġġ tekniku għall-implimentazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet sabiex dawn ma jikkostitwixxux ostaklu għall-kummerċ;

15.    Jinnota li l-inizjattiva 'Kollox Barra l-Armi' (EBA) kellha rwol importanti għall-iżvilupp ekonomiku tal-Bangladexx u kkontribwiet għat-titjib tal-kundizzjonijiet materjali għal miljuni ta' nies, b'mod partikolari tan-nisa; jinsab konvint, madankollu, li mingħajr kundizzjonalità soda fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, hemm is-sogru li l-KBA u l-SĠP ikomplu jgħarrqu l-istandards baxxi ta' protezzjoni tal-ħaddiema u jimminaw ix-xogħol deċenti;

16.    Jittama li Patt dwar is-Sostenibbiltà fil-Bangladexx jista' jkun ta' eżempju għal pajjiżi terzi oħra li magħhom l-Unjoni qed tinnegozja jew biħsiebha tinnegozja Ftehimiet dwar il-Kummerċ Ħieles u/jew ta' Investiment u fejn l-istandards tal-ILO u l-kundizzjonijiet tax-xogħol mhumiex implimentati biżżejjed;

17.    Iħeġġeġ lill-VP/RGħ Mogherini u lill-Kummissarju Malmström biex ikomplu jinkludu r-ratifika ta' standards ċentrali tal-ILO, l-ispezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza u l-libertà ta' assoċjazzjoni f'diskussjonijiet mal-Bangladexx u ma' pajjiżi oħra dwar il-kontinwazzjoni ta' kummerċ preferenzjali; f'dan ir-rigward, jilqa' r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar sħubija fl-Inizjattiva għall-Promozzjoni tad-Drittijiet u Prattiki Fundamentali tax-Xogħol fil-Mjanmar/Burma;

18.    Iħeġġeġ lid-ditti tal-moda u tal-ilbies tal-Unjoni Ewropea, lil SMEs u lil kumpanijikumpaniji privati oħra attivi fil-Bangladexx, biex jimplimentaw il-miżuri kollha possibbli ħalli jnaqqsu l-possibbiltà li jseħħu diżastri oħra bħat-traġedja ta' Raza Plaza;

19.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u l-Parlament tal-Bangladexx u lid-Direttur Ġenerali tal-ILO.

 

(1)

Testi Adottati, P7_TA(2013)0230.

(2)

Testi Adottati, P7_TA(2013)0027.

(3)

Testi Adottati, P7_TA(2013)0100.

(4)

Testi Adottati, P7_TA(2013)0099.

(5)

ĠU L 118, 27.4.2001, p. 48.

(6)

ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 31.

(7)

ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 101.

Avviż legali - Politika tal-privatezza