Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0371/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0371/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja

27.4.2015 - (2015/2520(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Lola Sánchez Caldentey, Marisa Matias, Malin Björk, Rina Ronja Kari, Merja Kyllönen, Patrick Le Hyaric, Miloslav Ransdorf, Marie-Christine Vergiat, Younous Omarjee f'isem il-Grupp GUE/NGL

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0370/2015

Proċedura : 2015/2520(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0371/2015
Testi mressqa :
B8-0371/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0371/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja

(2015/2520(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Niġerja u b'mod partikolari l-aktar dibattitu reċenti tiegħu dwar din il-kwistjoni fis-sessjoni plenarja tiegħu tal-Erbgħa, 14 ta' Jannar 2015,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Federica Mogherini, inklużi dawk tat-8 ta' Jannar, id-19 ta' Jannar, il-31 ta' Marzu u l-14 u l-15 ta’ April 2015,

–       wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta’ Frar 2015,

–       wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu[1],

–       wara li kkunsidra l-ħames djalogu ministerjali bejn in-Niġerja u l-UE li sar f'Abuja fis-27 ta’ Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet preliminari tal-Missjonijiet ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE u tal-PE,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-possibbiltà li membri tal-Boko Haram jistgħu jiġu akkużati b'delitti tal-gwerra,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU tal-1981 dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha tal-Intolleranza u d-Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon jew it-Twemmin,

–       wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, irratifikata min-Niġerja fit-22 ta' Ġunju 1983,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili tal-1966, irratifikat min-Niġerja fid-29 ta' Ottubru 1993,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989, irratifikata min-Niġerja fis-16 ta' April 1991,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-TFUE, li jistabbilixxi filwaqt li jqis il-prinċipju ta’ koerenza politika għall-iżvilupp fil-politiki esterni kollha tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), u l-Protokoll Fakultattiv tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 2122 u 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.     billi n-Niġerja hija l-aktar pajjiż popolat u l-aktar wieħed b'varjetà enika fl-Afrika, ikkaratterizzat minn diviżjoni tat-Tramunata u n-Nofsinhar b'differenzi ekonomiċi u soċjali serji;

B.     billi n-Niġerja hija l-ikbar ekonomija fil-kontinent Afrikan, iżda minkejja r-riżorsi vasti tagħha, in-Niġerja huwa fost l-aktar pajjiż inugwali fid-dinja; billi l-maġġoranza tal-148 miljun ruħ fin-Niġerja jgħixu taħt is-soll tal-faqar, filwaqt li l-pajjiż huwa t-tmien l-akbar produttur taż-żejt;

C.     billi sistemi tat-taxxa ġusti jipprovdu finanzjament vitali lill-gvernijiet biex ikopru d-drittijiet taċ-ċittadini għal servizzi pubbliċi bażiċi, bħall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni għal kulħadd, u billi l-politiki fiskali ridistributtivi effettivi huma essenzjali fit-tnaqqis tal-effett tal-inugwaljanzi li dejjem jikbru;

D.     billi l-flussi finanzjarji illeċiti, jiġifieri l-flussi finanzjarji ħerġin privati kollha mhux irreġistrati u li jinvolvu kapital miksub, trasferit jew użat illegalment, tipikament joriġinaw mill-attivitajiet ta’ evażjoni tat-taxxa, fatturazzjoni kummerċjali qarrieqa u prezzar ta' trasferiment abbużiv, bi ksur tal-prinċipju li t-taxxi għandhom jitħallsu fejn jinħolqu l-profitti;

E.     billi l-attakki li twettqu mill-Boko Haram bejn it-3 u t-8 ta' Jannar 2015 kellhom fil-mira lil Baga u sittax-il belt u raħal tal-madwar, u fihom inqerdu kważi 3 700 struttura u nqatlu eluf ta' persuni; billi l-Boko Haram ħataf u żamm għadd ta' bliet fil-Grigal tan-Niġerja u għadu jkompli jirrekluta bil-forza persuni ċivili fl-iskjeramenti tiegħu, inklużi ħafna tfal;

F.     billi f'April 2014 aktar minn 276 tifla nħatfu minn skola tal-gvern f'Chibok (fl-Istat ta' Borno); billi l-maġġoranza tagħhom għadhom neqsin; billi minn dak iż-żmien 'l hawn, mijiet ta' persuni oħra sfaw maħtufa mill-grupp Boko Haram;

G.     billi n-Nazzjonijiet Uniti tistma li l-vjolenza fl-Istati ta' Borno, Yobe u Adamawa spostat mal-1.5 miljun persuna, filwaqt li aktar minn tliet miljun persuna ġew affettwati mir-ribelljoni;

H.     billi aktar minn 300 000 Niġerjan ħarbu lejn il-Majjistral tal-Kamerun u l-Lbiċ tan-Niġer biex jaħarbu mill-vjolenza;

I.      billi l-għadd ta’ attakki, inkluż l-użu tat-tfal bħala qattiela suwiċida, qed jiżdied u qed jitwettqu f’territorji kbar, anke f’pajjiżi ġirien, fiċ-Ċad u l-Kamerun;

J.      billi t-tifrix tar-ribelljoni tal-Boko Haram fil-pajjiżi ġirien turi l-importanza ta' kooperazzjoni reġjonali akbar;

K.     billi n-Niġerja għandha rwol ewlieni fil-politika reġjonali u Afrikana, u hija forza mexxejja tal-integrazzjoni reġjonali permezz tal-ECOWAS;

L.     billi jeżistu problemi endemiċi fin-Niġerja minn perspettiva ekonomika, minħabba l-monopolizzazzjoni tar-riżorsi minn minoranza u responsabbiltajiet kbar ta’ dawk li qabel kienu setgħat kolonjali fis-serq tan-Niġerja; billi din is-sitwazzjoni wasslet għal għexieren ta’ snin ta’ diviżjonijiet soċjali u kulturali fost gruppi indiġeni għall-kontroll ta’ artijiet agrikoli għammiela u kontra migranti u residenti ġodda mit-Tramuntana tal-pajjiż; billi l-introjtu miż-żejt qiegħed jonqos b’mod kostanti u qed titfaċċa kriżi ekonomika;

M.    billi l-edukazzjoni, il-litteriżmu, id-drittijiet tan-nisa, il-ġustizzja soċjali u t-tqassim ġust tal-introjtu statali fis-soċjetà, it-tnaqqis fl-inugwaljanza, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni huma essenzjali għal governanza tajba u għall-ġlieda kontra l-fundamentaliżmu, il-vjolenza u l-intolleranza;

N.     billi l-INEC ippospona l-elezzjonijiet mill-14 u t-28 ta’ Frar għat-28 ta’ Marzu u l-11 ta’ April, biex il-gvern ikun jista' jibda azzjoni militari kontra l-Boko Haram, u tnieda rispons reġjonali f’Marzu 2015 maċ-Ċad u l-Kamerun;

O.     billi l-kampanja elettorali seħħet f’kuntest ta’ ambjent ta' tensjoni, b'inċidenti ta’ vjolenza relatata mal-elezzjoni rrappurtati fil-partijiet kollha tal-pajjiż, speċjalment fin-Nofsinhar u Lbiċ, attakki mll-Boko Haram biex jiskoraġġixxu l-votanti, ksur ta’ regolamenti tal-kampanja u inċentivi għall-votanti; billi nuqqasijiet sistematiċi, notevolment fuq il-ġbir, l-użu ħażin tal-kariga u l-użu ta’ vjolenza kienu nnutati mill-osservaturi lokali u internazzjonali; billi madankollu ma ġiet osservata l-ebda manipulazzjoni sistematika;

P.     billi fil-31 ta’ Marzu 2015 il-kandidat presidenzjali tal-oppożizzjoni All Progressive Congress, il-Ġeneral Muhammadu Buhari, ġie ddikjarat ir-rebbieħ tal-elezzjonijiet, u l-President fil-kariga ammetta t-telfa b’mod paċifiku;

Q.     billi ġew eletti inqas nisa mill-2011, meta diġà kien hemm xejra negattiva;

1.      Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza li għaddejja u li qed tiżdied fin-Niġerja, li wasslet għal eluf ta' mwiet u korrimenti u kkawżat l-ispostament ta' mijiet ta' eluf ta' persuni; jiddeplora l-massakru ta' rġiel, nisa u tfal innoċenti, l-istupri, l-użu tat-tortura u r-reklutaġġ ta' suldati tfal, u jesprimi s-solidarjetà mal-poplu tan-Niġerja fid-determinazzjoni tagħhom li jiġġieldu l-forom kollha ta' terroriżmu f'pajjiżhom;

2.      Jitlob lill-President li għadu kif ġie elett biex jiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem għaċ-ċittadini kollha tal-pajjiż; jitlob lill-gvern jipproteġi l-popolazzjoni tiegħu u jindirizza l-kawżi ewlenin tal-vjolenza bil-għan li jiżgura drittijiet ugwali għaċ-ċittadini kollha u billi jindirizza l-problemi relatati mal-kontroll ta' art agrikola għammiela, il-qgħad u l-faqar; jitlob lill-gvern biex jiġġieled kontra l-korruzzjoni, il-faqar u l-inugwaljanza u jippromwovi riformi soċjali, politiċi u ekonomiċi sabiex joħloq soċjetà libera, demokratika, stabbli u sikura; jistieden lill-gvern jadotta miżuri li jaqtgħu s-sorsi tal-introjtu illegali tal-grupp Boko Haram, permezz ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien, b'mod partikolari fir-rigward tal-kuntrabandu u t-traffikar;

3.      Ifakkar li l-azzjonijiet tal-gvern meħuda kontra Boko Haram m’għandhomx iwasslu għal aktar tal-vjolenza; jikkundanna f'dan ir-rigward il-forzi militari Niġerjani talli użaw forza sproporzjonata fl-insegwiment tal-grupp Boko Haram; jappella li ssir riforma tal-forzi tas-sigurtà tal-istat Niġerjani, inkluż il-pulizija, filwaqt li jkun żgurat li jkunu mgħammra tajjeb u li jkun hemm sorveljanza demokratika effettiva u li jitwettqu investigazzjonijiet kontra dawk li huma responsabbli għal kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-qtil extraġudizzjarju, it-tortura, l-istupru, l-abbuż tat-tfal, l-arresti arbitrarji u l-abbużi relatati ma' estorsjoni;

4.      Jappella għal investigazzjoni indipendenti biex jintefa' dawl fuq l-atti differenti mwettqa mill-Boko Haram, u sabiex tispeċifika jekk twettqux delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità;

5.      Jirrimarka li ż-żieda tat-tfaqqir taċ-ċittadini, l-opportunitajiet ekonomiċi li qed jonqsu, l-inugwaljanzi li qed jiżdiedu u l-opportunitajiet edukattivi limitati kabbru l-għadd ta' nies qiegħda, li min-naħa tiegħu joffri l-bażi soċjoekonomika għall-iżvilupp tal-grupp Boko Haram; jinnota wkoll bi tħassib li f’ħafna reġjuni, l-istat ma joffri l-ebda servizzi pubbliċi kruċjali għall-persuni, bħal ilma, sanità, saħħa jew edukazzjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Niġerjani f’dawn iċ-ċirkostanzi, jindirizzaw il-bażi soċjoekonomika għall-iżvilupp tal-Boko Haram u biex jiġġieldu kontra l-livell tal-għajxien li sejjer lura sabiex tinkiseb ġustizzja soċjali; jitlob lill-UE tuża l-għodod kollha disponibbli għaliha biex dawn il-miżuri jiġu promossi;

6.      Jemmen li r-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim hija possibbli biss permezz tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-dritt assolut tal-persuni ta' awtodeterminazzjoni u li jiddisponu mir-riżorsi tagħhom;

7.      Jenfasizza l-importanza ta' sistema ġudizzjarja indipendenti, imparzjali u aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha, li tintemm l-impunità u jittejjeb ir-rispett għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet fundamentali tal-popolazzjoni; jappella għalhekk sabiex jitjiebu l-effiċjenza u l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja tan-Niġerja, u dan bħala mezz ta’ użu effettiv tal-ġustizzja kriminali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

8.      Jitlob li ssir investigazzjoni internazzjonali taħt il-patroċinju tan-NU biex tiddetermina r-responsabbiltajiet ta’ pajjiżi terzi fl-organizzazzjoni u l-finanzjament ta’ gruppi terroristiċi fir-reġjun, u r-responsabbiltà ta’ kumpaniji multinazzjonali u gvernijiet fl-akkumular ta’ ġid u l-approfondiment ta' tensjonijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali;

9.      Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tagħmel aktar biex tgħin lill-Gvern Niġerjan, u b'mod partikolari ikun żgurat il-ħelsien ta' 276 tifla maħtufa mill-grupp Boko Haram minn skola tal-gvern f'Chibok fl-Istat ta' Borno f'April 2014, u li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tat-terroriżmu, peress li l-vjolenza u l-fundamentaliżmu jistgħu jintemmu b'mod permanenti biss permezz ta' rispons globali;

10.    Jistieden lill-komunità internazzjonali tgħin ukoll lir-rifuġjati Niġerjani fil-pajjiżi ġirien;

11.    Jappella lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex jissodisfaw l-impenn tagħhom li jipprovdu firxa komprensiva ta’ appoġġ politiku, tal-iżvilupp u umanitarju lin-Niġerja u l-poplu tagħha;

12.    Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex jieħdu miżuri konkreti biex jiġġieldu b’mod effiċjenti l-flussi finanzjarji illeċiti, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, u biex jagħtu spinta lill-kooperazzjoni internazzjonali demokratika fi kwistjonijiet ta’ taxxa;

13.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-liġi umanitarja internazzjonali tawtorizza li n-nisa u l-bniet vittmi ta’ stupru fil-gwerra jiġu pprovduti bil-kura medika meħtieġa kollha għall-kundizzjoni tagħhom, inklużi aborti; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni taġġorna l-politika ta’ għajnuna umanitarja tagħha biex tafferma li f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat japplikaw il-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra, u għalhekk jintalab li l-atturi umanitarji jipprovdu l-kura medika meħtieġa mill-kundizzjonijiet tal-vittmi u l-firxa sħiħa ta’ servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva, inklużi aborti; jenfasizza li ċ-ċaħda ta’ abort għan-nisa u l-bniet li nqabdu tqal minn stupru fil-gwerra jikser il-projbizzjoni tat-tortura u trattament krudili skont il-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra, l-Artikolu 3 komuni;

14.    Jitlob li jkun hemm sistema fiskali ġusta u ridistributtiva li tkun tista' tindirizza l-kwistjoni tal-inugwaljanzi fil-pajjiż, speċjalment fir-rigward ta’ introjtu minn riżorsi naturali;

15.    Jistieden lill-Gvern Niġerjan jippromwovi l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja pubblika u politika;

16.    Jitlob lill-Gvern Niġerjan jipproteġi t-tfal;

17.    Jikkundanna l-Liġi (ta’ Projbizzjoni) taż-Żwieġ bejn Persuni tal-Istess Sess, li tikkriminalizza l-omosesswalità; jitlob li din il-liġi titneħħa;

18.    Jappella għat-tneħħija tal-piena kapitali;

19.    Jaqgħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, il-Gvern u l-Parlament tan-Niġerja, ir-rappreżentanti ta' ECOWAS u l-Unjoni Afrikana.