Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0372/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0372/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-anniversarju tan-nirien ta' fabbriki fil-Bangladexx u l-progress tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà tal-Bangladexx

27.4.2015 - (2015/2589(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Fernando Ruas, Tokia Saïfi, Daniel Caspary, Franck Proust, Davor Ivo Stier, Milan Zver, Ivo Belet, Lara Comi, Thomas Mann, Dubravka Šuica, József Nagy, Claude Rolin, Alessandra Mussolini, Barbara Matera, Raffaele Fitto, Giovanni Toti, Elisabetta Gardini, Ivana Maletić, Andrej Plenković f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0363/2015

Proċedura : 2015/2589(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0372/2015
Testi mressqa :
B8-0372/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0372/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-anniversarju tan-nirien ta' fabbriki fil-Bangladexx u l-progress tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà tal-Bangladexx

(2015/2589(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni KE-Bangladexx tal-2001,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladexx, b'mod partikolari dik tat-23 ta' Mejju 2013[1],

–       wara li kkunsidra l-Linji Gwida aġġornati tal-OECD tal-2011 għall-Intrapriżi Multinazzjonali,

–       wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol,

–       wara li kkunsidra l-Patt Dinji tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol, l-ambjent u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni,

–       wara li kkunsidra l-Patt għal titjib kontinwu fid-drittijiet tax-xogħol u fis-sikurezza tal-fabbriki fl-industrija tal-ilbies u tax-xogħol tal-malja lesti fil-Bangladexx,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Johannesburg tan-NU dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli biex jitħeġġeġ l-iżvilupp soċjali u ekonomiku,

–       wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem, li jistabbilixxu qafas kemm għall-gvernijiet kif ukoll għall-kumpaniji biex jipproteġu u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, u li ġew approvati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Ġunju 2011,

–       wara li kkunsidra l-Patt dwar is-Sostenibbiltà għal titjib kontinwu fid-drittijiet tax-xogħol u fis-sikurezza tal-fabbriki fl-industrija tal-ilbies u tax-xogħol tal-malja lesti fil-Bangladexx,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi fl-24 ta' April 2013, 1 134 persuna mietu u mijiet oħra ndarbu meta ġġarraf il-bini Rana Plaza f'Savar, fil-Bangladexx;

B.     billi mill-inqas 112-il persuna mietu fin-nirien li ħakmu l-fabbrika ta’ Tazreen, fid-distrett ta’ Ashulia f'Daka, fil-Bangladexx, nhar l-24 ta’ Novembru 2012;

C.     billi mill-inqas sitt persuni mietu u aktar minn 60 indarbu riċentement fil-Bangladexx wara li ġġarraf is-saqaf ta’ fabbrika tas-siment parzjalment mibnija, u billi diversi persuni mietu f’nirien f'fabbriki oħra li seħħew bejn l-2006 u l-2013;

D.     billi l-UE hija s-sieħba kummerċjali ewlenija tal-Bangladexx: l-esportazzjonijiet lejn l-UE jirrappreżentaw 10 % tal-PDG tal-pajjiż u billi 90 % ta’ dawn l-esportazzjonijiet huma lbies lest li jikkorrispondu għal 60 % tal-esportazzjonijiet totali ta' lbies lest mill-Bangladexx u madwar xi 2.5 miljuni impjiegi fil-pajjiż;

E.     billi bħala wieħed mill-Pajjiż l-Anqas Żviluppati, il-Bangladexx jibbenefika minn aċċess bla dazju u bla kwoti għas-suq tal-UE għall-prodotti kollha tiegħu fl-ambitu tal-inizjattiva Kollox ħlief Armi (EBA), li tkopri 55 % tal-esportazzjonijiet tal-Bangladexx, li ħafna minnhom huma ħwejjeġ u tessuti;

F.     billi l-industrija tal-ilbies lest hija xprun tat-tkabbir ekonomiku sostnut fil-Bangladexx, li matul l-aħħar għoxrin sea għenet biex il-faqar naqas minn 60 % għal 30 % tal-popolazzjoni, u billi s-settur jimpjega 4 miljun persuna, li madwar 80 % minnhom huma nisa;

G.     billi aktar minn 5 000 persuna dipendenti tal-mejtin u s-superstiti tad-diżastru ta' Rana Plaza s'issa rċevew biss 40 % tal-kumpens dovut lilhom u billi minkejja li saru arranġamenti biex jitħallsu 30 % oħra tat-talba totali tagħhom, il-pagament finali għadu ma sarx minħabba nuqqas ta’ USD 9 miljun fil-finanzjament meħtieġ;

H.     billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Settembru 2014 il-Parlament Ewropew[2] iddispjaċih li l-arranġament ta’ kumpens volontarju permezz tal-Fond Fiduċjarju tad-Donaturi ma kienx laħaq il-mira tiegħu, u nnota li mekkaniżmu mandatorju jkunu aktar ta’ benefiċċju għas-superstiti u l-qraba tal-vittmi;

I.      billi l-ILO qed tappoġġja inizjattiva nazzjonali tal-Gvern tal-Bangladexx ta' spezzjoni tas-sikurezza strutturali, ta' kontra n-nar u tal-elettriku ta’ madwar 1800 fabbrika tal-ħwejjeġ lesti, li ħafna minnhom oriġinarjament kienu binjiet kummerċjali jew residenzjali;

J.      billi l-Qbil dwar is-Sikurezza kontra n-Nirien u s-Sikurezza tal-Bini tal-Bangladexx u l-Alleanza għas-Sikurezza tal-Ħaddiema tal-Bangladexx wettqu spezzjonijiet ta’ 1687 fabbrika li jaqdu lill-kumpaniji membri tagħhom;

K.     billi hemm nuqqasijiet serji fit-trasparenza u t-traċċabilità fil-katina tal-provvista globali, u x-xogħol deċenti f’katini tal-forniment globali se jkun punt ewlieni fuq l-aġenda tal-Konferenza tal-ILO tal-2016;

L.     billi l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tniedi Patt dwar is-Sostenibbiltà Globali kien element ewlieni fit-titjib tal-kundizzjonijiet għal ħaddiema tal-fabbriki tal-ħwejjeġ fil-Bangladexx, iżda hu meħtieġ aktar progress fl-implimentazzjoni tiegħu;

1.      Ifakkar lill-vittmi tan-nirien f'Rana Plaza u f'Tazreen, u jiddispjaċih ħafna għat-telf ta' ħajjiet tal-bnedmin; jenfasizza li dawn l-imwiet setgħu ġew evitati b'sistemi differenti u aqwa ta' sikurezza fuq il-post tax-xogħol;

2.      Jistieden lid-ditti internazzjonali responsabbli, lill-Gvern tal-Bangladexx u lir-rappreżentanti tal-industrija tal-Bangladexx biex jikkompletaw, f’waqtu, il-kumpens miftiehem u dovut lis-superstiti u lill-qraba tal-vittmi li mietu fit-traġedji msemmija;

3.      Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi lill-kumpaniji tat-tessuti internazzjonali bbażati fl-UE biex jikkontribwixxu għall-Fond Fiduċjarju tad-Donaturi;

4.      Jilqa’ l-inizjattiva tal-UE li laqqgħet flimkien lill-gvern tal-Bangladexx, l-UE, l-Istati Uniti u l-ILO – "is-Sħab tal-Patt" – biex jiġi żgurat bidu ġdid fis-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u rispett għad-drittijiet tax-xogħol u l-promozzjoni ta' mġiba kummerċjali responsabbli fl-industrija tal-ilbies lest fil-Bangladexx;

5.      Jenfasizza li s-Sħab tal-Patt għarfu t-titjib li sar sa mit-tnedija tal-Patt dwar ir-rispett għad-drittijiet tax-xogħol, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u l-imġiba kummerċjali responsabbli, kif indikat fir-rapport ta' rieżami tal-implimentazzjoni u r-rendikont tal-progress tal-20 ta’ Ottubru 2014;

6.      Jirrikonoxxi li dan it-titjib jeħtieġ li jkompli jiġi żviluppat aktar peress li hemm għadd ta’ oqsma fejn jeħtieġ li jittieħdu aktar miżuri għall-implimentazzjoni sħiħa tal-azzjonijiet deskritti fil-Patt, b’mod partikolari rigward ir-rispett tad-drittijiet tax-xogħol, l-ispezzjonijiet tax-xogħol, pagi deċenti, l-integrità strutturali tal-binjiet, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u l-imġiba kummerċjali responsabbli;

7.      Jistieden lis-Sħab tal-Patt jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet speċifiċi u jsegwu l-implimentazzjoni tal-impenji tal-patt u t-twettiq tal-azzjonijiet imsemmija b’koordinazzjoni ma’ donaturi u partijiet interessati oħra;

8.      Jemmen bis-sħiħ li l-kumpaniji kollha involuti fis-settur tal-ħwejjeġ fil-Bangladexx għandhom jirrispettaw l-istandards tax-xogħol tul il-katina kollha tal-provvista tagħhom, f’konformità mal-prinċipji ta’ Responsabbiltà Soċjali Korporattiva rikonoxxuti internazzjonalment u bi djalogu mar-rappreżentanti tal-ħaddiema;

9.      Jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenji kbar, segwiti b'azzjonijiet konkreti, li ħa l-Gvern tal-Bangladexx bħala reazzjoni għal dawn it-traġedji, b’mod partikolari r-reklutaġġ ta’ 153 spettur tax-xogħol, l-aġġornament tad-Direttorat ta’ Spezzjoni tal-Fabbriki, iż-żieda fil-paga minima għall-ħaddiema tas-settur tal-ilbies lest, l-adozzjoni tal-Att tax-Xogħol tal-Bangladexx tal-2013 għat-titjib tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-miżuri għal skema permanenti ta’ assigurazzjoni kontra l-korrimenti fuq ix-xogħol;

10.    Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tniedi inizjattiva dwar ktajjen ta’ provvista responsabbli fis-settur tal-ħwejjeġ fil-qafas tas-Sena Ewropea għall-Iżvilupp fl-2015, li tinvolvi l-partijiet interessati rilevanti kollha;

11.    Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx biex japplika għalkollox dawn ir-riformi u jimplimentahom kif suppost, u biex ikompli jaħdem għal aktar riformi fis-sistema tax-xogħol sabiex jiġu indirizzati l-oqsma li fihom hu mistenni progress ulterjuri; Jinsisti li l-Konvenzjonijiet 87 u 98 tal-ILO jeħtieġ jiġu rispettati bis-sħiħ u l-kopertura tagħhom għandha tiġi estiża għall-ħaddiema kollha, inklużi dawk li jaħdmu f’żoni tal-ipproċessar għall-esportazzjoni, li fihom l-għaqdiet tal-ħaddiema għadhom projbiti u fejn hu magħruf li l-kundizzjonijiet tax-xogħol huma ħżiena ħafna, waqt li l-istandards tas-saħħa u tas-sikurezza huma estremament baxxi;

12.    Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx jiġġieled il-korruzzjoni, li tista' ddgħajjef l-effikaċja ta’ ħafna inizjattivi leġiżlattivi dwar is-sikurezza fuq il-post tax-xogħol f’dak il-pajjiż;

13.    Jittama li din l-inizjattiva importanti ta’ Lulju 2013 tista' tiġi adottata u estiża għal pajjiżi oħra fid-dinja u għal oqsma kummerċjali oħrajn, biex ikunu prevenuti traġedji oħra u tissaħħaħ is-sikurezza fuq il-post tax-xogħol; F’dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibilità ta’ inizjattivi simili mas-sħab kummerċjali ewlenin tagħna, fejn l-ILO, is-setturi tan-negozju u l-gvernijiet jistgħu jaħdmu flimkien biex itejbu s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol b'mod ġenerali;

14.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-Gvern u l-Parlament tal-Bangladexx.