Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0375/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0375/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-qerda ta' siti kulturali mwettqa fis-Sirja u l-Iraq

27.4.2015 - (2015/2649(RSP))

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B8-0115/2015 u B8-0116/2015
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Fernando Maura Barandiarán, Ilhan Kyuchyuk, Juan Carlos Girauta Vidal, Marietje Schaake, Marielle de Sarnez, Urmas Paet, Gérard Deprez, Ivan Jakovčić, Dita Charanzová, Petr Ježek, Filiz Hyusmenova f'isem il-Grupp ALDE <<<

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0375/2015

Proċedura : 2015/2649(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0375/2015
Testi mressqa :
B8-0375/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0375/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qerda ta' siti kulturali mwettqa fis-Sirja u l-Iraq

(2015/2649(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-mistoqsijiet għal tweġiba orali lill-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-qerda ta' siti kulturali mwettqa fis-Sirja u l-Iraq (O-000031/2015 – B8-0115/2015 u O-000032/2015 – B8-0116/2015),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 167 tat-TFUE, li jistipula li "l-azzjoni tal-Unjoni għandha jkollha l-mira li tinkoraġġixxi l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri", b'mod partikolari fil-qasam ta' "konservazzjoni u l-protezzjoni tal-wirt kulturali Ewropew sinifikanti" u li "l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkultivaw il-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tal-kultura",

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 116/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-esportazzjoni ta' oġġetti kulturali[1],

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2013 tas-7 ta' Lulju 2003 dwar ċerti ristrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq u li jirrevoka r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2465/96[2],

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1332/2013 tat-13 ta' Diċembru 2013[3] li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012[4] dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, adottati abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/760/PESK tat-13 ta' Diċembru 2013 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja[5], u b'mod partikolari l-Artikolu 11c tiegħu dwar l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew it-trasferiment ta', oġġetti ta' proprjetà kulturali Sirjana,

–       wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2001/555/PESK tal-20 ta' Lulju 2001 dwar it-twaqqif ta' Ċentru tas-Satelliti tal-Unjoni Ewropea[6], emendata mill-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2009/834/PESK[7],

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' Ottubru 2012 dwar il-ħolqien ta' netwerk informali ta' awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-kompetenza esperta fil-qasam ta' oġġetti kulturali (EU CULTNET),

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Aja tal-14 ta' Mejju 1954 għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Kulturali fil-Każ ta' Kunflitt Armat,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-14 ta' Novembru 1970 dwar il-Mezzi ta' Projbizzjoni u Prevenzjoni tal-Importazzjoni, Esportazzjoni u Trasferiment Illegali tas-Sjieda tal-Proprjetà Kulturali;

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO tas-16 ta' Novembru 1972 dwar il-Protezzjoni tal-Wirt Kulturali u Naturali Dinji,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO għall-Ħarsien tal-Wirt Kulturali Intanġibbli, tas-17 ta' Ottubru 2003,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-20 ta' Ottubru 2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNIDROIT tal-1995 dwar l-Oġġetti Kulturali Misruqa jew Esportati Illegalment,

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2199 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-12 ta' Frar 2015 dwar theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkawżat minn atti terroristiċi mill-Al-Qaida[8],

–       wara li kkunsidra l-Karta ta' Venezja tal-1964 għall-Konservazzjoni u r-Restawr tal-Monumenti u s-Siti li tipprovdi qafas internazzjonali għall-preservazzjoni u r-restawr ta' bini antik,

–       wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali adottat fis-17 ta' Lulju 1998, u b'mod partikolari l-Artikolu 8, il-paragrafu 2b) ix tiegħu, li jirrikonoxxi att ta' "attakki volontarji lejn bini ddedikat għar-reliġjon, l-edukazzjoni, l-arti, ix-xjenza jew skopijiet ta' karità, il-monumenti storiċi, l-isptarijiet u l-postijiet fejn jinġabru l-morda u l-midruba, kemm-il darba dawn mhumiex objettivi militari" bħala delitt tal-gwerra,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2013 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni, li jistqarr fil-paragrafu 211 li "forom intenzjonati ta' qerda tal-wirt kulturali u artistiku, kif qed jiġri bħalissa fl-Iraq u fis-Sirja, għandha ssirilhom prosekuzzjoni bħala delitti tal-gwerra u bħala delitti kontra l-umanità"[9],

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-6 ta' Frar 2015, intitolata "Elementi għal strateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tad-Da'esh", JOIN(2015)0002, li fiha l-Kummissjoni u l-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà rrikonoxxew is-serjetà tal-qerda u s-serq tal-wirt kulturali fl-indirizzar tal-kriżijiet fis-Sirja u l-Iraq kif ukoll it-theddida tad-Da'esh,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi jfakkar li bosta siti arkeoloġiċi, reliġjużi u kulturali fis-Sirja, l-Iraq u t-Tuneżija dan l-aħħar kienu soġġetti għal qerda mwettqa minn gruppi ta' estremisti marbuta partikolarment mal-Istat iżlamiku fl-Iraq u s-Sirja (ISIS/id-Da'esh), u li dawn l-attakki sistematiċi kontra l-wirt kulturali ġew definiti mid-Direttur Ġenerali tal-UNESCO Irina Bokova kulturali bħala "tindif kulturali";

B.     billi jenfasizza li, skont l-UNESCO, it-terminu "tindif kulturali" jirreferi għal strateġija intenzjonali li tipprova teqred id-diversità kulturali permezz ta' mmirar intenzjonat ta' individwi identifikati abbażi tal-isfond kulturali, etniku u reliġjuż tagħhom, flimkien ma' attakki intenzjonati fuq l-postijiet ta' qima tagħhom, ta' tifkira kif ukoll ta' tagħlim, u li l-istrateġija ta' tindif kulturali li tista' tidher fl-Iraq u fis-Sirja hija riflessa fl-attakki kontra l-wirt kulturali, li hu, kontra espressjonijiet fiżiċi, tanġibbli u mibnija tal-kultura bħal monumenti u bini, kif ukoll kontra l-minoranzi u espressjonijiet intanġibbli kulturali bħal drawwiet, tradizzjonijiet u twemmin[10];

C.     billi jfakkar li ċerti atti ta' qerda tal-wirt kulturali ġew ikkunsidrati, taħt ċerti kundizzjonijiet, bħala delitti kontra l-umanità[11]; billi, meta dawn l-atti jkunu diretti lejn membri ta' grupp reliġjuż jew etniku, b'mod partikolari, jistgħu jiġu assimilati mad-delitt ta' persekuzzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 7(1)(h) tal-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

D.     billi tali atti ta' qerda ta' siti u oġġetti kulturali u storiċi mhumiex ġodda u mhumiex limitati għall-Iraq u s-Sirja, u billi skont l-UNESCO "Il-wirt kulturali huwa komponent importanti tal-identità kulturali ta' komunitajiet, gruppi u individwi, u tal-koeżjoni soċjali, b'tali mod li l-qerda intenzjonata tiegħu jista' jkollha konsegwenzi negattivi fuq id-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet tal-bniedem"[12]; billi jenfasizza li, kif ġie ddikjarat mill-UNESCO fost oħrajn, il-prodotti ta' serq u kuntrabandu ta' siti kulturali u reliġjużi u oġġetti fl-Iraq u s-Sirja mir-reġim ta' Bashar al-Assad, l-Armata Sirjana Ħielsa u l-ISIS/id-Da'esh u gruppi oħrajn involuti fil-kunflitt qed jintużaw biex jgħinu jiffinanzjaw il-kunflitt u l-attivitajiet terroristiċi, bir-riżultat li oġġetti artistiċi u kulturali qed isiru "armi tal-gwerra";

E.     billi jfakkar li bis-saħħa tal-finanzjament ipprovdut mill-Unjoni Ewropea, l-UNESCO u sħab strateġiċi oħra fl-1 ta' Marzu 2014 varaw proġett ta' tliet snin imsejjaħ 'Salvagwardja ta' Emerġenza għall-Wirt Sirjan', intiż, b'mod partikolari, biex jiżgura l-protezzjoni ta' emerġenza tal-wirt kulturali Sirjan;

F.     billi jfakkar li l-Unjoni Ewropea rratifikat il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta' Espressjonijiet Kulturali, iffirmata fl-20 ta' Ottubru 2005, l-ewwel strument internazzjonali li rrikonoxxa n-natura doppja, ekonomika u kulturali, ta' oġġetti kulturali, li "għaldaqstant ma jridux jiġu ttrattati bħala oġġetti li għandhom biss valur kummerċjali";

G.     billi jenfasizza li l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Mezzi ta' Projbizzjoni u Prevenzjoni tal-Importazzjoni, Esportazzjoni u Trasferiment Illegali tas-Sjieda tal-Proprjetà Kulturali, iffirmata fis-17 ta' Novembru 1970, u l-Konvenzjoni tal-UNIDROIT dwar Oġġetti Kulturali Misruqa jew Esportati Illegalment, iffirmata fl-24 ta' Ġunju 1995, huma strumenti essenzjali għat-tisħiħ tal-protezzjoni tal-wirt kulturali globali,

H.     billi jfakkar li l-kummerċ illeċitu ta' oġġetti kulturali issa huwa t-tielet l-iktar kummerċ illegali sinifikanti wara d-drogi u l-armi; billi dan il-kummerċ illeċitu huwa ddominat minn netwerks kriminali organizzati, u billi l-mekkaniżmi nazzjonali u internazzjonali attwali la huma mgħammra b'mod adegwat u lanqas appoġġati biex jindirizzaw il-kwistjoni[13]

I.      billi jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu fi oġġetti kulturali mhijiex kompetenza speċifika tal-Unjoni Ewropea, inkwantu li mhijiex stabbilita bħala tali fit-trattati, iżda billi l-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu, minkejja dan, taqa' fi ħdan diversi oqsma ta' kompetenza tal-UE, bħas-suq intern, l-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (SLSĠ), il-kultura u l-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK);

J.      billi jirrikonoxxi li hemm ħtieġa urġenti li nikkoordinaw aħjar il-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta' prodotti kulturali u naħdmu mill-qrib flimkien sabiex nippromwovu s-sensibilizzazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni, u biex jinkiseb tisħiħ tal-oqfsa legali; billi jfakkar, f'dan il-kuntest, li fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda fil-konfront tal-kriminalità rigward oġġetti kulturali rrakkomandaw, inter alia, li l-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni bejn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, awtoritajiet kulturali u organizzazzjonijiet privati;

K.     billi jfakkar li, f'Ottubru 2012, Riżoluzzjoni tal-Kunsill ħolqot netwerk informali ta' awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ta' kompetenza esperta fil-qasam ta' oġġetti kulturali (EU-CULTNET), li l-objettiv prinċipali tiegħu hu li jtejjeb l-iskambju ta' informazzjoni marbuta mal-prevenzjoni tal-kummerċ illeċitu f'oġġetti kulturali u li jidentifika u jikkondividi informazzjoni dwar netwerks kriminali ssuspettati li huma involuti f'kummerċ illeċitu;

L.     billi jfakkar li fit-28 ta' Marzu 2015, id-Direttur Ġenerali tal-UNESCO Irina Bokova nediet f'Bagdad il-kampanja #Unite4Heritage, li timmira li timmobilizza l-appoġġ globali għall-protezzjoni tal-wirt kulturali, li tuża s-setgħa tan-netwerks soċjali;

1.      Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) biex tieħu azzjoni xierqa fil-livell politiku, bi qbil mar-Riżoluzzjoni 2199 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-12 ta' Frar 2015, sabiex jintemm il-kummerċ illegali fi proprjetà kulturali mit-territorji tas-Sirja u tal-Iraq matul perjodi ta' kunflitt f'dawk it-territorji, biex b'hekk ma jitħallewx jintużaw bħala sors ta' finanzjament għall-armamenti għar-reġim ta' Bashar al-Assad, l-Armata Sirjana Ħielsa, l-ISIS/id-Da'esh u gruppi oħra involuti fil-kunflitt għal attivitajiet terroristiċi;

2.      Jistieden lill-VP/RGħ tħaddem id-diplomazija kulturali u d-djalogu interkulturali bħala għodda fir-rigward tar-rikonċiljazzjoni tal-komunitajiet differenti u għar-rikostruzzjoni tas-siti meqruda;

3.      Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni jimplimentaw miżuri ta' sigurtà fil-fruntieri tal-UE sabiex jimpedixxu li oġġetti kulturali mis-Sirja u l-Iraq jiġu kkuntrabandati lil hinn mill-fruntieri, u jistieden lill-Istati Membri biex jikkooperaw b'mod effettiv f'azzjoni konġunta kontra l-kummerċ ta' artefatti ta' oriġini Sirjani u Iraqini fl-Ewropa, minħabba li konċentrazzjoni għolja ta' kummerċ tal-arti tal-Lvant Nofsani hija fil-fatt iddestinata għas-suq Ewropew, flimkien mal-Istati Uniti u ż-żona tal-Golf;

4.      Jissuġġerixxi, f'dan il-kuntest, li l-Kummissjoni, f'konformità mal-paragrafu 17 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2199 tat-12 ta' Frar 2015, tipprevedi l-ħolqien ta' dipartiment trasversali li jkun inkarigat mill-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta' oġġetti kulturali, b'unità ddedikata speċifikament għal oġġetti ta' wirt kulturali mneħħija illegalment mill-Iraq mis-6 ta' Awwissu 1990 u mis-Sirja mill-15 ta' Marzu 2011; jissuġġerixxi wkoll li dan id-dipartiment għandu jfassal approċċ ikkoordinat għall-ġlieda kontra l-kummerċ illegali, li jaħdem flimkien ma' dawk responsabbli fil-livell nazzjonali f'servizzi ta' investigazzjoni u f'kooperazzjoni mill-qrib mal-UNESCO u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra bħall-Kunsill Internazzjonali tal-Mużewijiet (ICOM), il-Kumitat Internazzjonali tal-"Blue Shield" (ICBS) tal-ICOM, l-Europol, l-Interpol, il-Unidroit (Istitut Internazzjonali għall-Unifikazzjoni tal-Liġi Privata), id-WCO (l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali), l-ICOMOS (il-Kunsill Internazzjonali dwar il-Monumenti u s-Siti) u l-ICCROM (iċ-Ċentru Internazzjonali għall-Istudju tal-Preservazzjoni u r-Restawr ta' Proprjetà Kulturali);

5.      Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel talba lill-VP/RGħ sabiex tinvolvi ċ-Ċentru Satellitari ta' Torrejón tal-Unjoni Ewropea, li jappoġġja t-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-PESK billi jipprovdi materjal li jirriżulta mill-analiżi tal-immaġini satellitari, għall-fini ta' monitoraġġ u elenkar ta' siti arkeoloġiċi u kulturali fis-Sirja u l-Iraq u appoġġ tal-attivitajiet ta' arkeologi Sirjani bl-għan li jiġi evitat aktar serq u tiġi ppreservata l-ħajja taċ-ċivili;

6.      Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi skambju rapidu u sigur tal-informazzjoni u kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri biex jiġi miġġieled b'mod effettiv il-kummerċ illeċitu ta' oġġetti kulturali mneħħija illegalment mill-Iraq u s-Sirja u biex tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw għodod internazzjonali kontra t-traffikar illeċitu ta' oġġetti kulturali għall-pulizija u l-uffiċjali tad-dwana, bħad-database speċifiku tal-Interpol “I-24/7” dwar xogħlijiet tal-arti misruqa u għodda ta' komunikazzjoni onlajn tal-programm tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO), ARCHEO;

7.      Jitlob li jiddaħħlu fis-seħħ programmi ta' taħriġ Ewropew, intiżi għall-imħallfin, il-pulizija u l-uffiċjali tad-dwana, l-amministrazzjonijiet tal-gvern u l-atturi tas-suq b'mod aktar ġenerali sabiex jippermettu lil dawk involuti fil-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu fi oġġetti kulturali biex jiżviluppaw u jtejbu l-għarfien espert tagħhom u biex jappoġġjaw inizjattivi bħall-kors ta' tagħlim elettroniku għall-Professjonisti tal-Patrimonju Sirjani promoss mill-ICOMOS f'Jannar 2013, tingħata informazzjoni dwar il-ġestjoni tar-riskju tad-diżastri, l-ewwel għajnuna għall-kollezzjonijiet kulturali u d-dokumentazzjoni teknika;

8.      Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ aktar b'saħħtu lill-Osservatorju Internazzjonali ICOM dwar it-Traffikar Illegali tal-Oġġetti Kulturali, li pproduċa Listi Ħomor ta' Emerġenza għal Antikitajiet Sirjani u Iraqini f'riskju, imfassla bħala għodda għal mużewijiet, uffiċjali tad-dwana, uffiċjali tal-pulizija, negozjanti tal-arti u kolletturi li qed jippjanaw li jużaw immaġini satellitari biex jimmonitorjaw is-sitwazzjoni fuq il-post, f'kooperazzjoni mal-Istitut tan-NU għat-Taħriġ u r-Riċerka (UNITAR);

9.      Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-kampanja #Unite4Heritage tal-UNESCO billi tibda kampanja ta' informazzjoni ffukata fuq l-Iraq u s-Sirja, bil-għan li tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-wirt kulturali tagħhom, dwar il-mod kif il-prodotti mis-serq qed jintużaw biex jiffinanzjaw l-attivitajiet terroristiċi, u dwar il-pieni possibbli assoċjati mal-importazzjoni illegali ta' oġġetti kulturali li ġejjin minn dawn il-pajjiżi, jew minn pajjiżi terzi oħra;

10.    Jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ u ttejjeb il-funzjonament tan-netwerk informali tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-kompetenza esperta fil-qasam ta' oġġetti kulturali (EU CULTNET), maħluq mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill 14232/12 f'Ottubru 2012, li l-għan tiegħu huwa li jtejjeb l-iskambju ta' informazzjoni marbuta mal-prevenzjoni tal-kummerċ illeċitu f'oġġetti kulturali, u biex jipprevedi l-ħolqien ta' strument addizzjonali biex jikkontrolla l-importazzjoni ta' oġġetti kulturali li tneħħew illegalment mis-Sirja u l-Iraq fl-UE;

11.    Jistieden lill-Kunsill biex iqis il-ħolqien, bħala parti mill-Eurojust u l-Europol, ta' taqsima li tispeċjalizza fil-kummerċ illegali ta' oġġetti kulturali, li tkun responsabbli għall-koordinazzjoni, fil-livell Ewropew, ta' prosekuzzjonijiet u investigazzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali differenti, billi l-eżistenza ta' taqsimiet iddedikati hija prerekwiżit għal użu aħjar ta' riżorsi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kummerċ illegali u t-traffikar;

12.    Jappella lill-Unjoni Ewropea tieħu l-passi meħtieġa, f'kollaborazzjoni mal-UNESCO u mal-Qorti Kriminali Internazzjonali, biex il-kategorija tad-dritt internazzjonali ta' delitti kontra l-umanità tiġi estiża biex tħaddan atti intenzjonati li jagħmlu ħsara jew jeqirdu l-wirt kulturali tal-umanità fuq skala kbira;

13.    Jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Mezzi ta' Projbizzjoni u Prevenzjoni tal-Importazzjoni, Esportazzjoni u Trasferiment Illegali tas-Sjieda tal-Proprjetà Kulturali tal-1970 u l-Konvenzjoni tal-UNIDROIT tal-1995 u l-Konvenzjoni tal-Aja għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Kulturali fil-Każ ta' Kunflitt Armat tal-14 ta' Mejju 1954;

14.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lid-Direttur Ġenerali tal-UNESCO, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Koalizzjoni Nazzjonali tas-Sirja u lill-Gvern u l-Parlament tal-Iraq.