Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0380/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0380/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil

27.4.2015 - (2015/2660(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Guy Verhofstadt, Cecilia Wikström, Louis Michel, Frédérique Ries, Marielle de Sarnez, Philippe De Backer, Nathalie Griesbeck, Gérard Deprez, Hilde Vautmans f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0367/2015

Proċedura : 2015/2660(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0380/2015
Testi mressqa :
B8-0380/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0380/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil

(2015/2660 (RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 u l-protokoll addizzjonali tagħha,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) ta’ April 2012 dwar "Tittieħed azzjoni biex jiġu ġestiti aħjar il-flussi migratorji",

–       wara li kkunsidra r-rapport mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Migranti ta’ April 2013 dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea u l-impatt tagħha fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ottubru 2013 dwar miżuri tal-UE u tal-Istati Membri biex jindirizzaw il-fluss ta' rifuġjati b'riżultat tal-kunflitt fis-Sirja[1],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-flussi migratorji fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi ftit 'il barra minn Lampedusa[2],

–       wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-ħidma tat-Task Force fil-Mediterran,

–       wara li kkunsidra d-dibattitu dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni, li sar fil-Parlament fil-25 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta’ approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni[3],

_       wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni fuq għaxar punti dwar il-migrazzjoni tal-Kunsill Konġunt tal-Affarijiet Barranin u Affarijiet Interni tal-20 ta' April 2015,

_       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Summit Speċjali tal-Kunsill Ewropew dwar il-kriżi tar-refuġjati fil-Mediterran tat-23 ta' April 2015,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi matul l-aħħar traġedji, ‘l fuq minn 1 000 ruħ mietu fil-Baħar Mediterran mill-bidu ta’ April 2015, skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM);

B.     billi skont il-IOM, hu kkalkolat li 23 918-il migrant laħqu l-kosta Taljana mill-1 ta' Jannar 2015; billi skont l-awtoritajiet Griegi, 10 445 migrant ġew salvati mill-gwardja tal-kosta Griega fil-Baħar Eġew fl-ewwel kwart tal-2015;

C.     billi l-IOM tikkalkula li aktar minn 30 000 persuna tista' tmut fil-Mediterran din is-sena, u tinnota għal darb'oħra l-bżonn li l-UE u l-Istati Membri jagħmlu dak kollu possibbli biex isalvaw il-ħajjiet tal-persuni fil-perikolu fuq il-baħar;

D.     billi l-aħħar operazzjoni dedikata biss għat-tfittxija u s-salvataġġ fil-Mediterran, il-Mare Nostrum, salvat 150 810 migrant matul perijodu ta’ 364 jum;

E.     billi s-suppożizzjoni li Mare Nostrum taġixxi bħala “fattur ta' attrazzjoni” għall-migranti biex jippruvaw jaqsmu l-Mediterran kien infondata, b’numru kunsiderevolment ogħla ta’ tluq fl-2015 milli fl-istess perjodu tal-2014 meta kien għadu qed jopera Mare Nostrum;

F.     billi l-operazzjoni konġunta "Triton" b'koordinament tal-Frontex, bdiet taħdem kompletament fl-1 ta' Novembru 2014, b'baġit inizjali ta' EUR 2.9 miljun fix-xahar biss, meta mqabbel ma# aktar minn EUR 9 miljuni fix-xahar għal Mare Nostrum;

G.     billi proporzjon ikbar ta’ nies li qed jippruvaw jaqsmu l-Mediterran qegħdin jaħarbu mill-kunflitti jew mill-persekuzzjoni fis-Sirja, l-Irak, l-Eritrea u s-Somalja;

H.     billi skont il-Europol, gruppi tal-kriminalità organizzata qegħdin jiffaċilitaw b'mod attiv it-trasport ta' migranti fil-Baħar Mediterran;

I.      billi din ir-riżoluzzjoni hi rispons għall-aktar traġedji riċenti fil-Mediterran; billi r-rapport strateġiku dwar approċċ olistiku għall-migrazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern għandu jindirizza l-politika tal-UE dwar l-asil u l-migrazzjoni fl-intier tagħha;

1.      Jesprimi dispjaċir u sogħba qawwija għat-telf traġiku ripetut ta’ ħajjiet fil-Mediterran; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jagħmlu dak kollu possibbli ħalli jipprevjenu aktar imwiet fuq il-baħar;

2.      Itenni l-ħtieġa li l-UE ssejjes r-reazzjoni tagħha għal dawn l-aħħar traġedji fil-Mediterran fuq is-solidarjetà u l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà, kif iddikjarat fl-Artikolu 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u tieħu approċċ Ewropew komprensiv;

3.      Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jipprovdu r-riżorsi meħtieġa biex jiġi żgurat li l-obbligi ta’ tfittxija u salvataġġ jiġu ssodisfati b’mod effikaċi u li għalhekk jiġu ffinanzjati kif inhu xieraq; jistieden lill-Istati Membri jkomplu juru solidarjetà u l-impenn billi jżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-baġits u għall-operazzjonijiet tal-FRONTEX u tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO); jimpenja ruħu li jipprovdi dawn l-aġenziji bir-riżorsi (umani u tagħmir) meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom permezz tal-baġit tal-UE u tal-fondi rilevanti tagħha;

4.      Jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Kunsill Ewropew li jsaħħaħ l-operazzjoni Triton permezz ta’ aktar fondi u assi; jinnota, madankollu, li sabiex Triton jirnexxi għandu jkollu mandat u riżorsi li huma mill-inqas ekwivalenti għal dawk ta’ Mare Nostrum, inkluża l-possibbiltà li jwettaq operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ f’ibħra internazzjonali;

5.      Jitlob l-istabbiliment ta’ rotot sikuri u legali lejn l-UE għal persuni li jfittxu l-asil permezz tal-ħruġ ta’ viżi umanitarji minn ambaxxati u minn uffiċċji konsolari tal-UE f'pajjiżi terzi, bl-użu ta' leġiżlazzjoni eżistenti bħall-Artikolu 25 tal-Kodiċi dwar il-Viżi u l-Artikolu 5 fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen;

6.      Jiddeplora n-nuqqas ta’ impenn mill-Kunsill Ewropew biex jinħoloq mekkaniżmu kredibbli ta’ solidarjetà obbligatorja fl-UE kollha; jitlob għall-ħolqien ta’ programm ta’ risistemazzjoni sistematika obbligatorja;

7.      Jistieden lill-Kunsill biex jagħti bidu jew għad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja tal-2001 jew għall-Artikolu 78(3) tat-TFUE, li t-tnejn jipprevedu mekkaniżmu ta’ solidarjetà fil-każ ta’ influssi tal-massa jew f’daqqa ta’ persuni spostati; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi kriterji oġġettivi li jiddefinixxu ‘influss tal-massa’ biex tiffaċilita l-proċess biex jiskattaw;

8.      Jistieden lill-Kummissjoni tissostitwixxi r-Regolament ta’ Dublin attwali bi kwota obbligatorja ta’ distribuzzjoni ta’ dawk li jfittxu asil fost it-28 Stat Membru, b’allokazzjoni obbligatorja bbażata fuq data kwantitattiva kif ukoll kwalitattiva u b'kunsiderazzjoni tal-prospetti tal-integrazzjoni;

9.      Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kunsill Ewropew dwar l-ipproċessar konġunt tal-applikazzjonijiet għall-asil bl-appoġġ tat-timijiet tal-EASO ; jistieden lill-Kummissjoni tkabbar il-mandat tal-EASO biex tkabbar ir-rwol operattiv tagħha fl-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal asil;

10.    Jitlob traspożizzjoni rapida u sħiħa u implimentazzjoni effettiva tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (CEAS) mill-Istati Membri parteċipanti kollha, biex b'hekk jiġu żgurati standards Ewropej komuni, inkluż għar-riċeviment ta' migranti, skont il-leġislazzjoni eżistenti;

11.    Jitlob li koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki tal-UE u tal-Istati Membri sabiex jiġu indirizzati l-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa ta’ approċċ olistiku tal-UE, it-tisħiħ tal-koerenza tal-politiki interni u esterni tagħha u b’mod partikolari l-politika komuni barranija u ta’ sigurtà, il-politika tal-iżvilupp u l-politika dwar il-migrazzjoni; jitlob it-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-UE ma’ pajjiżi sħab fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika biex jiġu promossi d-demokrazija, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, is-sigurtà u l-prosperità;

12.    Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib mal-Europol, il-Frontex, l-EASO u l-Eurojust fil-ġlieda kontra netwerks kriminali ta’ kuntrabandisti sabiex twaqqafhom milli jagħmlu flus billi jpoġġu l-ħajjiet tal-migranti f’riskju;

13.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.