Proċedura : 2015/2661(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0382/2015

Testi mressqa :

B8-0382/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 30/04/2015 - 10.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0178

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 142kWORD 81k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0382/2015
27.4.2015
PE555.156v01-00
 
B8-0382/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-qtil tal-istudenti fil-Kenja mill-grupp terroristiku Iżlamist Al-Shabaab (2015/2661 (RSP)).


Maria Heubuch, Heidi Hautala, Judith Sargentini, Michèle Rivasi, Ernest Urtasun, Barbara Lochbihler, Tamás Meszerics, Jordi Sebastià, Davor Škrlec, Bart Staes f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qtil tal-istudenti fil-Kenja mill-grupp terroristiku Iżlamist Al-Shabaab (2015/2661 (RSP)).  
B8‑0382/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, tat-3 ta' April 2015 dwar l-attakki terroristiċi fuq il-Kulleġġ Universitarju ta' Garissa fil-Kenja,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-2 ta' April 2015,

–       wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Unjoni Afrikana tat-2 ta' April 2015,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–       wara li kkunsidrat il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–       wara li kkunsidra il-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,

–       wara li kkunsidra t-tieni reviżjoni tal-Ftehim ta' Cotonou tal-11 ta' Mejju 2010,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-attakk ta' Al-Shabaab tat-2 ta’ April 2015 fuq il-Kulleġġ Universitarju ta' Garissa fil-Kenja, li huwa maħsub li ġie ppjanat mill-Kenjan Mohamed Kuno, ħalla 147 student maqtula;

B.     billi dan il-massakru kien l-agħar attakk fil-Kenja mill-1998, meta Al-Qaida wettqet attakk bil-bombi fuq l-Ambaxxata tal-Istati Uniti f’Nairobi, u qatlet aktar minn 200 ruħ;

C.     billi l-grupp terroristiku Al-Shabaab, li ħareġ mill-Unjoni tal-Qrati Iżlamiċi (ICU) fl-2007, kien l-aktar attiv fis-Somalja;

D.     billi s-Somalja ilu jara instabbiltà interna għal dawn l-aħħar għoxrin sena, minn meta twaqqa’ r-reġim ta’ Siad Barre fl-1991; billi l-gwerra ċivili kkawżat il-mewt ta’ għadd li ma jitkejjilx ta' nies ċivili, filwaqt li s-sikurezza tal-popolazzjoni għadha kwistjoni ta’ tħassib serju; u billi s-sitwazzjoni fis-Somalja ġiet kkumplikata aktar bl-atti ta’ piraterija u serq armat kontra l-vapuri;

E.     billi l-intenzjoni tal-grupp terroristiku Al-Shabaab hija li joħloq stat Iżlamiku fundamentalista fis-Somalja; billi għal xi żmien kellu l-kontroll ta' Mogadixu u meded rurali kbar fis-Somalja;

F.     billi l-missjoni kontinwa ta’ żamma tal-paċi tal-Unjoni Afrikana, il-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM), f’dawn l-aħħar snin irnexxilha ddgħajjef konsiderevolment lil Al-Shabaab, iżda billi ħafna mill-inħawi rurali Somali għadhom taħt il-kontroll tal-militanti ta' Al-Shabaab affiljati ma' Al-Qaida;

G.     billi l-Kenja kienet impenjata militarment fil-ġlieda kontra Al-Shabaab fis-Somalja għal diversi snin u tospita għadd kbir ta’ refuġjati Somali;

H.     billi mindu l-Kenja intensifikat l-involviment militari tagħha fis-Somalja fl-2011 biex tipproteġi l-pajjiż mill-vjolenza ta' Al-Shabaab, kien hemm żieda fl-attakki, li jvarjaw mill-attakk ta’ Settembru 2013 fiċ-ċentru kummerċjali ta' Westgate f’Najrobi, sal-massakri fl-irħula u l-qtil immirat ta' pulizija u personalitajiet reliġjużi;

I.      billi Al-Shabaab qatel aktar minn 400 persuna fit-territorju Kenjani matul l-aħħar sentejn, inkluż 67 persuna matul l-assedju taċ-ċentru kummerċjali ta’ Westgate f’Najrobi fl-2013;

J.      billi Al-Shabaab iddikjara li l-attakk fuq l-Università ta' Garissa kien att ta' tpattija għall-involviment militari Kenjan u għall-atroċitajiet imwettqa fis-Somalja u għall-atroċitajiet imwettqa fil-Kenja kontra ċ-ċittadini u r-refuġjati Musulmani tagħha; u billi Al-Shabaab wissa li kien se jwettaq aktar attakki jekk il-Kenja ma tirtirax it-truppi tagħha mis-Somalja;

K.     billi mill- 2014, lill-Gvern Kenjan żied il-miżuri ta’ sigurtà tiegħu biex jirrispondi għat-theddida ta' Al-Shabaab, billi instiga rejds tal-pulizija fl-inħawi urbani b'maġġoranza Somala, issikka l-kontrolli amministrattivi fuq il-popolazzjonijiet ta’ refuġjati, għadda liġijiet ġodda ta’ sigurtà u ta' spazju kbir ta' manuvra lill-unità tal-pulizija ta’ kontra t-terroriżmu;

L.     billi, bi tqeġiba għall-massakru fl-Università ta' Garissa, il-Kenja wettqet attakki bl-ajru fis-Somalja, u bbumbardjat żewġ kampijiet ta' Al-Shabaab fir-reġjun Gedo ma' tul il-fruntiera bejn il-Kenja u s-Somalja;

M.    billi l-Kenja bdiet tibni ħajt ta’ 700 km tul it-tul kollu tal-fruntiera mas-Somalja biex iżomm barra l-membri ta' Al-Shabaab;

N.     billi Al-Shabaab ibbenefika minn diversi sorsi differenti ta’ dħul matul is-snin, inkluż dħul minn gruppi terroristiċi oħra, sponsers mill-Istat, mid-dijaspora Somala, piraterija, ħtif ta’ persuni, estorsjoni tan-negozji lokali, kummerċ illegali tal-faħam, kuntrabandu taz-zokkor, eċċ.;

O.     billi l-Kenja, fi ftit jiem wara l-massakru fl-università, issospendiet sensiela ta' kontijiet bankarji li huma suspettati li għenu biex jiffinanzjaw it-terroriżmu; billi l-familji Somali qed jitilfu l-uniku kanal formali, trasparenti u regolat tagħhom li permezz tiegħu jibagħtu u jirċievu l-flus, filwaqt li l-aġenziji umanitarji li qed jaħdmu fis-Somalja wkoll qed fir-riskju li jitilfu l-uniku mezz tagħhom li jittrasferixxu l-flus biex isostnu l-operazzjonijiet umanitarji u ta’ żvilupp tagħhom ta’ kuljum;

P.     billi l-Kenja heddiet li tagħlaq il-kampijiet tar-refuġjati tad-Dadaab u tibgħat lura aktar minn 360 000 rifuġjat Somali fi żmien 90 jum fl-ambjent ta’ tħassib dwar sigurtà b’segwitu tal-attakk fuq l-università ta' Garissa ta’ dan ix-xahar; iżda billi l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Kenja Amina Mohamed għamlet passi lura fir-rigward ta' dan il-pjan u qalet li ma kien jeżisti l-ebda kalendarju biex jingħalaq il-kamp ta’ Dadaab u li l-eventwalità li jintbagħtu lura r-refuġjati “se tiddependi fuq ir-riżorsi disponibbli”; billi hija pproponiet li ssir konferenza tad-donaturi li fiha l-Kenja titlob lid-donaturi internazzjonali jipprovdu fondi għar-rilokazzjoni;

Q.     billi l-militanti Iżlamisti ta' Al-Shabaab tas-Somalja qed jirreklutaw ħafna nies fil-Grigal tal-Kenja; u billi r-reklutaġġ ta' ġellieda minn Al-Shabaab f'art Kenjana stess tirrappreżenta bidla ta’ tattika għall-grupp affiljat mal-Al-Qaeda fl-Afrika tal-Lvant;

R.     billi l-inġustizzji soċjali, frustrazzjoni u sens ta’ emarġinazzjoni politika fost il-ħafna gruppi etniċi u reliġjużi ta ‘minoranza fil-Kenja ġew sfruttati minn Al-Shabaab, inkluż fil-kampanja ta’ reklutaġġ tagħha;

S.     billi r-rispett għad-drittijiet fundamentali huwa element essenzjali tal-politiki kontra t-terroriżmu;

1.      Jikkundanna bil-qawwa l-attakk waħxi fuq l-Università ta' Garissa fil-Grigal tal-Kenja fit-2 ta' April 2015 mill-grupp Iżlamist ibbażat fis-Somalja Al-Shabaab, li ħalla 147 żagħżugħ u żagħżugħa mejta u ħalla ħafna aktar midruba;

2.      Jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji li tilfu l-maħbubin tagħhom u s-simpatija tiegħu lejn vittmi midruba kollha; jistieden lill-awtoritajiet Kenjani jressqu quddiem il-ġustizzja lill-awturi, l-organizzaturi, il-finanzjaturi u l-isponsors ta’ dawn l-atti ta’ terroriżmu li ħaqqhom kundanna;

3.      Jikkundanna bil-qawwa kull persekuzzjoni u ksur tad-drittijiet għall-ħajja u tal-integrità fiżika tal-individwi u l-komunitajiet imsejsa fuq aspetti reliġjużi, etniċi, nazzjonali, ta' razza jew oħra;

4.      Jafferma mill-ġdid li t-terroriżmu fil-forom u l-manifestazzjonijiet kollha tiegħu jikkostitwixxi waħda mit-theddidiet l-aktar serji għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, u li l-atti kollha ta ' terroriżmu huma kriminali u inġustifikabbli, irrispettivament mill-motivazzjoni warajhom u minn fejn, meta u minn min jitwettqu;

5.      Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu u l-Gvern tal-Kenja fil-prevenzjoni u l-ġlieda tagħhom kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, f’konformità mal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali, b’mod partikolari l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-liġi umanitarja internazzjonali u l-liġi dwar ir-refuġjati;

6.      Iħeġġeġ, b'mod partikulari, lill-gvern sabiex ma jużax l-attakki terroristiċi bħala skuża biex joħnoq il-libertajiet ċivili; jistieden lill-awtoritajiet Kenjani jibbażaw l-istrateġija tagħhom għall-ġlieda kontra t-terroriżmu fuq l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet fundamentali; jinsisti dwar il-ħtieġa għal sorveljanza demokratika u ġudizzjarja tal-politiki tal-kontroterroriżmu;

7.      Ifakkar lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri dwar l-impenn tagħhom, skont il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija adottat f’Ġunju 2012, li jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem jitqajmu fil-forom kollha ta’ djalogi dwar kontroterroriżmu ma’ pajjiżi terzi;

8.      Jinsisti dwar approċċ komprensiv lejn miżuri kontra r-radikalizzazzjoni u kontra t-terroriżmu li jiffoka fuq it-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u l-prevenzjoni tal-kriminalità; jistieden lill-awtoritajiet Kenjani jżidu l-isforzi tagħhom fit-tnaqqis tal-faqar, billi joffru prospetti ta’ impjieg, speċjalment għaż-żgħażagħ, u billi jagħtu s-setgħa u r-rispett lill-individu, sabiex jindirizzaw fil-qofol l-ilmenti u l-frustrazzjonijiet li potenzjalment jistgħu jiġu sfruttati mill-estremisti vjolenti;

9.      Jilqa' d-determinazzjoni tal-Unjoni Afrikana li ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tipprevjeni u tikkumbatti t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, fil-qafas tal-istrumenti rilevanti kontinentali u internazzjonali;

10.    Jinnota bi tħassib, madankollu, li filwaqt m'hemmx dubju li l-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) ħadet spinta sinifikanti 'l quddiem kontra l-mujahideen ta' Al-Shabaab, l-organizzazzjoni Iżlamika, minkejja t-telfiet tagħha, għadha forza b’saħħitha u perikoluża;

11.    Jinnota li Al-Shabaab wera li huwa flessibbli u jaf jirreaġixxi bil-mod kif bidel it-tattika tiegħu billi sfrutta l-inġustizzji storiċi, l-ilmenti ekonomiċi u soċjali u l-emarġinazzjoni politika fost il-popolazzjonijiet żvantaġġjati Musulmani tal-Kenja fil-provinċji tal-Grigal u tal-kosta;

12.    Jistieden lill-awtoritajiet Kenjani jindirizzaw il-kawżi fundamentali tar-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu; iqis li s-sigurtà tista’ tinkiseb biss jekk il-qasmiet fis-soċjetajiet politiċi u ċivili tal-Kenja u l-iżbilanċi reġjonali fl-iżvilupp ikunu indirizzati b’mod xieraq; fid-dawl ta' dan, jistieden lill-Gvern tal-Kenja jtemm id-diskriminazzjoni tas-Somali u tal-Musulmani tal-Kenja, biex jiġġieled il-korruzzjoni, biex jimplimenta riforma tas-sigurtà u tal-pulizija u biex jippromwovi d-djalogu fost ir-reliġjonijiet u l-kulturi bħala mezz biex jinstabu soluzzjonijiet komprensivi u dejjiema biex jindirizzaw il-vjolenza;

13.    Jistieden lill-Kenja, f'kuntest li fih is-sitwazzjoni Somala ta' kollass li ilu s-snin tal-istrutturi statali u l-effetti ta' dan il-kunflitt li ħarġu 'l barra u laqtu l-paċi u l-istabilità tal-Kenja, biex isaħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu mal-ġirien reġjonali biex jibni l-paċi u s-sigurtà fir-reġjun; iħeġġeġ lill-UE tkompli l-kooperazzjoni diplomatika u ta' żvilupp fuq żmien fit-tul fir-reġjun u fil-kontinent għal dan il-għan;

14.    Jilqa’ l-fatt li l-Kenja ospitat refuġjati u pproteġithom minn vjolenza u persekuzzjoni fil-pajjiż ġar tas-Somalja għal aktar minn żewġ deċennji; jagħraf li s-sitwazzjoni attwali tas-sigurtà reġjonali u l-gravità tat-theddid li qed tħabbat wiċċha magħhom il-Kenja tagħmilha essenzjali li jitħarsu kemm ir-rifuġjati kif ukoll il-Kenjani mill-possibilità ta' intrużjoni min-naħa l-oħra tal-fruntiera mit-terroristi ta' Al-Shabaab; iħeġġeġ, madankollu, lill-gvern jissodisfa l-obbligi tiegħu li jiżgura s-sigurtà taċ-ċittadini tiegħu u ta' persuni oħrajn li jgħixu fil-Kenja, inklużi r-rifuġjati;

15.    Jirrimarka, b'mod partikulari, li filwaqt li l-gvern Somali appoġjat min-NU reġa' ħa l-kontroll tal-biċċa l-kbira tal-bliet fis-snin li għaddew, ħafna miż-żoni rurali għadhom taħt il-kontroll tar-ribelli Al-Shabaab affiljati mal-Al-Qaeda, li jfisser li għad m'hemmx is-sigurtà sabiex ir-rifuġjati Somali jmorru lura; ifakkar, barra minn hekk, li skont il-liġi internazzjonali, ir-ritorn tar-refuġjati għandu jkun volontarja u mhux sfurzat; konsegwentement, iħeġġeġ lill-Gvern Kenjan ma jagħlaqx il-kampijiet tar-rifuġjati ta' Dabaab – li tkun deċiżjoni li jkollha implikazzjonijiet umanitarji estremi u tkun bi ksur tal-obbligi internazzjonali tal-Kenja fir-rigward tal-liġi internazzjonali;

16.    Ifakkar li s-Somalja hija wieħed mill-aktar pajjiżi foqra fid-dinja; iżda jinnota bi tħassib li wara attakk f'Garissa, il-gvern issospenda s-sistemi ta’ trasferiment ta' flus li fuqhom il-komunitajiet foqra, rurali u ta’ refuġjati jiddependu fin-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ żvilupp jew ta' impjieg fir-reġjun;

17.    Jibża’ li t-twaqqif ta' dawn il-flejjes se jolqot ħażin lill-familji li diġà qed jitħabtu u lill-operazzjonijiet ta’ sokkors fis-Somalja; iħeġġeġ, għalhekk, lill-awtoritajiet Kenjani jħallu t-trasferimenti ta' dawn il-flejjes jerġgħu jibdew, billi l-flus jipprovdu għajxien lil miljuni ta' nies f'pajjiż li qed jerġa' jibni lilu nnifsu minkejja l-qawmien tal-militanti Iżlamisti u minkejja l-ġuħ mifrux u n-nixfiet rikorrenti;

18.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Kenja, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-ACP-UE u l-Parlament PAN-Afrikan (PAP).

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza