MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-qtil tal-istudenti fil-Kenja mill-grupp terroristiku Al-Shabaab
27.4.2015 - (2015/2661(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba, Angel Dzhambazki, Beatrix von Storch, Ruža Tomašić, Branislav Škripek, Anna Elżbieta Fotyga, Jana Žitňanská f'isem il-Grupp ECR
B8‑0383/2015
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qtil tal-istudenti fil-Kenja mill-grupp terroristiku Al-Shabaab
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mir-RGħ/VP tat-3 ta’ April 2015 dwar l-attakk f’Garissa, il-Kenja;
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-G7 tal-15 ta’ April 2015 f’Lübeck, il-Ġermanja;
– wara li kkunsidra l-objettivi tal-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà (APSA);
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-Ftehim il-Ġdid għas-Somalja li saret fi Brussell f’Settembru 2013
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea u l-Kenja għandhom relazzjoni twila li tfittex li tippromwovi l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-pajjiż, u li ssaħħaħ l-istabilità u l-paċi fir-reġjun kollu;
B. billi l-grupp militanti Iżlamista Al-Shabaab kien responsabbli għal bosta attakki fis-Somalja u fil-pajjiżi tal-madwar, inkluż il-pajjiż ġar tal-Kenja, fl-isforzi tiegħu biex jimponi l-ideali estremisti Iżlamisti u jwaqqa' gvern sostnut minn donaturi tal-Punent u forzi taż-żamma tal-paċi Afrikani;
C. billi Al-Shabaab fil-passat ħakem fuq il-biċċa l-kbira tas-Somalja iżda tkeċċa minn fortizzi maġġuri f'attakki militari mnedija s-sena li għaddiet mill-armata u mill-forzi taż-żamma tal-paċi tal-Unjoni Afrikana; billi, minkejja dan, Al-Shabaab jibqa’ theddida qawwija għall-paċi u l-istabilità fir-reġjun kollu;
D. billi Al-Shabaab huwa grupp terroristiku pprojbit li jfittex l-infurzar aħrax tal-liġi tax-Xarija fiż-żoni taħt il-kontroll tiegħu; billi huwa maħsub li Al-Shabaab għandu sa 9,000 ġellied, inklużi minn pajjiżi ġirien kif ukoll mill-Ewropa u l-Istati Uniti; billi Al-Shabaab waqqaf ukoll netwerk ta’ reklutaġġ fil-Kenja, speċjalment madwar il-belt portwarja ta’ Mombasa, li għandha popolazzjoni kbira Musulmana;
E. billi Al-Shabaab fforma rabtiet ma’ gruppi Iżlamisti oħra fl-Afrika, bħal Boko Haram fin-Niġerja u Al-Qaeda fil-Magreb Iżlamiku;
F. billi l-isforzi biex isaħħu l-istabilità u l-iżvilupp fil-Kenja qed jiddgħajfu minħabba l-attakk fuq l-Università ta' Garissa fit-2 ta’ April 2015 fejn inqatlu 147 student u għexieren sfaw midruba, u minħabba attakki preċedenti minn gruppi estremisti fuq iċ-ċivili innoċenti fil-Kenja; billi l-militanti sseparaw lill-istudenti skont ir-reliġjon, ħallew lill-Musulmani jitilqu u qatlu lill-Insara jew żammewhom ostaġġi;
G. billi attakki regolari bl-ixkubetta u bil-granata ġew attribwiti lil Al-Shabaab kemm fiż-żoni tal-fruntieri, fejn ħafna mill-Kenjani huma Somali etniċi, kif ukoll f’Nairobi;
H. billi l-attakk f'Garissa huwa għal darb’oħra eżempju mdemmi ta’ estremisti vjolenti li l-mira tagħhom hija d-drittijiet tal-poplu tal-Kenja li jgħixu fil-paċi, is-sigurtà, u l-libertà tar-reliġjon;
I. billi l-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà timpenja l-firmatarji biex iħaddnu pakkett komprensiv ta’ miżuri għall-paċi u s-sigurtà, fosthom it-twissija bikrija u l-prevenzjoni tal-kunflitti, il-bini tal-paċi u l-miżuri ta’ wara l-konflitt, il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-prattiki demokratiċi, u l-għajnuna umanitarja u l-ġestjoni tad-diżastri;
1. Jiddeplora l-attakk mill-estremisti Al-Shabaab fuq l-istudenti fl-Università ta' Garissa fit-2 ta’ April 2015 u joffri l-kondoljanzi tiegħu lill-familji u lill-maħbubin ta’ dawk maqtula u midruba; jiddeplora wkoll l-azzjonijiet tal-estremisti li għażlu l-vittmi tagħhom fuq raġunijiet reliġjużi;
2. Jemmen li barbariżmu bħal dan m’għandu l-ebda post fis-soċjetà ċivili u huwa impenjat li flimkien dawk kollha impenjati, jiġġieled kontra t-terroriżmu, l-estremiżmu, u l-mibegħda reliġjuża;
3. Jemmen li l-attakk f'Garissa huwa tentattiv ieħor minn Al-Shabaab biex jipprovoka d-diviżjoni bejn twemmin differenti fil-Kenja, u jdgħajjef l-istabilità u t-tkabbir ekonomiku fil-Kenja, u l-opportunità għall-poplu tagħha;
4. Joffri l-appoġġ sod tiegħu lill-poplu u l-Gvern tal-Kenja fl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu kontra t-terroriżmu f’pajjiżhom u fir-reġjun usa’, u fl-isforzi tagħhom biex iressqu quddiem il-ġustizzja dawk kollha responsabbli għal tali atti;
5. Jappoġġja l-objettivi tal-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà u jilqa’ l-progress li sar s’issa biex titjieb il-kapaċità tal-Unjoni Afrikana u l-organizzazzjonijiet reġjonali biex jipprevjenu u jimmaniġġjaw il-kriżijiet fil-kontinent;
6. Ikompli jappoġġja lil AMISOM, il-kontributuri għat-truppi tagħha u lill-gvern tas-Somalja fil-ġlieda tagħhom kontra Al-Shabaab u l-isforzi tagħhom biex itejbu s-sigurtà fis-Somalja u fir-reġjun usa’; isaħħaħ ukoll il-ħtieġa li jinżamm ir-ritmu fil-ħolqien ta’ Forzi tas-Sigurtà Nazzjonali tas-Somalja funzjonali u vijabbli;
7. Jinsab imħasseb li Al-Shabaab qed jimmira lejn irġiel żgħażagħ diżillużi fl-ifqar żoni tal-Kenja bħala parti minn proċess ta’ reklutaġġ għall-kawża estremista tiegħu;
8. Jistieden lill-Gvern tal-Kenja, li qed jaħdem ma’ atturi internazzjonali u reġjonali, biex jindirizza din it-theddida permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri biex itejjeb is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika taċ-ċittadini tiegħu;
9. Jappoġġja l-isforzi kontra t-terroriżmu tal-Kenja u d-dritt tal-Gvern tagħha li jiddefendi l-poplu tiegħu mit-terroriżmu, iżda jenfasizza li kull miżura biex jagħmel dan għandha titwettaq skont ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern tal-Kenja u lill-Unjoni Afrikana.