Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0389/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0389/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-qerda ta' siti kulturali mwettqa mill-ISIS/Da'esh

27.4.2015 - (2015/2649(RSP))

imressqa wara l-Mistoqsijiet għal tweġiba orali B8-0115/2015 u B8-0116/2015skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Andrew Lewer, Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba, Geoffrey Van Orden, Angel Dzhambazki, David Campbell Bannerman, Branislav Škripek, Jana Žitňanská, Beatrix von Storch f'isem il-Grupp ECR <<<

Proċedura : 2015/2649(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0389/2015
Testi mressqa :
B8-0389/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0389/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qerda ta' siti kulturali mwettqa mill-ISIS/Da'esh

(2015/2649(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta’ Marzu 2015,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2170 (2014) u 2199 (2015),

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-27 ta’ Frar 2015 mill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti Liu Jieyi dwar il-qerda ta’ artifatti reliġjużi u kulturali mill-ISIS/Da’esh,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta’ Marzu 2015 mill-President tal-Kumitat għall-Wirt Kulturali Dinji tal-UNESCO Maria Böhmer u tat-13 ta’ April 2015 mid-Direttur Ġenerali tal-UNESCO Irina Bokova dwar il-qerda ta’ siti kulturali mill-ISIS/Da’esh,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill 116/2009 dwar l-esportazzjoni ta’ oġġetti kulturali,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tas-6 ta’ Frar 2015 tar-RGħ/VP u l-Kummissjoni bit-titolu “Elements for an EU regional strategy for Syria and Iraq as well as the Da’esh threat” (“Elementi għal strateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll it-theddida ta’ Da’esh”),

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Intolleranza u ta’ Diskriminazzjoni bbażati fuq ir-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,

–       wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta’ reliġjon jew ta’ twemmin,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU għall-Ħarsien tal-Beni Kulturali f’Każ ta’ Konflitt Armat, il-Konvenzjoni kontra t-Traffikar illeċitu tal-Beni Kulturali, il-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Patrimonju Kulturali Intanġibbli, u l-Konvenzjoni dwar il-Patrimonju Dinji,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNIDROIT dwar l-Oġġetti Kulturali Misruqa jew Esportati Illegalment tal-1995,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 8, paragrafu 2 (b) (ix) tal-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u s-Sirja u dwar it-theddida tal-ISIS/Da’esh,

–       wara li kkunsidra l-kampanja tan-Nazzjonijiet Uniti #Unite4Heritage (#Ningħaqdugħall-Patrimonju),

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi s-sakkeġġ u l-qerda ta’ artifatti imprezzabbli minn siti tal-qedem hija rampanti madwar iż-żoni kollha tal-Iraq u s-Sirja taħt il-kontroll tal-forzi tal-ISIS/Da’esh; billi xi wħud mis-siti li ġew attakkati huma elenkati bħala Siti ta’ Patrimonju Dinji tal-UNESCO;

B.     billi l-azzjonijiet tal-militanti tal-ISIS/Da’esh qed jheddu li jaqilbu ta’ taħt fuq millenji ta’ koeżistenza fil-Lvant Nofsani u jistgħu jitqiesu bħala eżempju ta’ tindif kulturali li qed jitfa’ f’riskju l-wirt kulturali u reliġjuż tar-reġjun u tal-bqija tad-dinja;

C.     billi l-avvaniz tal-forzi tal-ISIS/Da’esh fl-Iraq u s-Sirja wasslu biex eluf ta’ Nsara u nies minn minoranzi reliġjużi u etniċi oħra jiġu żgumbrati minn art twelidhom u tal-antenati tagħhom; billi kien hemm ukoll rapporti ta’ konverżjonijiet imġiegħla;

D.     billi l-iżgumbrament imġiegħel ta’ membri ta’ grupp reliġjuż jew etniku, u l-qerda ta’ siti kulturali u reliġjużi u artifatti jista’ jitqies bħala delitt tal-gwerra u/jew delitt kontra l-umanità;

E.     billi l-ISIS/Da’esh qed jinqdew bis-sakkeġġ u l-bejgħ ta’ artifatti storiċi, kulturali u reliġjużi biex jiġġeneraw dħul li qed jintuża biex jiġu appoġġjati l-isforzi ta’ reklutaġġ u l-kapaċità tagħhom li jwettqu atti terroristiċi fil-futur;F.  billi minkejja r-regolamenti internazzjonali u Ewropej li jipprojbixxu l-importazzjoni ta’ beni kulturali li joriġinaw mis-Sirja u l-Iraq, numri kbar ta’ artifatti misruqa xorta għadhom qed jiġu traffikati illegalment fl-Ewropa, bil-għajnuna ta’ netwerks ta’ kriminalità organizzata;

G.     billi l-ġlieda lill-kummerċ illegali ta’ artifatti kulturali u reliġjużi mhijiex kompetenza speċifika tal-Unjoni Ewropea; billi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali eżistenti, hija vitali biex dan il-kummerċ jiġi indirizzat b'mod determinat;

H.     billi l-paċi u l-istabilità dejjiema tar-reġjun huma kritiċi biex is-siti reliġjużi, storiċi u kulturali jiġu mħarsa minn aktar qerda u sakkeġġi, u bil-għan li jiġi ppreservat il-partimonju tal-qedem tiegħu;

I.      billi l-Unjoni Ewropea pproponiet li tiddedika EUR 1 biljun biex tipprovdi rispons kollettiv sostanzjali għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll it-theddida tal-ISIS/Da’esh;

J.      billi l-organizzazzjonijiet internazzjonali ewlenin tal-kulturali ffurmaw it-Task Force tal-Patrimonju flimkien mal-Gvern Interim Sirjan bil-għan li jgħinu lis-Sirjani jsalvaw il-wirt tagħhom mill-qerda;

K.     billi l-gwerra ċivili fis-Sirja wasslet ukoll għall-qerda ta’ wħud mix-xogħlijiet tal-arti, binjiet u monumenti l-aktar importanti tad-dinja, u qed tkompli thedded il-wirt kulturali u reliġjuż tar-reġjun;

1.      Jemmen li l-kultura u l-wirt kulturali għandhom il-qawwa li jirrikonċiljaw lin-nies, irawmu l-fehim u t-tolleranza, u jaġixxu bħala pilastru ewlieni fil-promozzjoni tal-paċi;

2.      Jappoġġja l-pożizzjoni tal-UNESCO li l-wirt kulturali huwa komponent importanti tal-identità kulturali tal-komunitajiet, il-gruppi u l-individwi, u tal-koeżjoni soċjali, u li l-qerda intenzjonata tiegħu jista’ jkollha konsegwenzi negattivi fuq id-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet tal-bniedem”;

3.      Jiddeplora s-sakkeġġ u l-qerda tas-siti reliġjużi u kulturali tal-qedem fis-Sirja u l-Iraq mill-forzi tal-ISIS/Da’esh u minn gruppi estremisti oħra;

4.      Jemmen li tali atti ta’ tindif kulturali huma tentattiv intenzjonat u sistematiku minn estremisti biex iħassru l-kultura, l-istorja u t-tradizzjonijiet għanja tar-reġjun, inkluża l-koeżistenza li ilha teżisti għal sekli sħaħ ta’ gruppi reliġjużi u ta’ minoranza; jemmen, barra minn hekk, li tali azzjonijiet jistgħu jdgħajfu l-isforzi li jsiru biex jinħolqu paċi u sigurtà sostenibbli fir-reġjun;

5.      Jaċċetta li s-sakkeġġ u l-qerda ta’ siti u artifatti storiċi mhuwiex xi fenomenu ġdid, iżda madankollu jesprimi tħassib serju dwar l-azzjonijiet tal-estremisti tal-ISIS/Da’esh u l-implikazzjonijiet tagħhom għar-reġjun, il-poplu tar-reġjun, u l-kultura;

6.      Jesprimi tħassib minħabba l-kummerċ illegali li qed jikber tal-artifatti kulturali u reliġjużi ssakkeġġjati minn siti kkontrollati mill-ISIS/Da’esh fl-Iraq u s-Sirja; barra minn hekk jistieden lill-komunità internazzjonali jaħdmu flimkien, permezz tal-patroċinju tal-UNESCO, biex jipprevjenu dan il-kummerċ u biex iħarsu l-wirt tar-reġjun;

7.      Jaċċetta li s-setgħat fuq l-importazzjoni ta’ oġġetti, kif ukoll id-dwana u s-sisa u l-leġislazzjoni relatata, jibqgħu primarjament il-kompetenza tal-Istati Membri individwali tal-UE u pajjiżi terzi, iżda madankollu jesprimi tħassib li l-liġijiet li jimpedixxu l-importazzjoni u l-bejgħ ta’ artifatti misruqa f’xi pajjiżi huma kompletament inadegwati biex jittrattaw il-kriżi;

8.      Jistieden lill-Kunsill jaqbel dwar pjan ta’ azzjoni konġunt sabiex iwaqqaf għalkollox il-kummerċ illegali ta’ beni kulturali mit-territorji tas-Sirja u l-Iraq u b’hekk jimpedixxih milli jintuża bħala għajn ta’ finanzjament għal attivitajiet terroristiċi;

9.      Jappoġġa l-aspirazzjonijiet tad-diversi konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti u t-trattati internazzjonali mmirati lejn il-ħarsien tal-wirt kulturali u reliġjuż;

10.    Jitlob għall-implimentazzjoni effettiva tar-Riżoluzzjoni 2199 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-adozzjni ta' miżuri ġuridikament vinkolanti biex issir il-ġlieda lit-traffikar tal-antikitajiet u tal-beni kulturali mill-Iraq u s-Sirja;

11.    Jinkoraġġixxi użu aktar effettiv tad-database tax-Xogħlijiet tal-Arti Misruqa tal-Interpol sabiex issir il-ġlieda lill-kummerċ illegali tal-beni kulturali; ifaħħar barra minn hekk l-isforzi tal-forzi tal-pulizija nazzjonali bħalma hi l-Unità tal-Arti u l-Antikitajiet (Art and Antiques Unit) tal-Pulizija Metropolitana fir-Renju Unit, biex tiġi indirizzata b’mod determinat l-attività kriminali f’dan il-qasam;

12.    Jemmen li aktar skambju ta’ informazzjoni u koordinazzjoni akbar bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri u pajjiżi terzi jista’ jkollhom rwol sinifikanti fl-identifikazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-gruppi kriminali imdaħħla fil-kummerċ illegali tal-artifatti ssakkeġġjati minn siti kulturali;

13.    Itenni l-importanza tar-rispett għal-liġi internazzjonali u għad-drittijiet tal-bniedem waqt l-isforzi li jsiru biex titneħħa t-theddida tal-ISIS/Da’esh u jinġiebu l-paċi u l-istabilità sostenibbli fir-reġjun;

14.    Jinkoraġġixxi sforzi internazzjonali koordinati biex is-siti u l-artefatti kulturali, storiċi u reliġjużi vulnerabbli jiġu mħarsa mit-theddida tas-sakkeġġjar u l-qerda;

15.    Ifakkar lil dawk il-pajjiżi ġirien tas-Sirja u l-Iraq li huma jinsabu fuq quddiem nett tal-front biex jitwaqqaf għalkollox il-kummerċ illegali tal-artifatti ssakkeġġjati minn siti storiċi; ifakkarhom ukoll li dak il-kummerċ jiffinanzja direttament it-terroriżmu li qed jhedded il-paċi u s-sigurtà tagħhom stess; jemmen li l-Unjoni Ewropea, il-Lega tal-Istati Għarab u atturi internazzjonali oħra għandhom jikkunsidraw li jgħinu lil dawk il-pajjiżi jsaħħu l-bini ta’ kapaċità f’dan il-qasam;

16.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, id-Direttur Ġenerali tal-UNESCO, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Iraq, u lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab.