Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0393/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0393/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-qerda ta' siti kulturali mwettqa mill-ISIS/Da'esh

27.4.2015 - (2015/2649(RSP))

further to Questions for Oral Answer B8‑0115/2015 and B8‑0116/2015
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Michèle Alliot-Marie, Andrea Bocskor, Lara Comi, Raffaele Fitto, Elisabetta Gardini, Marc Joulaud, Giovanni La Via, Barbara Matera, Alessandra Mussolini, Claude Rolin, Tokia Saïfi, Michaela Šojdrová, Davor Ivo Stier, Dubravka Šuica, Pavel Svoboda, Giovanni Toti, Sabine Verheyen, Elissavet Vozemberg, Theodoros Zagorakis, Tomáš Zdechovský, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Joachim Zeller, Milan Zver, Roberta Metsola f'isem il-Grupp PPE <<<

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0375/2015

Proċedura : 2015/2649(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0393/2015
Testi mressqa :
B8-0393/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0393/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qerda ta' siti kulturali mwettqa mill-ISIS/Da'esh

(2015/2649(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jiddisponi li "l-azzjoni tal-Unjoni għandu jkollha l-mira li tinkoraġġixxi l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri", inkluż fil-qasam tal-"konservazzjoni u l-protezzjoni tal-wirt kulturali Ewropew sinifikanti" u li "l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkultivaw il-koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tal-kultura",

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 116/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar l-esportazzjoni ta’ oġġetti kulturali[1],

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2013 tas-7 ta' Lulju 2003 dwar ċerti restrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq u li jirrevoka r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2465/96[2],

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1332/2013 tat-13 ta’ Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja[3], adottati abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/760/PESK tat-13 ta’ Diċembru 2013 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja[4],

–       wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2001/555/PESK tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar it-twaqqif ta’ Ċentru tas-Satelliti tal-Unjoni Ewropea[5], emendata mill-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2009/834/PESK[6],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' Ottubru 2012 dwar il-ħolqien ta' netwerk informali ta' awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-kompetenza esperta fil-qasam ta' oġġetti kulturali (EU CULTNET),

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Kulturali fil-Każ ta' Kunflitt Armat, adottata fl-Aja fl-14 ta' Mejju 1954,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-14 ta' Novembru 1970 dwar il-Mezzi ta' Projbizzjoni u Prevenzjoni tal-Importazzjoni, Esportazzjoni u Trasferiment Illegali tas-Sjieda tal-Proprjetà Kulturali;

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni tal-Patrimonju Kulturali u Naturali Dinji tas-16 ta’ Novembru 1972,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO għall-Ħarsien tal-Patrimonju Kulturali Intanġibbli tas-17 ta’ Ottubru 2003,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali tal-20 ta' Ottubru 2005,–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNIDROIT dwar l-Oġġetti Kulturali Misruqa jew Esportati Illegalment tal-24 ta’ Ġunju 1995,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2199 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-12 ta’ Frar 2015 dwar it-theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkawżat minn atti terroristiċi mill-Al-Qaida[7],

–       wara li kkunsidra l-Karta ta' Venezja għall-Konservazzjoni u r-Restawr tal-Monumenti u s-Siti tal-1964, li tistabbilixxi qafas internazzjonali għall-preservazzjoni u r-restawr ta' binjiet storiċi,–  wara li kkunsidra l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali adottat fis-17 ta’ Lulju 1998, u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2)(b)(ix) tiegħu, li jirrikonoxxi bħala delitt tal-gwerra l-att ta’ "twettiq ta' attakki intenzjonati fuq binjiet iddedikati għar-reliġjon, l-edukazzjoni, l-arti, ix-xjenza jew skopijiet ta’ karità, monumenti storiċi, sptarijiet u postijiet fejn jinġabru l-morda u l-midruba, dment li dawn ma jkunux objettivi militari",

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2013 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni, li l-paragrafu 211 tiegħu jgħid li "forom intenzjonali ta’ qerda tal-wirt kulturali u artistiku, kif qed jiġri bħalissa fl-Iraq u fis-Sirja, għandhom jiġu prosegwiti bħala delitti tal-gwerra u bħala delitti kontra l-umanità"[8],

–       wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-qerda ta' siti kulturali mwettqa mill-ISIS/Da'esh (O-000031/2015 – B8‑0115/2015 u O-000032/2015 – B8‑0116/2015),

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi jfakkar li għadd kbir ta’ siti arkeoloġiċi, reliġjużi u kulturali fis-Sirja, l-Iraq u t-Tuneżija dan l-aħħar kienu soġġetti għal attakki ta’ qerda mwettqa minn gruppi ta’ estremisti marbuta partikolarment mal-Istat Iżlamiku fl-Iraq u s-Sirja (ISIS/Da’esh), u li dawn l-attakki sistematiċi kontra l-wirt kulturali ġew definiti mid-Direttur Ġenerali tal-UNESCO Irina Bokova kulturali bħala "tindif kulturali";

B.     billi jenfasizza li skont il-UNESCO it-terminu "tindif kulturali" jirreferi għal strateġija intenzjonata li tfittex li teqred id-diversità kulturali permezz ta’ mmirar intenzjonat fuq individwi identifikati abbażi tal-isfond kulturali, etniku jew reliġjuż tagħhom, flimkien ma’ attakki intenzjonati fuq il-postijiet ta’ qima, ta’ tifkira u ta’ tagħlim tagħhom, u li l-istrateġija ta’ tindif kulturali li nistgħu nixhdu fl-Iraq u fis-Sirja hija riflessa f'attakki kontra l-wirt kulturali, li huma fl-istess waqt diretti kontra kemm espressjonijiet tal-kultura fiżiċi, tanġibbli u mibnija, bħalma huma monumenti u binjiet, kif ukoll kontra l-minoranzi u espressjonijiet kulturali intanġibbli, bħalma huma drawwiet, tradizzjonijiet u twemmin[9];

C.     billi jfakkar li xi atti ta' qerda tal-wirt kulturali ġew ikkunsidrati, taħt ċerti kundizzjonijiet, bħala delitti kontra l-umanità[10]; billi, b’mod partikolari, meta dawn l-atti jkunu diretti lejn membri ta’ grupp reliġjuż jew etniku jistgħu jiġu assimilati mad-delitt tal-persekuzzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 7(1)(h) tal-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

D.     billi jenfasizza li tali atti ta' qerda ta' siti u beni kulturali u storiċi mhumiex ġodda u mhumiex limitati għall-Iraq u s-Sirja, u li skont l-UNESCO "Il-wirt kulturali huwa komponent importanti tal-identità kulturali ta' komunitajiet, gruppi u individwi, u tal-koeżjoni soċjali, b'tali mod li l-qerda intenzjonata tiegħu jista' jkollha konsegwenzi negattivi fuq id-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet tal-bniedem"[11]; filwaqt li, kif dikjarat mill-UNESCO, fost oħrajn, il-prodott tas-sakkeġġar ta’ siti kulturali u reliġjużi u l-kuntrabandu ta’ beni kulturali u reliġjużi fl-Iraq u fis-Sirja, b’mod partikolari mill-ISIS/Da’esh, qed jintuża biex ikunu jistgħu jiġu ffinanzjati attivitajiet terroristiċi tal-ISIS/Da’esh, bir-riżultat li l-beni artistiċi u kulturali qed isiru “armi tal-gwerra”;

E.     billi jfakkar li, bis-saħħa tal-finanzjament ipprovdut mill-UE, fl-1 ta' Marzu 2014 il-UNESCO, flimkien ma’ sħab strateġiċi oħra, varat proġett ta’ tliet snin imsejjaħ 'Salvagwardja ta' Emerġenza tal-Wirt Sirjan', intiż b’mod partikolari biex jiżgura l-protezzjoni ta’ emerġenza tal-wirt kulturali Sirjan;F.  billi jfakkar li l-UE rratifikat il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta' Espressjonijiet Kulturali, iffirmata fl-20 ta' Ottubru 2005, li kienet l-ewwel strument internazzjonali li rrikonoxxa n-natura ekonomika u kulturali doppja tal-beni kulturali, li "għaldaqstant ma għandhomx jiġu ttrattati bħala beni li għandhom biss valur kummerċjali";

G.     billi jenfasizza li l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Mezzi ta' Projbizzjoni u Prevenzjoni tal-Importazzjoni, Esportazzjoni u Trasferiment Illegali tas-Sjieda tal-Proprjetà Kulturali, iffirmata fl-14 ta' Novembru 1970, u l-Konvenzjoni tal-UNIDROIT dwar Oġġetti Kulturali Misruqa jew Esportati Illegalment, iffirmata fl-24 ta’ Ġunju 1995, huma strumenti essenzjali għat-tisħiħ tal-protezzjoni tal-wirt kulturali globali,H.  billi jfakkar li l-kummerċ illeċitu tal-beni kulturali issa huwa t-tielet l-iktar kummerċ illegali sinifikanti wara d-drogi u l-armi, li dan il-kummerċ illeċitu huwa ddominat minn netwerks kriminali organizzati, u li l-mekkaniżmi nazzjonali u internazzjonali attwali la huma mgħammra b’mod adegwat u lanqas ma għandhom l-appoġġ adegwat biex jindirizzaw il-kwistjoni b’mod determinat[12]

I.      billi jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta’ beni kulturali mhijiex kompetenza speċifika tal-UE, inkwantu li mhijiex stabbilita bħala tali fit-Trattati, iżda li madankollu l-ġlieda kontra dan il-kummerċ illeċitu jaqa’ fl-ambitu ta’ għadd ta’ oqsma ta’ kompetenza tal-UE, bħalma huma s-suq intern, l-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (SLSĠ), il-kultura u l-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni;

J.      billi jirrikonoxxi l-ħtieġa urġenti li tiġi kkoordinata aħjar il-ġlieda kontra l-kummerċ illegali ta' artifatti kulturali u li ssir ħidma mill-qrib flimkien sabiex tiġi promossa s-sensibilizzazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni u jiġu msaħħa l-oqfsa ġuridiċi; billi jfakkar, f’dan il-kuntest, li f’Diċembru 2011 il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda fil-konfront tal-kriminalità kontra beni kulturali rrakkomandaw, inter alia, li l-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni ta’ bejn l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet kulturali u l-organizzazzjonijiet privati;

K.     billi jfakkar liriżoluzzjoni tal-Kunsill, f’Ottubru 2012 ħolqot netwerk informali ta’ awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ta' esperti kompetenti fil-qasam tal-beni kulturali (EU CULTNET), li l-objettiv prinċipali tiegħu hu li jtejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni marbuta mal-prevenzjoni tal-kummerċ illeċitu ta’ beni kulturali, u li jidentifika u jikkondividi informazzjoni dwar netwerks kriminali ssuspettati b’involviment f’kummerċ illeċitu;

L.     billi jfakkar li fit-28 ta’ Marzu 2015 id-Direttur Ġenerali tal-UNESCO Irina Bokova varat f’Bagdad il-kampanja #Unite4Heritage, li hi mmirata biex timmobilizza l-appoġġ globali għall-protezzjoni tal-wirt kulturali, bl-użu tas-setgħa tan-netwerks soċjali;1.  Jikkundanna bil-qawwa l-qerda ta’ siti kulturali, arkeoloġiċi u reliġjużi li qed tiġi mwettqa mill-ISIS fis-Sirja u l-Iraq;2.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) biex tieħu azzjoni xierqa fil-livell politiku, skont ir-riżoluzzjoni 2199 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-12 ta' Frar 2015, bil-ħsieb li jitwaqqaf għalkollox il-kummerċ illegali ta’ proprjetà kulturali mit-territorji tas-Sirja u tal-Iraq kemm idumu prevalenti f'dawk it-territorji l-kundizzjonijiet tal-gwerra, biex b'hekk ma jitħallewx jintużaw bħala għajn ta' finanzjament għal attivitajiet terroristiċi;

3.      Jistieden lill-VP/RGħ tutilizza d-diplomazija kulturali u d-djalogu interkulturali bħala għodda għar-rikonċiljazzjoni tal-komunitajiet differenti u għar-rikostruzzjoni tas-siti meqruda;

4.      Jissuġġerixxi f’dan il-kuntest li l-Kummissjoni, bi qbil mal-paragrafu 17 tar-riżoluzzjoni 2199 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-12 ta’ Frar 2015, tiffoka fuq il-prevenzjoni u l-ġlieda lill-kummerċ illeċitu ta’ artifatti kulturali, b’mod speċifiku fir-rigward ta’ oġġetti ta’ wirt kulturali mneħħija illegalment mill-Iraq mis-6 ta’ Awwissu 1990 ’l hawn u mis-Sirja wara mill-15 ta’ Marzu 2011 ’l hawn; hu tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tiżviluppa approċċ koordinat għall-ġlieda lil tali kummerċ illegali, filwaqt li taħdem flimkien ma’ dawk responsabbli fil-livell nazzjonali fi ħdan is-servizzi ta’ investigazzjoni u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-UNESCO u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra bħalma huma l-Kunsill Internazzjonali tal-Mużewijiet (l-ICOM), il-Kumitat Internazzjonali tal-Blue Shield tal-ICOM (ICBS), il-Europol, l-Interpol, l-Istitut Internazzjonali għall-Unifikazzjoni tal-Liġi Privata (il-UNIDROIT) u l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO);

5.      Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel talba lill-VP/RGħ sabiex tinvolvi ċ-Ċentru Satellitarju ta' Torrejón tal-UE, li jappoġġja t-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni billi jipprovdi materjal li jirriżulta mill-analiżi tal-immaġini satellitari, għall-fini ta’ monitoraġġ u elenkar ta' siti arkeoloġiċi u kulturali fis-Sirja u l-Iraq u għall-fini li jingħata appoġġ lill-attivitajiet tal-arkeologi Sirjani bil-għan li jiġi pprevenut li jsir aktar sakkeġġ u tiġi ppreservata l-ħajja taċ-ċivili;

6.      Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi skambju rapidu u sigur ta' informazzjoni u kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri bil-ħsieb li ssir ġlieda effikaċi kontra l-kummerċ illeċitu tal-artifatti kulturali mneħħija illegalment mill-Iraq u mis-Sirja, u tikkunsidra li tistabbilixxi programmi Ewropej ta' taħriġ immirati għall-imħallfin, uffiċjali tal-pulizija u tad-dwana, amministrazzjonijiet tal-gvern, u atturi tas-suq b'mod aktar ġenerali, b'tali mod li dawk involuti fil-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta’ beni kulturali jkunu jistgħu jiżviluppaw u jtejbu l-għarfien espert tagħhom;

7.      Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-kampanja #Unite4Heritage tal-UNESCO billi tagħti bidu għal kampanja ta' informazzjoni ffukata fuq l-Iraq u s-Sirja, bil-għan li tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-wirt kulturali tagħhom, dwar il-mod kif il-prodott li jirriżulta mis-sakkeġġar qed jintuża biex jiffinanzja attivitajiet terroristiċi, u dwar il-pieni possibbli assoċjati mal-importazzjoni illegali ta' beni kulturali minn dawn il-pajjiżi, jew minn pajjiżi terzi oħra;

8.      Jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 116/2009 dwar l-esportazzjoni ta' beni kulturali bil-ħsieb li jinkiseb livell ogħla ta' effiċjenza, u tipprevedi l-ħolqien ta' strument għall-ikkontrollar tal-importazzjoni ta' beni kulturali fl-UE;

9.      Jistieden lill-Kunsill jikkunsidra l-ħolqien, fi ħdan il-Eurojust u l-Europol, ta’ taqsima li tispeċjalizza fil-kummerċ illegali ta’ beni kulturali, li tkun responsabbli għall-koordinazzjoni, fil-livell Ewropew, tal-prosekuzzjonijiet u l-investigazzjonijiet mid-diversi awtoritajiet nazzjonali, peress li l-eżistenza ta’ taqsimiet iddedikati hija prerekwiżit għall-użu aħjar tar-riżorsi għall-prevenzjoni u l-ġlieda lill-kummerċ illegali u t-traffikar;

10.    Jappella lill-UE tieħu l-passi meħtieġa, f'kollaborazzjoni mal-UNESCO u mal-Qorti Kriminali Internazzjonali, biex il-kategorija tad-dritt internazzjonali ta' delitti kontra l-umanità tiġi estiża biex tinkludi atti li intenzjonalment jagħmlu ħsara jew jeqirdu l-wirt kulturali tal-umanità fuq skala kbira;

11.    Jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Mezzi ta' Projbizzjoni u Prevenzjoni tal-Importazzjoni, Esportazzjoni u Trasferiment Illegali tas-Sjieda tal-Proprjetà Kulturali tal-1970 u l-Konvenzjoni tal-UNIDROIT tal-1995;

12.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lid-Direttur Ġenerali tal-UNESCO, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Koalizzjoni Nazzjonali tas-Sirja u lill-Gvern u l-Parlament tal-Iraq.