MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Maldive
27.4.2015 - (2015/2662(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Victor Boștinaru, Richard Howitt, Vilija Blinkevičiūtė, Nicola Caputo, Andi Cristea, Viorica Dăncilă, Doru-Claudian Frunzulică, Marlene Mizzi, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Claudia Tapardel, Neena Gill f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0392/2015
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kelliem għar-Rappreżentant Għoli tal-UE/Viċi President tal-Kummissjoni dwar il-kundanna ta' Mohamed Nasheed, ex-President tar-Repubblika tal-Maldive, tal-14 ta’ Marzu 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Zeid Ra’ad Al Hussein dwar il-proċess tal-ex-President Mohamed Nasheed, tat-18 ta’ Marzu 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-Indipendenza tal-Imħallfin u l-Avukati Gabriela Knaul, li l-ebda demokrazija mhi possibbli mingħajr ġustizzja ekwiau indipendenti fil-Maldive, tad-19 ta’ Marzu 2015,
– wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni tal-UE tal-Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet Parlamentari fir-Repubblika tal-Maldive, tat-22 ta’ Marzu 2014,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-tensjoni politika qed jikber fil-Maldive bi protesti regolari, ġlied bejn id-dimostranti, il-klikek u l-pulizija, u minn Frar 'l hawn ġew arrestati mill-inqas 140 dimostrant, li ħafna minnhom inħelsu b'kundizzjonijiet li jillimitaw severament id-drittijiet tagħhom li jieħdu sehem f’dimostrazzjonijiet ulterjuri, skont l-Amnesty International;
B. billi fit-13 ta’ Marzu 2015, l-ex-President Mohamed Nasheed ġie kkundannat għal 13-il sena sena taħt l-Att kontra t-Terroriżmu tal-Maldive tal-1990 fuq l-akkuża li, meta kien għadu l-President tal-pajjiż, kien ordna d-detenzjoni illegali tal-Prim Imħallef tal-Qorti Kriminali Abdullah Mohamed fl-2012; billi s-Sur Nasheed ċaħad din l-akkuża;
C. billi l-proċess tal-ex-President Nasheed beda fil-jum wara l-arrest tiegħu u ntemm wara 11-il seduta ta’ smigħ fi żmien 19-il jum; billi l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra’ad Al Hussein iddeskriva l-proċess tiegħu bħala "proċess mgħaġġel li jidher li jikser il-liġijiet u l-prattiki tal-Maldive u l-istandards internazzjonali ta’ proċess ġust f’għadd ta’ aspetti"; billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-Indipendenza tal-Imħallfin u l-Avukati Gabriela Knaul esprimiet tħassib serju "dwar in-nuqqas ta’ rispett lejn l-aktar prinċipji bażiċi ta’ smigħ ġust u ta’ proċess dovut waqt il-proċedimenti kriminali kontra s-Sur Nasheed" u sostniet li dan il-proċess "ma kienx biss ksur ċar tal-obbligi internazzjonali tal-Maldive fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, taħt il-Patt Internazzjonali tad-Drittijiet Ċivili u Politiċi, iżda wkoll iżeblaħ il-Kostituzzjoni tal-Istat";
D. billi l-Kelliem tar-Rappreżentant Għoli tal-UE/Viċi President tal-Kummissjoni qal li l-kundanna tal-ex-President Nasheed qajmet dubji serji ħafna dwar proċess xieraq tal-liġi u li, jekk il-kundanna tiġi appellata, il-proċess ta’ appell jeħtieġ li jkun ġust u trasparenti, filwaqt li jżid li l-Unjoni Ewropea tappella lill-partijiet kollha fil-Maldive biex jaġixxu b’mod responsabbli u jirrispettaw il-libertajiet kostituzzjonali;
E. billi s'issa ma tressaq l-ebda appell fil-każ tal-ex-President Nasheed; billi t-tim legali tiegħu akkuża lill-qorti kriminali li żammithom milli jressqu appell permezz ta’ ostakoli proċedurali; billi fl-24 ta' Marzu 2015 il-gvern tal-Maldive ħabbar stedina lin-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth tan-Nazzjonijiet biex josservaw il-proċess ta' appell tas-Sur Nasheed;
F. billi l-ex-Ministru tad-Difiża Tholhath Ibrahim u Mohamed Nazim reċentement ngħataw sentenza ta' 10 snin u 11-il sena ħabs rispettivament, filwaqt li l-ex-Deputat Speaker tal-Maġlis Ahmed Nazim ġie kkundannat għal 25 sena ħabs fil-Maldive; billi dawn il-proċessi wkoll kienu milquta minn irregolaritajiet;
G. billi l-indħil politiku fil-ġudikatura tal-Maldive jdgħajjef il-kredibilità domestika u internazzjonali tas-sistema ġudizzjarja tal-pajjiż; billi d-detenzjoni u l-intimidazzjoni rappurtata tal-avversarji tal-gvern jikkontribwixxu għal klima ta’ instabbiltà fil-pajjiż; billi l-Amnesty International issostni li d-drittijiet tal-bniedem fil-Maldive ġew mittiefsa serjament u jeżisti r-riskju li jkomplu jiddeterjoraw għax il-Gvern qed jonqos mid-dmir tiegħu li jwaqqaf din it-tendenza, filwaqt li NGOs tad-drittijiet tal-bniedem qed iħabbtu wiċċhom ma’ attakki, intimidazzjoni u fastidju fil-pajjiż;
1. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kriżi politika li qed tkompli taggrava fil-Maldive; jistieden lill-partijiet kollha biex iżommu lura minn kwalunkwe azzjoni li tista’ taggrava l-kriżi saħansitra aktar, u biex jaġixxu fl-ispirtu tad-demokrazija u l-istat tad-dritt;
2. Jitlob li tintemm immedjatament il-vjolenza kontra d-dimostranti paċifiċi u jfakkar lill-forzi tas-sigurtà dwar id-dmir tagħhom li jipproteġu lid-dimostranti paċifiċi kontra gruppi vjolenti; jitlob li min iwettaq dan it-tip ta' attakki vjolenti jitressaq quddiem il-ġustizzja;
3. Jitlob li jkun hemm proċess politiku kredibbli u inklużiv, bil-parteċipazzjoni tal-forzi demokratiċi kollha, bil-għan li tinġieb lura u tinżamm l-istabbiltà fil-Maldive u biex il-pajjiż jitpoġġa lura fit-triq tat-tranżizzjoni lejn id-demokrazija; jitlob li tintemm immedjatament l-intimidazzjoni ta’ avversarji politiċi;
4. Jiddeplora l-irregolaritajiet serji fil-proċess tal-ex-President Mohamed Nasheed; jistieden lill-partijiet kollha jaħdmu flimkien biex isewwu l-konsegwenzi negattivi ta’ dawn l-irregolaritajiet bil-għan li jiġi żgurat li l-ġustizzja tipprevali fi proċess ħieles, ġust u trasparenti; jistieden lill-awtoritajiet ġudizzjarji kkonċernati sabiex jiffaċilitaw it-tressiq ta’ appell mis-Sur Nasheed; jinsisti li jekk il-kundanna tiegħu tiġi appellata, id-drittijiet tas-Sur Nasheed jeħtieġ jiġu rrispettati għalkollox b’konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Maldive, il-kostituzzjoni nazzjonali tal-pajjiż u l-istandards internazzjonali; iħeġġeġ lid-delegazzjoni tal-UE għas-Sri Lanka u l-Maldive biex issegwi mill-qrib il-proċess tal-appell;
5. Jitlob li jintemm immedjatament l-indħil politiku fis-sistema ġudizzjarja tal-Maldive, u jitlob għad-dipolitiċizzazzjoni tagħha; jitlob li jsiru riformi urġenti biex tiġi żgurata l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura tal-Maldive bil-għan li terġa’ tiġi stabbilita l-fiduċja domestika u internazzjonali fil-funzjonament tagħha; jenfasizza li dawn ir-riformi għandhom jiġu approvati u implimentati mingħajr aktar dewmien;
6. Iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli tal-UE/Viċi President tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex ikomplu jissorveljaw mill-qrib is-sitwazzjoni politika fil-Maldive u jiżvolġu rwol proattiv fir-relazzjonijiet bilaterali tal-UE mal-pajjiż u fil-fora multilaterali internazzjonali sabiex tinkiseb l-istabbiltà, jissaħħu d-demokrazija u l-istat tad-dritt, u jkun żgurat rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-pajjiż;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-parlament u l-gvern tar-Repubblika tal-Maldive.