Proċedura : 2015/2662(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0397/2015

Testi mressqa :

B8-0397/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 30/04/2015 - 10.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0180

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 136kWORD 67k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0392/2015
27.4.2015
PE555.171v01-00
 
B8-0397/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Maldive (2015/2662(RSP))


Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Geoffrey Van Orden, Beatrix von Storch f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Maldive (2015/2662(RSP))  
B8‑0397/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Lokali Konġunta tat-30 ta' Settembru 2014 dwar Theddid għas-Soċjetà Ċivili u d-Drittijiet tal-Bniedem fil-Maldive, maħruġa mid-Delegazzjoni tal-UE u l-Ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE, in-Norveġja u l-Isvizzera f'Colombo akkreditati għall-Maldive;

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-12 ta' Marzu 2015 mill-President tad-Delegazzjoni tal-Asja t’Isfel dwar l-arrest tal-ex-President Nasheed fil-Maldive u l-ittra tal- 10 ta' April 2015 tal-President tal-Kumitat tiegħu għall-Affarijiet Barranin lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Maldive,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi fit-13 ta' Marzu 2015, Mohamed Nasheed, l-ewwel President tal-Maldive elett b'mod demokratiku, li għandu passat personali twil bħala persuna ddedikata għat-taqbida nonvjolenti u d-demokrazija pluralistika, ġie kkundannat 13-il sena ħabs taħt akkużi ta' terroriżmu motivati politikament;

B.     billi l-arrest ta' Nasheed wasal ftit ġimgħat biss wara li alleat ewlieni telaq il-koalizzjoni governanti tal-President fil-kariga Abdullah Yameen biex jingħaqad mal-oppożizzjoni ta' Nasheed, il-Partit Demokratiku Maldivjan (PDM);

C.     billi l-proċess kontroversjali naqas milli jissodisfa l-istandards nazzjonali u internazzjonali tal-ġustizzja, minkejja l-appell tan-Nazzjonijiet Uniti għal ġustizzja u trasparenza fil-proċedimenti ġuridiċi kontra l-ex-President Nasheed; billi huwa ġie maltrattat fiżikament barra l-awla tal-qorti u ta' spiss kien imċaħħad minn rappreżentanza legali, il-qorti rrifjutat li tisma' evidenza mix-xhieda ta' difiża tiegħu stess, it-tim legali tiegħu ma ngħatax żmien biżżejjed biex jibni difiża kontra l-akkużi, u l-Qorti Kriminali tirrifjuta li tgħaddi r-rapport tal-każ lit-tim ta' difiża tiegħu, li huwa meħtieġ biex ikun jista' jitressaq appell;

D.     billi l-ġudikatura ferm politiċizzata tal-Maldive, li ta' spiss hija nieqsa minn kwalifiki legali rikonoxxuti, kienet il-kawża ta' tħassib għal bosta snin, peress li l-imħallfin, u b'mod partikolari membri tal-Qorti Suprema — il-gwardjani tal-Kostituzzjoni –, matul is-snin abbużaw mis-setgħat tagħhom u aġixxew favur il-partit governanti attwali;

E.     billi l-liġi adottata reċentement mill-Parlament tal-Maldive, li tneżża lill-persuni li jiskontaw sentenzi mis-sħubija tal-partiti politiċi tagħhom, hija mfassla biex iżomm lill-ex-President Nasheed milli jikkontesta l-elezzjoni presidenzjali tal-2018;

F.     billi l-proċess tal-elezzjonijiet presidenzjali fl-2013 kien vizzjat b'irregolaritajiet, dewmien, interferenza ġudizzjarja fl-iskedar taċ-ċikli u t-tmexxija tal-elezzjoni, raids fuq lill-Kummissjoni Elettorali Indipendenti, u intimidazzjoni politika;

G.     billi persuni politiċi tal-oppożizzjoni, bħall-ex-Ministru tad-Difiża Tholath Ibrahim, u rivali fi ħdan il-partit u l-gvern ta' koalizzjoni ta' Yameen Abdul Gayoom stess, bħal Mohamed Nazim, ġew ikkundannati bl-għajnuna tal-ġudikatura politiċizzata;

H.     billi l-politiċi fl-oppożizzjopni qed ikomplu jiġu intimidati fuq bażi regolari, u billi rapport reċenti tal-Kumitat għad-Drittijiet tal-Parlamentari tal-Unjoni Interparlamentari jidentifika lill-Maldive bħala wieħed mill-agħar pajjiżi fid-dinja għall-attakki, it-tortura u l-intimidazzjoni kontra membri parlamentari tal-oppożizzjoni;

I.      billi r-reġim jisfida l-libertà ta' għaqda billi jrażżan brutalment lil dawk li jappoġġjaw lil Nasheed; billi minn Frar 'l hawn ġew arrestati mill-inqas 140 manifestant paċifiku, u dawn ġew meħlusa biss fuq kundizzjonijiet li jillimitaw bil-kbir id-dritt tagħhom li jieħdu sehem f'dimostrazzjonijiet oħra;

J.      billi t-taqlib politiku qed ifeġġ fi żmien ta' tħassib dwar spirtu militanti Iżlamiku li qed jiżdied fil-Maldive u dwar l-għadd ta' żgħażagħ irġiel radikalizzati li allegatament saru membri tal-ISIS;

K.     billi l-libertà tal-istampa ġiet inibita serjament f'dawn l-aħħar snin u tliet ġurnalisti ġew arrestati waqt li kienu qed jirrappurtaw dwar dimostrazzjonijiet politiċi li appellaw għall-ħelsien ta' Mohamed Nasheed;

L.     billi Ahmed Rilwan, ġurnalist kritiku tal-gvern li "għeb" f'Awwissu 2014, għadu nieqes u aktarx li miet;

M.    billi gruppi vjolenti u gruppi reliġjużi — allegatament f'kospirazzjoni mal-pulizija — spiss jattakkaw istituzzjonijiet, organizzazzjonijiet u individwi li jikkritikaw l-azzjonijiet tal-gvern, u b'hekk joħolqu sfera ta' intimidazzjoni tas-soċjetà ċivili;

N.     billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qed iħabbtu wiċċhom dejjem aktar ma' fastidji, theddid u attakki, inkluża l-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Maldive (HRCM), li tressqet quddiem il-Qorti Suprema fuq akkużi ta' tradiment tal-pajjiż u li mminat il-kostituzzjoni talli ressqet rapport għar-Rieżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

O.     billi Jens Toyberg-Frandzen, Assistent Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Affarijiet Politiċi, appella lill-Gvern tal-Maldive "biex jippermetti dissens politiku paċifiku u biex ifittex modi kif jimpenja ruħu mal-oppożizzjoni, fl-interess ta' stabilità politika fit-tul fil-pajjiż";

P.     billi l-ħaddiema immigranti jbatu minħabba xogħol furzat, il-konfiska tad-dokumenti tal-identità u tal-ivvjaġġar, iż-żamma tas-salarji jew in-nuqqas ta' ħlas tagħhom u rbit ta' dejn, u ġew mhedda mill-awtoritajiet tal-Maldive li jitkeċċew minħabba li pprotestaw kontra d-diskriminazzjoni u l-vjolenza wara sensiela ta' attakki fuq ħaddiema immigranti;

Q.     billi fl-2014, il-Parlament tal-Maldive vvota sabiex itemm moratorju dwar il-piena kapitali stabbilita mill-1954, u b'hekk tippermetti l-kundanna ta' minuri fl-età żgħira ta' seba' snin, li jistgħu jinżammu responsabbli u jirċievu l-piena tal-mewt hekk kif jagħlqu t-18 u jinżammu mifnija fil-ħabs sa dak iż-żmien; billi dan imur kontra l-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem tal-Maldive bħala stat parti fil-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

1.      Jistieden lill-Gvern tal-Maldive biex:

• immedjatament u b'mod inkundizzjonat jeħles lill-ex-President Nasheed u l-ex-ministri tad-difiża Ibrahim u Nazim, u jilliberahom minn kull akkuża;

• jieħu l-passi neċessarji kollha sabiex terġa' tiġi stabbilita l-fiduċja fl-impenn tiegħu lejn id-demokrazija, l-indipendenza ġudizzjarja u l-istat tad-dritt, inkluż ir-rispett tal-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-għaqda, u r-rispett ta' proċess adegwat;

• jissalvagwardja l-funzjonament bla xkiel ta' demokrazija pluralistika, li fiha mhux biss dawk li jitolbu li l-Iżlam konservattiv jiddomina l-politika u s-soċjetà, iżda wkoll il-Musulmani favur id-demokrazija, il-Musulmani moderati u l-partitarji tas-sekulariżmu, li jopponu l-influwenza tal-Wahhabi Salafist fil-Maldive, jistgħu ġustament jipparteċipaw;

• jirriforma l-ġudikatura;

• jerġa' jistabbilixxi moratorju għall-piena kapitali;

• jippermetti li ssir investigazzjoni xierqa dwar l-għejbien ta' Ahmed Rilwan, u l-attakki u t-theddid kontra ġurnalisti, membri tas-soċjetà ċivili, u istituzzjonijiet indipendenti

2.      Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħorġu twissijiet bir-reqqa dwar ir-rekord tad-drittijiet tal-bniedem tal-Maldive lit-turisti li jippjanaw li jmorru fil-pajjiż;

3.      Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri, fil-każ li jkomplu sejrin ir-rigressjoni demokratika u d-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Maldive, biex jiffriżaw tal-assi barra mill-pajjiż tal-membri tal-Gvern tal-Maldive u s-sostenituri ewlenin tagħhom fil-komunità tan-negozju tal-Maldive, u jimponu projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar tagħhom;

4.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lill-Gvern tal-Maldive.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza