MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja
27.4.2015 - (2015/2520(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Piernicola Pedicini, Rolandas Paksas, Valentinas Mazuronis f'isem il-Grupp EFDD
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0370/2015
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Niġerja u b'mod partikolari l-aktar dibattitu reċenti tiegħu dwar din il-kwistjoni fis-sessjoni plenarja tiegħu tal-Erbgħa, 14 ta' Jannar 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, inklużi dawk tat-8 ta' Jannar, id-19 ta' Jannar, il-31 ta' Marzu u l-14 u l-15 ta' April 2015,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta’ Frar 2015,
– wara li kkunsidra l-ħames djalogu ministerjali bejn in-Niġerja u l-UE li sar f'Abuja fis-27 ta' Novembru 2014,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet preliminari tal-Missjonijiet ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE u tal-PE,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Ban Ki-moon,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-possibbiltà li membri tal-Boko Haram jistgħu jiġu akkużati b'delitti tal-gwerra,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU tal-1981 dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha tal-Intolleranza u d-Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon jew it-Twemmin,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-ILO tal-1948 dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni, u l-Konvenzjoni tal-1949 dwar l-Applikazzjoni tal-Prinċipji tad-Dritt ta’ Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-ILO tal-1973 dwar l-età minima u l-Konvenzjoni tal-1999 dwar l-Agħar Forom tax-Xogħol tat-Tfal,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1992 dwar id-Diversità Bijoloġika,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, irratifikata min-Niġerja fit-22 ta' Ġunju 1983,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili tal-1966, irratifikat min-Niġerja fid-29 ta' Ottubru 1993,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi n-Niġerja hija l-aktar pajjiż popolat u l-aktar wieħed b'varjetà enika fl-Afrika u billi aktar minn 60 % tal-popolazzjoni tiegħu għandha inqas minn 24 sena;
B. billi n-Niġerja hija t-23 l-akbar ekonomija fid-dinja u l-ewwel waħda fl-Afrika u hija mogħnija b’ħafna riżorsi naturali filwaqt li fl-istess ħin il-qgħad fost dawk li għandhom inqas minn 25 sena huwa stmat għal aktar minn 75 fil-mija; billi, minkejja l-prezzijiet baxxi taż-żejt, l-introjtu tal-gvern għadu ġej fil-biċċa l-kbira mill-bejgħ tal-idrokarburi; billi l-UE hija waħda mill-ikbar sħab kummerċjali tan-Niġerja;
C. billi skont il-Bank Dinji, in-Niġerja tilfet madwar USD 400 biljun f'introjtu miż-żejt b'riżultat tal- korruzzjoni mill-1960 'l hawn u USD 20 biljun fi flus miż-żejt sparixxew mit-teżor tan-Niġerja fl-aħħar sentejn;
D. billi n-Niġerja hija kkaratterizzata minn inugwaljanza soċjali u ekonomika b’madwar 60 % tal-popolazzjoni jgħixu f’faqar assolut, filwaqt li fl-istess ħin in-Niġerja għandha kważi 16 000 miljunarju; billi l-pajjiż huwa kkaratterizzat minn żbilanċi ekonomiċi u soċjali bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar;
E. billi l-elezzjonijiet presidenzjali Niġerjani u tal-Assemblea Nazzjonali saru fit-28 ta’ Marzu 2015 u sussegwentement estiżi għad-29 ta’ Marzu minħabba problemi tekniċi, wara posponiment inizjali ta’ sitt ġimgħat mill-14 ta’ Frar 2015; billi l-elezzjonijiet għall-gvernaturi u l-assemblej lokali saru fil-11 ta’ April 2015;
F. billi l-Unjoni Afrikana, il-Commonwealth tan-Nazzjonijiet, l-ECOWAS u l-Unjoni Ewropea għamlu missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali;
G. billi l-kampanja twettqet f’kuntest ta’ tensjoni b' inċidenti vjolenti dejjem jiżdiedu jseħħu fil-partijiet kollha tal-pajjiż b’aktar minn 82 persuna maqtula; billi kemm il-PDP u kemm l-APC ġew akkużati b'intimidazzjoni tal-avversarji u attakki tal-manifestazzjonijiet tal-partiti; billi kien hemm żieda fl-użu ta’ lingwaġġ xewwiexi u fl-użu ta’ sentimenti reliġjużi, etniċi u sezzjonali;
H. billi, minkejja proċess tal-votazzjoni diżordinat u fit-tul, b’żieda ta’ inċidenti ta’ vjolenza u intimidazzjoni, l-osservaturi ma rawx provi ta’ manipulazzjoni sistematika u b’hekk l-elezzjonijiet jista’ jingħad li jilħqu l-prinċipji kontinentali u reġjonali ta’ elezzjonijiet demokratiċi;
I. billi l-proċess tal-elezzjonijiet lokali tal-11 ta’ April deher li kien aktar effiċjenti minn dak tat- 28 ta’ Frar u għal darb’oħra l-osservaturi ma rawx provi ta’ frodi sistematika ċentralizzata minkejja li ġew osservati xi tentattivi ta’ manipulazzjoni u kien hemm żieda fl-inċidenti ta’ sigurtà, b'tal-anqas 30 persuna maqtula;
J. billi fil-31 ta' Marzu 2015 ġie ddikjarat rebbieħ Muhammadu Buhari, mill-partit All Progressive Congress (APC); billi, għall-ewwel darba mit-tranżizzjoni minn tmexxija militari fl-1999, l-elezzjonijiet intrebħu minn kandidat tal-oppożizzjoni, u billi l-president fil-kariga ċeda l-elezzjoni b’mod paċifiku;
K. billi, bi tkomplija tax-xejra negattiva tal-2011 huma biss tmienja n-nisa li rebħu siġġu fis-Senat, mhux aktar minn 20 mara setgħet tirbaħ siġġu fil-Kamra tar-Rappreżentanti u l-ebda mara ma ġiet eletta bħala gvernatur;
L. billi Amnesty International tqis li l-grupp Boko Haram qatel mill-inqas 4 000 ċivili fl-2014 u mill-inqas 1 500 fl-ewwel tliet xhur tal-2015 filwaqt li aktar minn 1.2 miljun persuna kellhom iħallu djarhom; billi nhar it-Tnejn 6 ta’ April 2015 militanti tal-Boko Haram taħt il-bixra ta' predikaturi qatlu mill-inqas 24 persuna u darbu bosta oħrajn f’attakk ħdejn moskea fir-raħal ta’ Kwajafa;
M. billi fis-16 ta' April il-grupp Boko Haram attakka l-irħula ta' Bia u Diana fil-Kamerun, fejn qatlu 12-il persuna; billi l-attakki tal-Boko Haram mhumiex limitati għal pajjiż wieħed biss, fatt li jenfasizza l-ħtieġa ta’ rispons reġjonali għall-problema;
N. billi l-introjtu tal-Boko Haram ġej prinċipalment mill-ħtif ta’ persuni, kemm fil-forma ta’ fidwa u introjtu mill-bejgħ ta’ priġunieri bħala skjavi, it-traffikar tal-bnedmin, kollaborazzjonijiet ma’ kartelli tad-droga, serq, finanzjament minn gruppi terroristiċi oħra bħal Al-Qaeda u Al-Shabaab u l-introjtu mit-taxxi fit-territorji okkupati; billi l-grupp juża mudell Iżlamiku ta’ trasferiment ta’ flus imsejjaħ ‘hawala’, ibbażat fuq sistema ta' unur u netwerk globali ta’ aġenti li ma jħalli l-ebda traċċa;
O. billi t-tħaddim tat-tfal għadu sors kbir ta’ tħassib fin-Niġerja, minkejja miżuri leġiżlattivi, filwaqt li skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), l-għadd ta’ tfal li jaħdmu taħt l-età ta’ 14 fin-Niġerja huwa stmat għal 15-il miljun;
P. billi 43 % tal-bniet jiġu mġiegħla jiżżewġu qabel ma jagħlqu t-18-il sena u 17 % jiġu mġiegħla jiżżewġu qabel ma jagħlqu l-15-il sena, b’ċifri li jlaħħqu s-76 % fir-reġjun tal-Majjistral;
Q. billi n-Niġerja għandha l-akbar għadd assolut ta’ mutilazzjoni ġenitali femminili (FGM) madwar id-dinja, li jikkostitwixxi madwar kwart tal-115-130 miljun mara b'ċirkonċiżjoni fid-dinja;
R. billi n-Niġerja hija mogħnija bi flora u fawna varjata iżda dawn ir-riżorsi vitali bħalissa huma mhedda minħabba l-pressjoni li qed tiżdied tal-popolazzjoni, intensifikata mill-attivitajiet ta’ żvilupp tal-bniedem u l-użu mhux sostenibbli tal-bijodiversità;
S. billi fid-Delta tan-Niġer joqogħdu 20 miljun persuna u 40 grupp etniku differenti u huwa wieħed miż-żoni tal-pjaneta bl-akbar bijodiversità; billi rapport UNEP (il-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti) ikkonkluda li l-komunitajiet fiż-żona huma esposti għal idrokarburi tal-petroleum fl-arja ta’ barra u l-ilma tax-xorb u li teżisti kwistjoni ta’ sigurtà pubblika; billi s-sistema ta’ ġestjoni ta' rimedju adottata mill-kumpaniji għadha ma tissodisfax ir-rekwiżiti regolatorji lokali jew l-aħjar prattiki internazzjonali; billi l-aġenziji tal-gvern Niġerjan m'għandhomx l-għarfien espert tekniku kwalifikat u r- riżorsi biex jegħlbu dan il-fenomenu; billi l-istudju jikkonkludi li r-restawr ambjentali tar-reġjun huwa possibbli imma jista’ jieħu minn 25 sa 30 sena;
1. Ifaħħar l-ewwel u qabel kollox il-maturità tal-poplu Niġerjan u l-parteċipazzjoni estensiva tiegħu fl-elezzjonijiet minkejja l-vjolenza li għaddejja u li qed tiżdied fil-pajjiż u l-eluf ta’ mejtin u spostati;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-qtil bla sens ta’ nies innoċenti, l-użu tat-tfal fil-kunflitt, inklużi bombi suwiċida, il-bejgħ ta’ bniet bħala skjavi tas-sess u l-użu ta’ vjolenza sesswali bħala għodda tat-tortura bħala reati koroh li jistgħu jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità;
3. Jilqa’ b’sodisfazzjon it-twaqqif ta’ Task Force Konġunta Multinazzjonali f’Jannar 2015 u l-approvazzjoni tagħha mill-Unjoni Afrikana fis-6 ta’ Marzu; ifaħħar id-deċiżjoni taċ-Ċad, in-Niġer, in-Niġerja, il-Kamerun u l-Benin li jikkooperaw bil-mandat li ''jipprevjenu l-espansjoni tal-attivitajiet tal-Boko Haram u gruppi terroristiċi oħra u jeliminaw il-preżenza tagħhom''; ifakkar li l-mandat għandu jsir f’konformità sħiħa mal-liġi internazzjonali u r-riżoluzzjonijiet tan-NU rilevanti;
4. Jinsisti li peress li t-terroriżmu huwa theddida transkonfinali, jeħtieġ approċċ reġjonali koordinat għall-ġlieda kontrieh; jitlob lill-Unjoni Afrikana terfa’ r-responsabbiltà tagħha fil-koordinazzjoni ta’ rispons komprensiv għat-terroriżmu fis-Saħel, b’koordinazzjoni mal-pajjiżi involuti; ifakkar li filwaqt li jista' jkun meħtieġ l-użu tal-forza, huwa obbligatorju li jiġu rikonoxxuti u ttrattati l-kawżi bażiċi tat-terroriżmu fir-reġjun;
5. Jifraħ lil Muhammadu Buhari talli ġie elett bħala President tan-Niġerja u jistenna li jindirizza r-ribelljoni tal-Boko Haram kif imwiegħed waqt il-kampanja filwaqt li fl-istess ħin iżomm ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fuq quddiem nett tal-azzjoni;
6. Ifaħħar lill-President fil-kariga u kandidat presidenzjali Goodluck Jonathan talli kkonċeda t-telfa fil-ħin u b’hekk witta t-triq għal trasferiment paċifiku tal-poter; jinnota madankollu li l-partit PDP irrifjuta li jiffirma r-riżultati uffiċjali INEC, u ddikjara li se jisfida l-eżitu tal-elezzjoni presidenzjali b'mod ġuridiku;
7. Jieħu nota tat-tnaqqis fl-għadd ta’ nisa eletti, bi proporzjon ħafna 'l isfel mit-30 % tad-Dikjarazzjoni ta’ Pekin u l-mira tal-Pjattaforma għal Azzjoni u l-mira ta' 35 % tal-Politika Nazzjonali dwar is-Sessi; ifakkar għal darb’oħra fir-rwol kritiku tan-nisa kemm fis-settur pubbliku u kemm fis-settur privat bħala aġenti tal-iżvilupp u l-effetti pożittivi tal-għoti tas-setgħa lilhom fis-soċjetajiet li jgħixu fihom; jitlob lill-Gvern Niġerjan biex isib modi kif jagħti s-setgħa lin-nisa, speċjalment fil-politika, u biex jinvolvihom fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet;
8. Ifaħħar lill-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti (INEC) talli kompliet taħdem b’mod imparzjali f’ċirkostanzi diffiċli u f’kuntest dejjem aktar taħt pressjoni, kif ukoll tal-mod li bih laqgħet lill-persuni b’diżabilità pereżempju billi stipulat li l-'persuni b'diffikultajiet fiżiċi' għandu jkollhom prijorità waqt il-votazzjoni u pprovdiet il-lingwa tas-sinjali fl-avviżi u t-tħabbir ta' informazzjoni;
9. Ifakkar lill-President li għadu kemm ġie elett li l-grupp Boko Haram ma jistax jingħeleb biss permezz ta’ mezzi militari iżda huwa essenzjali li wieħed jifhem u jegħleb il-kawżi ewlenin tal-problema li jinsabu fost l-oħrajn fl-esklużjoni soċjali u l-faqar; jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha sabiex jipprovdu l-għajnuna finanzjarja u teknika meħtieġa biex jiżviluppaw politiki li jimmiraw li jtejbu l-ħajja tal-poplu Niġerjan billi b'dan il-mod ikunu qed imorru kontra l-grupp Boko Haram;
10. Jirrikonoxxi li Muhammadu Buhari se jiffaċċjaw l-isfidi ta’ korruzzjoni mifruxa, istituzzjonijiet imfarrka, armata korrotta, ineffiċjenti u diżorganizzata, kriżi soċjoekonomika u inugwaljanzi kbar bejn in-Nofsinhar u t-Tramuntana tal-pajjiż; jistieden lill-President li għadu kemm ġie elett jistabbilixxi politiki soċjoekonomiċi ambizzjużi u inklużivi immirati lejn l-iżvilupp sostenibbli, biex jirrazzjonalizza u jorganizza mill-ġdid l-amministrazzjoni pubblika u l-armata u jiġġieled il-korruzzjoni fil-livelli kollha; jemmen li l-introjti li ġejjin mir-riżorsi vasti tal-pajjiż għandhom jintużaw għal benesseri tal-popolazzjoni tiegħu;
11. Jitlob lill-awtoritajiet Niġerjani jagħmlu sforzi speċjali biex inaqqsu l-inugwaljanza u jiżviluppaw l-parti tat-Tramuntana tal-pajjiż peress li dan jirrappreżenta wkoll mezz validu kontra l-istrateġija li juża Boko Haram għar-reklutaġġ ta' persuni, anke bl-użu ta’ inċentivi ekonomiċi, li qed jgħixu fil-faqar u jinsabu f'xifer is-soċjetà u speċjalment żgħażagħ li m’għandhomx aċċess għall-iskola u l-impjiegi;
12. Jitlob lill-awtoritajiet Niġerjani jniedu investigazzjoni bir-reqqa dwar l-allegazzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem waqt il-ġlieda kontra l-Boko Haram u jfakkar li l-ewwel kompitu ta’ gvern huwa l-protezzjoni ta’ niesu stess u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt irrispettivament miċ-ċirkostanzi;
13. Jemmen li l-aħjar mod biex jinqered il-grupp Boko Haram huwa li jinqata' l-iffinanzjar tiegħu; jitlob lill-awtoritajiet Niġerjani jsaħħu l-kooperazzjoni u l-qsim tal-għarfien mal-ġirien tagħhom u ma’ atturi internazzjonali oħrajn sabiex iwaqqfu l-attivitajiet ta’ traffikar tal-bnedmin u jegħlbu n-netwerks tad-drogi kif ukoll isibu modi biex jiġu ttraċċati l-flussi finanzjarji li qed jgħaddu għand il-Boko Haram u jwaqqfuhom;
14. Ifakkar li għaddiet sena mindu nħatfu 276 tifla fi skola barra Chibok, u li skont gruppi tad-drittijiet tal-bniedem ittieħdu mill-inqas 2000 tifla u mara oħra; jitlob lill-gvern u lill-komunità internazzjonali jagħmlu dak kollu li hu fis-setgħa tagħhom biex isibu l-persuni maħtufa u jeħilsuhom;
15. Jitlob lill-awtoritajiet u l-mexxejja reliġjużi tan-Niġerja jikkooperaw b’mod attiv mas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet pubbliċi sabiex jiġġieldu l-estremiżmu u r-radikalizzazzjoni;
16. Jappella għall-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni biex jingħalaq id-distakk bejn il-kundizzjoni attwali tal-ħaddiema Niġerjani u l-istandard pprovdut mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, b’mod partikolari fl-oqsma tas-sħubija fi trade unions, il-promozzjoni ta’ negozjar kollettiv liberu u volontarju u d-dritt li jieħdu azzjoni industrijali;
17. Jinnota l-inkonsistenza tal-liġijiet tan-Niġerja dwar it-tħaddim tat-tfal speċjalment rigward l-età minima għax-xogħol; iħeġġeġ li jiġi emendat l-Artikolu 59 tal-Att dwar ix-Xogħol biex jinġieb f’konformità mal-konvenzjonijiet tal-ILO rratifikati min-Niġerja, u jħeġġeġ kull Stat Niġerjan jirratifika l-Att Federali tal-2003 dwar id-Drittijiet tat-Tfal; ifaħħar in-Niġerja għat-tnedija ta’ Politika Nazzjonali dwar it-Tħaddim tat-Tfal u Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Eliminazzjoni tat-Tħaddim tat-Tfal fl-2013, iżda jħeġġeġ lill-awtoritajiet jagħmlu aktar sforzi fl-implimentazzjoni u l-infurzar tagħhom;
18. Jinnota t-tnaqqis fil-prevalenza taż-żwieġ tat-tfal mill-2003 'l hawn, iżda jemmen li għad hemm bżonn ta' azzjonijiet sabiex jiġi miġġieled dan il-fenomenu, hekk kif stimi tal-UNFPA juru li aktar minn 4 miljun tifla se jiżżewġu meta jkunu għadhom tfal sal-2030; jitlob lill-Gvern Niġerjan iżomm mar-responsabbiltajiet tiegħu li jipproteġi lit-tfal, u jħeġġeġ lill-istati li għadhom m'għaddewx l-Att dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-2003 jagħmlu dan, filwaqt li dawk li għaddewh jimplimentawh b'urġenza;
19. Jappella lill-gvern federali lill-istati tan-Niġerja jimplimentaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u miżuri stretti sabiex tiġi miġġielda l-prattika tal-mutilazzjoni ġenitali femminili inkluż ħidma mal-midja dwar kampanji ta' informazzjoni, edukazzjoni u komunikazzjoni li jħallu impatt fuq il-fehim tal-pubbliku dwar il-mutilazzjoni ġenitali femminili;
20. Jitlob lill-awtoritajiet Niġerjani jieħdu miżuri ta’ emerġenza fid-Delta tan-Niġer inklużi azzjonijiet biex itemmu l-attivitajiet illegali relatati maż-żejt, u jipprovdu sorsi adegwati ta’ ilma tax-xorb mhux imniġġsa, jorganizzaw kampanja ta’ kuxjenza pubblika li tinforma lill-pubbliku dwar x'jista' jkun ta' ħsara għal saħħithom, u jipprovdu eżami mediku komprensiv għal dawk li ġew esposti għat-tniġġis; jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jipprovdu għarfien espert tekniku u riżorsi biex jirrestawraw iż-żona; jitlob lill-kumpaniji internazzjonali kollha li joperaw fir-reġjun biex joperaw bl-ogħla standards internazzjonali u biex iżommu lura minn kwalunkwe azzjoni li jista' jkollha effett negattiv fuq l-ambjent u l-komunitajiet lokali u, f’każ li jinstabu ħatja ta’ ħsara għall-ambjent, jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom u joffru kumpens lill-partijiet milquta;
21. Jitlob lill-awtoritajiet Niġerjani jkomplu jaħdmu biex jipproteġu l-bijodiversità fil-pajjiż u jimmonitorjaw kontinwament ir-rispett tal-konvenzjonijiet internazzjonali u l-protokolli ffirmati, inkluża l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika tal-1992;
22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, il-gvern u l-parlament tan-Niġerja, ir-Rappreżentanti ta' ECOWAS u l-Unjoni Afrikana.