MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Maldive
27.4.2015 - (2015/2662(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Jean Lambert, Klaus Buchner f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0392/2015
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-UE dwar il-kundanna tal-ex-President tal-Maldive, Mohamed Nasheed, tal-14 ta' Marzu 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Zeid Ra'ad Al-Hussein dwar il-proċess tal-ex-President Mohamed Nasheed, tat-18 ta' Marzu 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-Indipendenza tal-Imħallfin u l-Avukati, Gabriela Knaul, li l-ebda demokrazija mhi possibbli mingħajr ġustizzja ekwa u indipendenti fil-Maldive, tad-19 ta' Marzu 2015,
– wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni tal-UE tal-Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet Parlamentari fir-Repubblika tal-Maldive, tat-22 ta' Marzu 2014,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-tensjoni politika qed jikber fil-Maldive bi protesti regolari, ġlied bejn id-dimostranti, il-gruppi vjolenti u l-pulizija, u mill-inqas 140 dimostrant arrestat minn Frar s'issa, li ħafna minnhom inħelsu b'kundizzjonijiet li jillimitaw severament id-drittijiet tagħhom li jieħdu sehem f'dimostrazzjonijiet oħra, skont Amnesty International;
B. billi fit-13 ta' Marzu 2015, l-ex-President Mohamed Nasheed u l-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Partit Demokratiku Maldivjan (PDM) ġie kkundannat għal 13-il sena ħabs fuq akkużi ta' "terroriżmu" għaliex kien ordna d-detenzjoni militari illegali tal-Prim Imħallef tal-Qorti Kriminali Abdullah Mohamed fl-2012;
C. billi l-ex-President Nasheed ġie inizjalment imħarrek skont it-Taqsima 81 tal-Kodiċi Penali tal-1968 u billi dawn l-akkużi ġew sussegwentement irtirati u fi Frar 2015 saru akkużi ġodda;
D. billi l-Imħallef Abdulla Mohamed ġie arrestat fl-2012, jum wara li kien ordna r-rilaxx tal-President attwali Yameen u l-mexxej tal-Partit Jumhooree, Qasim Ibrahim, li t-tnejn kienu tqiegħdu taħt taħt l-hekk imsejjaħ "island Arrest" mill-President ta' dak iż-żmien Nasheed;
E. billi l-ex-Ministru tad-Difiża Tholhath Ibrahim u Mohamed Nazim reċentement weħlu sentenza ta' 10 snin u 11-il sena ħabs rispettivament, filwaqt li l-ex-Deputat Speaker tal-Majlis Ahmed Nazim ġie kkundannat għal 25 snin ħabs; billi dawn il-proċessi kienu wkoll vizzjati b'irregolaritajiet gravi;
F. billi waqt il-protesti li segwew kontra l-priġunerija tas-Sur Nasheed, il-pulizija arbitrarjament arrestat numru ta' persuni u ġegħlithom jiffirmaw dokumenti biex jirrinunzjaw għal kwalunkwe parteċipazzjoni oħra fi protesti;
G. billi l-proċess kontra s-Sur Nasheed kien ikkaratterizzat minn diversi nuqqasijiet, bħal pereżempju l-fatt li tnejn mit-tliet imħallfin kienu fl-istess ħin xhieda għall-prosekuzzjoni, ix-xhieda tad-difiża kienu miżmuma milli jixhdu, il-proċedimenti ħadu biss tliet ġimgħat, il-konvenut kien allegatament maltrattat fiżikament u mkaxkar fl-awla tal-qorti bil-forza, għall-bidu ġie mċaħħad minn assistenza legali u aktar tard ingħata biss tlett ijiem sabiex iressaq appell u l-proċedimenti nżammu bogħod mill-għajn pubblika: osservaturi ma ngħatawx aċċess, il-proċedimenti kollha saru filgħaxija u s-sentenza finali ġiet imħabbra preċiżament qabel festa pubblika;
H. billi fl-24 ta' Marzu 2015 il-Gvern tal-Maldive ħabbar stedina lin-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth tan-Nazzjonijiet biex josservaw il-proċess ta' appell tas-Sur Nasheed;
I. billi l-qrati tal-Maldive rrifjutaw talbiet mill-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Maldive u l-osservaturi domestiċi u internazzjonali biex jimmonitorjaw il-proċedimenti tal-proċess;
J. billi l-ġudikatura tal-Maldive għadha mifnija bil-fdalijiet tat-dittatorjat ta' 30 sena tal-President Maumoon Abdul Gayoom, notevolment nuqqas ta' indipendenza politika u ta' livell ta' taħriġ, u billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati, Gabriela Knaul, ikkritikat is-sistema ġudizzjarja talli naqset milli tindirizza vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem jew li tirrikonoxxi kunflitti ta' interess;
K. billi l-Qorti Suprema tal-Maldive introduċiet proċedura kontra r-rapport riċenti tal-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Maldive lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti li tistipula li r-rapport jimmina l-indipendenza tal-ġudikatura u s-sovranità tal-Istat;
L. billi reċentement il-Ministeru tal-Intern xolja l-Assoċjazzjoni tal-Avukatura tal-Maldive, li twaqqfet fl-2013 u li kienet kritiku apert tal-ġudikatura u billi l-membri ta' organizzazzjonijiet kritiċi tas-soċjetà ċivili bħalma huma t-Trasparenza Maldive, li hija impenjata kontra l-korruzzjoni u favur gvern trasparenti, ġie rrappurtat li huma mhedda u fir-riskju li jingħalqu mill-gvern;
M. billi l-ewwel elezzjonijiet demokratiċi ħielsa u ġusti, li ntrebħu mis-Sur Nasheed fl-2008, ġabu magħhom tamiet kbar fil-livell nazzjonali u internazzjonali li setgħet tevolvi soċjetà tal-Maldive aktar inklużiva u bbażata fuq l-istat tad-dritt;
N. billi s-Sur Nasheed kien sfurzat jirreżenja fi Frar 2012 wara ġimgħat ta' protesti pubbliċi li tkebbsu wara li ordna l-arrest illegali tal-Prim Imħallef, li l-Gvern ta' Nasheed akkuża bi preġudizzju politiku u korruzzjoni;
O. billi s-Sur Nasheed kien rebaħ l-ewwel ċiklu tal-elezzjonijiet presidenzjali fl-2013, li madankollu ġew annullati mill-Qorti Kostituzzjonali fuq il-bażi ta' tbagħbis tal-voti allegat mill-oppożizzjoni u mitlufa b'marġini żgħir favur Abdulla Yameen Abdul Gayoom (Partit Progressiv tal-Maldive, PPM) fiċ-ċiklu finali li segwa, u Maumoon Abdul Gayoom u hu huma aħwa fardsieq;
P. billi fit-30 ta' Marzu 2015 il-Parlament adotta emenda fl-Att dwar il-Priġunerija u l-Libertà Kundizzjonata tal-Maldive li tiskwalifika li dawk li jkunu qed jiskontaw sentenza ta' ħabs milli jkollhom sħubija ta' kwalunkwe partit, li de facto jneħħi lis-Sur Nasheed, wieħed mill-aktar politiċi tal-oppożizzjoni voċiferi, mill-politika attiva u billi l-kundanna dwar it-terroriżmu tipprojbixxi lis-Sur Nasheed milli jikkontesta l-elezzjonijiet Presidenzjali fl-2018;
Q. billi l-Maldive huma wieħed mill-pajjiżi l-aktar vulnerabbli, jekk mhux l-aktar wieħed vulnerabbli, li qed jiffaċċjaw it-tibdil fil-klima, peress li l-parti l-kbira tal-pajjiż jinsab anqas minn metru taħt il-livell tal-baħar;
1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar iż-żieda fit-tendenzi lejn tmexxija awtoritarja fil-Maldive, it-trażżin ta' avversarji politiċi u l-intimidazzjoni tal-midja u s-soċjetà ċivili, li jisgħu jipperikolaw il-kisbiet li saru f'dawn l-aħħar snin biex jiġi stabbiliti d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-pajjiż;
2. Jiddispjaċih ħafna dwar is-sitwazzjoni politika polarizzata fil-Maldive u n-nuqqas kbir ta' indipendenza tal-ġudikatura li jwasslu għal abbuż tas-sistema legali għal skopijiet politiċi;
3. Iħeġġeġ lill-atturi kollha fil-Maldive biex jaħdmu flimkien b'mod kostruttiv fl-oqsma kollha, u speċjalment dwar is-suġġett tat-tibdil fil-klima li għandu l-potenzjal li jiddestabbilizza l-pajjiż;
4. Jikkritika bil-qawwa n-nuqqas ta' trasparenza, l-imparzjalità u proċedimenti pendenti fil-proċess kontra l-mexxej tal-oppożizzjoni Nasheed u ex-ministri, u jistieden lill-Gvern jiżgura li l-istat tad-dritt jiġi rrispettat u li l-ġudikatura tal-Maldive żżomm mal-Kostituzzjoni u l-Konvenzjonijiet tan-NU li magħhom hija marbuta;
5. Jistieden lill-awtoritajiet ġudizzjarji kkonċernati jiffaċilitaw il-preżentazzjoni ta' appell mill-ex-President Nasheed u jistieden lis-Sur Nasheed jeżawrixxi l-possibilitajiet legali kollha eżistenti; jinsisti li jekk il-kundanna tiegħu tiġi appellata, id-drittijiet tal-ex-President jeħtieġ li jiġu rrispettati għalkollox b'konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Maldive u mal-istandards internazzjonali; iħeġġeġ lid-delegazzjoni tal-UE għas-Sri Lanka u l-Maldive biex issegwi mill-qrib il-proċess tal-appell;
6. Jitlob li tintemm immedjatament il-vjolenza kontra d-dimostranti paċifiċi u jfakkar lill-forzi tas-sigurtà fid-dmir tagħhom li jipproteġu lid-dimostranti paċifiċi kontra gruppi vjolenti; jitlob li min iwettaq dan it-tip ta' attakk vjolenti jitressaq quddiem il-ġustizzja;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-VP / RGħ tal-Politika Komuni tal-Affarijiet Barranin, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u l-Parlament tal-Maldive.