Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0438/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0438/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-riforma tas-settur tal-vitikultura

7.5.2015

imressqa skont l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura

Dominique Bilde, Sophie Montel, Florian Philippot

B8‑0438/2015

Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-riforma tas-settur tal-vitikultura

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-industrija tal-inbid[1],

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 tad-29 ta' April 2008 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1493/1999, (KE) Nru 1782/2003, (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 3/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2392/86 u (KE) Nru 1493/1999[2],

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 491/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Regolament dwar OKS Unika)[3],

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 tal-Kunsill[4],

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi 'l fuq minn 160,000 ettaru ta' dwieli ġew maqlugħa bejn l-2009 u l-2011 fl-Ewropa, u billi s-superfiċje vitikola totali naqset bi 300,000 ettaru sa mill-2008;

B.     billi 40% tad-dwieli li nqalgħu fi Franza kienu klassifikati b'denominazzjoni ta' oriġini kkontrollata (DOK);

C.     billi l-Unjoni Ewropea qed titlef sehem fis-suq dinji tal-produzzjoni tal-inbejjed;

D.     billi s-sistema tad-drittijiet għat-taħwil tiggarantixxi produzzjoni ta' kwalità;

1.      Jitlob lill-Kummissjoni ma tikkunsidrax introduzzjoni mill-ġdid tal-miżura ta' qlugħ li ostakola l-iżvilupp tagħna għall-profitt tal-pajjiżi produtturi tal-inbejjed barra l-Unjoni;

2.      Iqis li l-liberalizzazzjoni tad-drittijiet għat-taħwil prevista fil-31 ta' Diċembru 2015 tista' twassal għal delokalizzazzjoni tad-dwieli;

3.      Jitlob li l-iskema Komunitarja tad-drittijiet għat-taħwil tiġi modifikata biex tippermetti ż-żamma tad-drittijiet lil hinn mill-2015, u li l-iskema ta' interdizzjoni tad-drittijiet għat-taħwil tiġi mġedda lil hinn mill-2018;

4.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri.