Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0452/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0452/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tifqigħa tal-Xylella fastidiosa, marda li qed tolqot is-siġar taż-żebbuġ

13.5.2015 - (2015/2652(RSP))

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8‑0117/2015
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Esther Herranz García, Albert Deß, Giovanni La Via, Barbara Matera, Dubravka Šuica, József Nagy, Daniel Buda, Marijana Petir, Nuno Melo, Peter Jahr, Michel Dantin, Sofia Ribeiro, Herbert Dorfmann, Ramón Luis Valcárcel Siso, Raffaele Fitto, Ivana Maletić, Andrej Plenković, Davor Ivo Stier, Lara Comi, Elisabetta Gardini, Vladimir Urutchev f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0451/2015

Proċedura : 2015/2652(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0452/2015
Testi mressqa :
B8-0452/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0452/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tifqigħa tal-Xylella fastidiosa, marda li qed tolqot is-siġar taż-żebbuġ

(2015/2652(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità[1],

–       wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ippubblikata tas-6 ta' Jannar 2015 dwar ir-riskji li l-Xylella fastidiosa tirrappreżenta għas-saħħa tal-pjanti fit-territorju tal-UE, flimkien mal-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni tal-għażliet għat-tnaqqis tar-riskju;

–       wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Frar u t-23 ta' Lulju 2014, u tat-28 ta' April 2015 fir-rigward ta' miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid tal-Xylella fastidiosa fl-Unjoni;

–       wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar it-tifqigħa tal-Xylella fastidiosa, marda li qed tolqot is-siġar taż-żebbuġ (O-000038/2015 – B8-0117/2015)

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-Xylella fastidiosa hija theddida immedjata u perikoluża immens għall-produzzjoni fin-Nofsinhar tal-Ewropa ta' ċerti għelejjel, inklużi s-siġar taż-żebbuġ, il-lewża u s-siġar tal-ħawħ, kif ukoll pjanti ornamentali, u theddida potenzjali għal għelejjel oħrajn, bħad-dwieli u s-siġar taċ-ċitru, u billi din tista' twassal għal telfiet devastanti u mingħajr preċedenti, b'konsegwenzi ekonomiċi, ambjentali u soċjali drammatiċi;

B.     billi l-batterju diġà qed jikkawża ħsara serja fl-imsaġar taż-żebbuġ fir-reġun ta' Pulja fin-Nofsinhar tal-Italja, u potenzjalment qed jhedded għelejjel u reġjuni oħrajn;

C.     billi l-produzzjoni taż-żebbuġ hija waħda mill-aktar setturi agrikoli importanti tar-reġjun ta' Pulja, u rrappreżentat 11.6% (jew EUR 522 miljun) tal-valur totali tal-produzzjoni agrikola fir-reġjun u 30 % tal-valur tal-produzzjoni Taljana taż-żebbuġ fl-2013;

D.     billi l-preżenza tal-Xylella fastidiosa qed tikkawża ħsara ekonomika serja, mhux biss għall-produtturi taż-żebbuġ iżda wkoll għall-katina ta' produzzjoni sħiħa (il-fabbriki taż-żejt, inklużi l-fabbriki kooperattivi u privati) u l-attivitajiet marbuta mat-tqegħid fis-suq u t-turiżmu;

E.     billi, fl-Italja, il-batterju attakka aktar minn miljun siġra taż-żebbuġ;

F.     billi l-ewwel aħbar ta' tifqigħa tal-Xylella fastidiosa ngħatat mill-awtoritajiet Taljani fil-21 ta' Ottubru 2013;

G.     billi l-ispezzjonijiet imwettqa fl-Italja f'Novembru 2014 mill-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju (FVO) tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, jikkonfermaw li s-sitwazzjoni marret għall-agħar b'mod drammatiku u li wieħed ma jistax jeskludi li l-batterju jkompli jinxtered;

H.     billi l-marda Xylella fastidiosa diġà għamlet ħerba f'żoni kbar ta' produzzjoni f'pajjiżi terzi, bħall-vinji f'California u l-imsaġar ta-ċitru fil-Brażil;

I.      billi bħalissa m'hemm disponibbli l-ebda trattament għall-kura tal-pjanti morda, u l-pjanti milquta għandhom it-tendenza li jibqgħu infettati tul ħajjithom jew imutu malajr;

J.      billi aktar minn 300 pjanta differenti tista' ġġorr il-marda fl-Unjoni Ewropea, inklużi pjanti slavaġġ asintomatiċi;

K.     billi l-qerda tal-pjanti ddikjarati infettati mhijiex biżżejjed biex jitwaqqaf it-tixrid tal-marda, u billi l-miżuri fitosanitarji jistgħu jittieħdu biss sabiex jiġu eliminati l-insetti li jġorru l-batterju tal-Xylella fastidiosa;

L.     billi patoġeni oħrajn, bħall-hekk imsejħa 'black spots' li nstabu fiċ-ċitru impurtat mill-Afrika t'Isfel, ukoll jirrappreżentaw riskji sinifikanti għall-produzzjoni tal-UE.

M.    billi, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel enfasizzat li, minħabba d-diffikultà biex jitwaqqaf it-tixrid tal-Xylella fastidiosa ladarba tintlaqat żona ta' produzzjoni, għandha tingħata prijorità lil azzjonijiet ta' prevenzjoni ffokati fuq l-importazzjonijiet;

1.      Jinnota li d-deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni li ttieħdu qabel April 2015 min-naħa tal-Kummissjoni ffokaw l-aktar fuq azzjonijiet interni biex tiġi miġġielda t-tifqigħa u ma inkludewx miżuri b'saħħithom biex jipprevjenu li l-marda tidħol fl-Unjoni Ewropea minn pajjiżi terzi;

2.      Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri b'saħħithom kontra l-Xylella fastidiosa u organiżmi perikolużi oħrajn bħall-'black spots' bil-għan li tipprevjeni l-importazzjoni ta' materjal infettat fl-UE; jilqa' d-deċiżjoni meħuda f'April 2015 min-naħa tal-Kummissjoni li twaqqaf l-importazzjoni ta' pjanti Coffea infettati mill-Costa Rica u l-Honduras, u jilqa' wkoll ir-restrizzjonijiet adottati fir-rigward tal-importazzjonijiet ta' pjanti li joriġinaw minn żoni milquta f'pajjiżi terzi oħrajn; jitlob l-applikazzjoni, jekk meħtieġa, ta' miżuri aktar b'saħħithom, inkluża l-awtorizzazzjoni ta' importazzjonijiet biss minn siti ta' produzzjoni ħielsa mill-pesti;

3.      Jiddispjaċih għall-fatt li, spiss, il-Kummissjoni ma tirreaġġixxix malajr biżżejjed biex tevita d-dħul fl-UE ta' mard tal-pjanti minn pajjiżi terzi; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Kummissjoni biex tivverifika s-sors tal-infezzjoni u twettaq rieżami tas-sistema uffiċjali tal-UE għall-kontroll fitosanitarju bil-għan li tħares u tissalvagwardja t-territorju tagħna;

4.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, speċjalment minħabba l-fatt li daqt jibda s-sajf, biex tieħu miżuri aktar effikaċi bil-għan li tevita t-tixrid tal-Xylella fastidiosa fl-UE, b'mod partikolari billi tiffoka fuq l-aktar għelejjel mhedda, filwaqt li ma tittraskurax għelejjel li wkoll jistgħu jintlaqtu b'mod serju mill-marda;

5.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi sforzi ta' riċerka intensifikata mingħajr dewmien, fosthom billi lill-istituti ta' riċerka tipprovdilhom il-fondi, bil-għan li ntejbu l-għarfien xjentifiku tagħna dwar il-Xylella fastidiosa u nidentifikaw b'mod pożittiv in-natura tar-rabta bejn il-patoġenu, is-sintomi u l-iżvilupp tal-marda;

6.      Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkompensaw lill-produtturi għall-miżuri ta' qerda u t-telf tad-dħul - li jinvolvi telfiet mhux biss f'dik li hi produzzjoni agrikola, iżda wkoll f'dawk li huma attivitajiet relatati mal-wirt kulturali, l-istorja u t-turiżmu;

7.      Jissuġġerixxi t-tnedija ta' kampanji ta' informazzjoni sabiex il-produtturi jiġu mħeġġa biex lill-awtoritajiet kompetenti javżawhom minnufih dwar il-preżenza, jew is-suspett ta' preżenza, tal-batterju; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika inċentivi għall-produtturi li jimplimentaw miżuri preventivi;

8.      Jappella għal aktar mezzi disponibbli biex tiġi żgurata d-detezzjoni ta' organiżmi li jagħmlu l-ħsara fil-punti ta' dħul fl-UE; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Istati Membri jżidu l-għadd ta' ispezzjonijiet regolari bil-għan li jipprevjenu t-tixrid tal-Xylella fastidiosa 'l barra miż-żoni demarkati;

9.      Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tipprovdi bażi tad-data miftuħa, flimkien ma' lista ta' istituzzjonijiet u awtoritajiet kompetenti fil-livell tal-UE u fil-livell tal-Istati Membri, għall-iskambju ta' informazzjoni u esperjenza, inklużi l-aħjar prattiki, kif ukoll għat-twissija rapida tal-awtoritajiet kompetenti u t-teħid ta' miżuri neċessarji;

10.    Jistieden lill-Kummissjoni biex, b'mod trasparenti, tfassal abbozz ta' linji gwida komprensivi għall-implimentazzjoni ta' miżuri preventivi u ta' kontroll tal-mard, flimkien ma' indikazzjonijiet ċari tal-kamp ta' applikazzjoni u t-tul ta' żmien tagħhom, abbażi tal-esperjenza eżistenti u l-aħjar prattiki, li jistgħu jintużaw bħala għodda min-naħa tal-awtoritajiet u s-servizzi kompetenti fl-Istati Membri;

11.    Jitlob lill-Kummissjoni tagħti rendikont annwali lill-Parlament dwar it-theddida tal-Xylella fastidiosa u organiżmi perikolużi oħrajn għall-produtturi tal-UE;

12.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.