Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0453/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0453/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-leave tal-maternità

13.5.2015 - (2015/2655(RSP))

imressqa wara l-mistoqsijijet għal tweġiba orali B8‑0119/2015 u B8‑0120/2015
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Maria Arena, Iratxe García Pérez f'isem il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi


Proċedura : 2015/2655(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0453/2015

B8‑0453/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-leave tal-maternità

(2015/2655(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8 u 294 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu[1] (id-Direttiva dwar il-Leave tal-Maternità),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva dwar il-Leave tal-Maternità (COM(2008)0637),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fl-20 ta' Ottubru 2010 bi ħsieb l-adozzjoni tad-Direttiva 2011/.../UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva dwar il-Leave tal-Maternità[2],

–  wara li kkunsidra id-dikjarazzjonijiet ripetuti tal-Parlament dwar dan is-suġġett, inkluża r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2015 dwar il-progress fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2013[3],

–  wara li kkunsidra l-Ftehim interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet[4] kif ukoll dak li għandu joħroġ dalwaqt dwar l-istess suġġett,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-leave tal-maternità (O-000049/2015 – B8‑0119/2015 u O-000050/2015 – B8‑0120/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-prinċipju ta’ trattament ugwali tan-nisa u tal-irġiel jimplika li ma jrid ikun hemm l-ebda diskriminazzjoni, diretta jew indiretta, inkluż abbażi tal-maternità, tal-paternità u tal-fatt li dak li jkun jerfa’ responsabbiltajiet familjari;

B.  billi l-istrateġija Ewropa 2020 għal ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklussiva tfisser miri ambizzjużi, bħal rata ta’ impjieg ta’ 75 % u tnaqqis tal-għadd ta’ persuni milquta jew mhedda mill-faqar u mill-esklużjoni soċjali b'tal-anqas 20 miljun sal-2020;

C.  billi hemm aktar nisa milli hemm irġiel li jbatu l-faqar u l-esklużjoni, speċjalment nisa ta' età akbar, li l-livell medju tal-pensjoni tagħhom huwa 39 % anqas min dak tal-irġiel, u ommijiet li jrabbu t-tfal waħedhom; billi x-xogħol part time u b'kuntratti għal żmien fiss jew temporanji huma aktar komuni fost in-nisa milli fost l-irġiel, u billi l-faqar tan-nisa huwa dovut, fil-parti l-kbira, għall-prekarjetà tal-impjiegi tagħhom;

D.  billi r-rata tat-twelid li qed tonqos fl-UE saret aktar gravi minħabba l-kriżi, peress li l-qgħad, iċ-ċirkostanzi prekarji, u l-inċertezza dwar il-futur u l-ekonomija qed ikollhom l-effett li l-koppji, u b’mod partikolari n-nisa żgħażagħ, qed jipposponu li jkollhom it-tfal, u b’hekk ikomplu jsaħħu t-tendenza, fl-UE kollha kemm hi, lejn it-tixjiħ tal-popolazzjoni;

E.  billi n-nisa fil-ġimgħa jqattgħu it-tripplu tal-ħin li jqattgħu l-irġiel fuq ħidma fid-dar (fost oħrajn f'li jieħdu ħsieb it-tfal, ix-xjuħ u l-persuni b'diżabilità, kif ukoll jagħmlu l-faċendi tad-dar); billi r-rata tal-qgħad tan-nisa tiġi stmata f'livell anqas minn dak reali tagħha, minħabba l-fatt li bosta nisa mhumiex irreġistrati bħala qiegħda, partikolarment dawk li jiddedikaw ruħhom eskulssivament biex jagħmlu l-faċendi tad-dar u jieħdu ħsieb it-tfal;

F.  billi, biex tintlaħaq l-ugwaljanza bejn is-sessi, huwa essenzjali li n-nisa u l-irġiel jaqsmu bejniethom ir-responsabbiltajiet għall-familja u d-dar; billi kwart tal-Istati Membri ma joffru l-ebda leave tal-paternità;

G.  billi l-Kunsill għadu ma rrispondiex uffiċjalment għall-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar il-proposta għal direttiva li temenda d-Direttiva dwar il-Leave tal-Maternità;

1.  Jiddeplora l-imblokk tan-negozjati fil-Kunsill rigward id-Direttiva dwar il-Leave tal-Maternità; iħeġġeġ lill-Istati Membri jissuktaw in-negozjati;

2.  Jiddeplora l-instabbiltà interistituzzjonali li tirriżulta mill-fatt li l-Kunsill naqas milli jaġixxi, peress li l-Parlament ikkonkluda l-ewwel qari tiegħu, mentri d-diskussjonijiet fil-Kunsill twaqqfu, biex b’hekk il-proċedura leġiżlattiva kollha sfat kompromessa;

3.  Itenni li lest itemm l-imblokk, u jitlob li l-Kummissjoni taqdi r-rwol tagħha ta’ 'intermedjarju onest' u taħdem b’mod kostruttiv mal-koleġiżlaturi bil-għan li tirrikonċilja l-pożizzjonijiet tal-Parlament u tal-Kunsill, filwaqt li tqis kif jixraq il-bilanċ bejn l-istituzzjonijiet u r-rwol mogħti lilha mit-Trattat;

4.  Jiddeplora l-fatt li r-reviżjoni proposta tad-direttiva tista' tiġi rtirata mill-Kummissjoni Ewropea bħala parti mill-eżerċizzju “REFIT”, u, jekk fl-aħħar mill-aħħar dan iseħħ, jitlob inizjattiva leġiżlattiva intiża biex tirrevedi d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE bħala alternattiva immedjata, li tibda taħt il-Presidenza Lussemburgiża tal-Kunsill, sabiex ittejjeb is-saħħa u s-sigurtà ta’ ħaddiema nisa tqal jew li jkunu welldu reċentement, jew li jkunu qed ireddgħu, u b’hekk tindirizza sfidi demografiċi filwaqt li wkoll tnaqqas l-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa;

5.  Itenni li lest ifassal abbozz ta’ direttiva separata li tistabbilixxi leave tal-paternità mħallas ta' tal-anqas għaxart ijiem tax-xogħol, u li tinkoraġġixxi miżuri, leġiżlattivi jew ta' xort’ oħra, li jippermettu lill-irġiel, u lill-missirijiet b'mod partikolari, jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jilħqu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

6.  Jistenna l-valutazzjoni finali tad-Direttiva 2010/18/UE dwar il-leave tal-ġenituri u, fid-dawl tal-istudji interim disponibbli, jitlob reviżjoni ta’ dik id-direttiva għaliex mhijiex tilħaq il-mira tagħha li tirrikonċilja l-ħajja privata u dik tax-xogħol bil-għan li jintlaħaq bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għaż-żewġ ġenituri, u b’mod speċjali għan-nisa, li jintlaqtu mid-diverġenzi bejn is-sessi rigward il-pagi, il-pensjonijiet u l-faqar;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.