MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-emerġenza tal-Xylella
13.5.2015 - (2015/0000(RSP))
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
José Bové f'isem il-Grupp Verts/ALE
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' April 2015 fir-rigward ta’ miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u l-firxa tal-Xylella fastidiosa ġewwa l-Unjoni,
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità[1],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/128/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi[2],
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-emerġenza tal-Xylella fastidiosa (O-000038 – B8-0117/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, f'opinjoni xjentifika reċenti dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-Xylella fastidiosa, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) uriet li hemm bosta elementi li jagħmlu l-qerda mhux prattika; billi l-EFSA stqarret, b’mod partikolari, li ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-għażla tal-qerda se tkun ta' suċċess ladarba l-marda tkun stabbilita f'żona u li għalhekk għandha tingħata prijorità lill-prevenzjoni tal-introduzzjoni tal-marda, filwaqt li għall-istrateġiji ta' trażżin, li ma jibqgħux possibbli meta l-marda tkun infirxet, l-effikaċja tvarja minn negliġibbli għal moderata;
B. billi fl-istess opinjoni l-EFSA ddikjarat li "l-użu intensiv tat-trattament tal-insettiċidi bil-għan li jillimita t-trażmissjoni tal-mard u li jikkontrolla l-vettur tal-insetti jista’ jkollu konsegwenzi diretti u indiretti għall-ambjent billi jimmodifika xbieki tal-ikel sħaħ b'konsegwenzi kumulattivi, u b’hekk jaffettwa diversi livelli trofiċi" u li "t-trattament b'insettiċidi fuq skala kbira jirrappreżenta wkoll riskji għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali";
C. billi ladarba d-dettalji kumplessi tal-infezzjoni u l-mekkaniżmi ta' trażmissjoni tal-patoloġija assoċjati mar-razza msemmija tal-Xylella fastidiosa għadhom mhumiex għal kollox magħrufin, il-prinċipju prekawzjonarju għandu japplika biex jittratta din it-tifqigħa, u l-aktar azzjonijiet distruttivi u irreversibbli għandhom ikunu l-aħħar tentattiv wara kaskata ta' miżuri progressivament inqas distruttivi;
D. billi r-reżiljenza għall-invażjoni u l-istabbiliment u l-firxa ta' pesti jiddependu fuq agro-ekosistemi bbilanċjati u bijoloġikament diversi b'ħamrija ħajja u b'saħħitha u speċji ta' benefiċċju li jservu biex jipproteġu l-għelejjel; billi, madankollu, pesti invażivi ġodda għal komunità ekoloġika jistgħu jimmultiplikaw u jinxterdu mingħajr ma jkunu kkontrollati;
E. billi l-użu mhux xieraq ta' pestiċidi jista' jfixkel l-istrateġiji ta' difiża naturali permezz tal-effetti tagħhom fuq speċji mhux fil-mira, inkluż il-mikrobi benefiċjali, u b'hekk l-agro-ekosistema ssir suxxettibbli għal attakki futuri;
1. Iqis li r-rispons tal-Unjoni jrid ikun mal-ewwel robust u ta' suċċess, mingħajr ma jitkissru l-għajxien rurali jew il-kapital naturali u l-produttività futura kemm tar-reġjuni affettwati kif ukoll ta' dawk potenzjalment affettwati.
2. Iqis li, minħabba d-diffikultà kbira u ċ-ċansijiet żgħar li tiġi kkontrollata l-firxa tal-marda malli dan ikun stabbilit, huwa ta’ importanza fundamentali li jkun hemm waqfien riġidu tal-moviment ta’ pjanti ospitanti u pjanti ospitanti potenzjali, minn reġjuni infettati, kemm barra kif ukoll ġewwa l-UE; iqis, għalhekk, li huwa essenzjali li jkun hemm kwarantina totali fuq materjal potenzjalment infettat li ġej minn żoni infettati, u li, għaldaqstant, għoti ta' derogi taħt kwalunkwe kundizzjoni li jkollha l-iċken riskju huwa irresponsabbli; iqis li b’referenza speċifika għall-Artikolu 4(6) u (7) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal deroga, il-batterji xorta jkunu preżenti fl-ambjent u peress li l-għarfien dwar it-trażmissjoni mhuwiex komplut, għandu għalhekk jittieħed approċċ ta’ prekawzjoni u m’għandhiex tkun possibbli deroga dwar id-definizzjoni ta’ żoni; b’referenza speċifika għall-Artikolu 17, iqis li kwalunkwe introduzzjoni ta’ pjanti ospitanti potenzjali fl-UE minn pajjiżi terzi fejn il-marda huwa magħruf li hija preżenti hija wisq riskjuża, speċjalment minħabba l-possibbiltà ta’ sistemi ta’ kontroll mhux affidabbli jew li ma jiffunzjonawx sew fuq iż-żewġ naħat;
3. Iqis li apparti l-projbizzjoni tal-importazzjonijiet ta’ materjal tal-pjanti minn pajjiżi infettati mir-razez tal-Xylella fastidiosa (l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Messiku, il-Kosta Rika, eċċ.), il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u taġġorna regolarment lista ta’ pajjiżi terzi meqjusa bħala riskjużi;
4. Jitlob għal aktar sorveljanza u kontrolli ta’ materjal tal-pjanti li ġejjin minn pajjiżi b'żoni jew li jmissu ma' żoni milquta minn din il-marda;
5. Iqis li fit-test tal-Kummissjoni, il-kunċett ta’ protezzjoni fiżika ta’ żoni ta' propagazzjoni maħsuba biex ikunu ħielsa mill-marda għandhom jiġu speċifikati, u għandhom jinkludu l-istabbiliment ta’ serer b’żewġ saffi ta’ siġilli ermetiċi, sabiex jippermettu pjanti ħielsa mill-marda biex jikbru f’iżolament totali mill-ambjent tal-madwar u biex jitħejja t-taħwil mill-ġdid ta’ żoni li ġew infettati u sussegwentement meħlusa mill-marda;
6. Jenfasizza l-ħtieġa li jsiru kampanji ta’ tagħrif f’żoni potenzjalment affettwati tal-UE, speċifikament fil-baċir tal-Mediterran, fejn il-produzzjoni ta’ żebbuġ u uċuħ oħra li huma l-ospitanti potenzjali hija vitali biex issostni l-għajxien, sabiex jissensibilizzaw lil dawk involuti mhux biss fis-settur agrikolu imma wkoll fis-settur tal-ortikultura, inkluż il-bejjiegħa bl-imnut ta’ pjanti ornamentali, ġardinara professjonali u l-klijenti tagħhom;
7. Jinsisti fuq kumpens adegwat għat-telf ta’ siġar u l-għajxien/dħul fil-każ li jinqerdu s-siġar taż-żebbuġ u ospitanti potenzjali oħra, u, b’mod partikolari, li r-riżerva tal-kriżi għandha tintuża biex tiffinanzja l-kontribuzzjoni tal-UE għal dan;
8. Iwissi li din il-kriżi fitosanitarja m’għandhiex titħalla ssir katalist għar-ristrutturar tal-irziezet u l-eliminazzjoni ta’ azjendi agrikoli żgħar f’reġjuni milquta; jinsisti wkoll li l-art fejn jinsabu siġar infettati għandha tibqa' art agrikola, u m’għandhomx jiġu kklassifikati mill-ġdid għal użi oħra bħat-turiżmu jew il-kostruzzjoni;
9. Jinsisti li għandha tingħata għajnuna lill-bdiewa sabiex jerġgħu jiġu kkostitwiti l-ħażniet ta’ siġar taż-żebbuġ u għelejjel oħra milquta, u li din għandha tkopri wkoll ir-riabilitazzjoni tal-ekosistemi agrikoli, fosthom il-ħamrija, kif ukoll li tistabbilixxi diversità bijoloġika robusta u, speċjalment, tiżgura d-diversità ġenetika tal-istokk għat-tħawwil li idealment tinkludi r-reżistenza jew it-tolleranza għall-marda; iqis li wieħed mill-objettivi ta’ kwalunkwe għajnuna mogħtija għandu jkun li jiġu żgurati agroekosistemi bbilanċjati u bijoloġikament varjati u pajsaġġi li jkunu kapaċi jirkupraw iktar malajr minn attakki futuri;
10. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi, skont il-miżuri ta’ qerda (l-Artikolu 6 tad-deċiżjoni ta' implimentazzjoni), il-prinċipju ta’ kaskata ta’ miżuri ta’ kontroll sabiex l-aktar miżuri devastanti u irreversibbli jitwettqu bħala għażliet aħħarija; wara l-miżuri stretti ta’ kwarantina li jwaqqfu l-moviment ta’ materjal tal-pjanti minn żoni infettati, il-miżuri li ġejjin iridu jiġu applikati progressivament skont il-pass li jkun imiss:
- miżuri mhux invażivi u mhux distruttivi, inklużi ż-żabra u l-ħruq selettivi ta’ fergħat morda u metodi fiżiċi oħra;
- użu ta’ prodotti xierqa għall-ħarsien tal-pjanti approvati għall-produzzjoni organika elenkati fl-Anness II tar-Regolament 889/2008;
- użu ta’ ġestjoni integrata tal-pesti;
- l-applikazzjoni ta' preċiżjoni kkontrollata ta’ pestiċidi fuq siġar affettwati, jiġifieri l-ebda użu profilattiku jew komprensiv u l-ebda ffukar fuq klassijiet tassonomiċi sħaħ ta’ insetti, iżda biss bl-użu ta’ sustanzi li ġew ippruvati li huma effettivi u xierqa u approvati għall-użu fl-UE, billi jintużaw l-ewwel is-sustanzi l-inqas distruttivi; Wieħed għandu jżomm speċifikament f’moħħu l-konklużjonijiet tal-EFSA dwar ir-riskji u l-effettività limitata tal-użu tal-insettiċidi; jekk jintużaw, dawn il-miżuri għandhom jiġu appoġġjati b’riabilitazzjoni tal-agroekosistema, inkluża l-ħamrija;
- it-tqaċċit tal-pjanti għandu jsir biss bħala l-aħħar għażla;
11. Jitlob għal aktar fondi għar-riċerka, inkluż taħt il-programm Orizzont 2020, biex jindirizza d-dettalji pendenti tal-patoloġija, speċjalment għar-riċerka parteċipattiva u t-tkabbir ta’ varjetajiet tolleranti jew reżistenti ta’ għelejjel permanenti affettwati; iqis, għalhekk, li din ir-riċerka għandha tkopri wkoll id-definizzjoni tal-ospitanti u l-ospitanti potenzjali kollha, tal-vetturi tal-insetti u metodi oħrajn ta’ trażmissjoni, u, l-aktar importanti, alternattivi għall-aktar metodi ta’ kontroll u qerda distruttivi u irreversibbli, kif ukoll strateġiji ta’ prevenzjoni u suxxettibilità għall-attakki;
12. Jistieden lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet biex jikkunsidraw, fl-istrateġiji ta’ trażżin tagħhom, ir-riskju li jirriżulta mill-kummerċ ta' pjanti ornamentali li huma ospitanti potenzjali barra mill-baċin tal-Mediterran, u b’mod speċifiku r-rwol potenzjali tagħhom bħala għajn tal-mard jew rotta ta' (ri-)infezzjoni;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.