MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tifqigħa tal-Xylella fastidiosa, marda li qed tolqot is-siġar taż-żebbuġ
13.5.2015 - (2015/2652(RSP))
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Paolo De Castro, Isabelle Thomas, Eric Andrieu, Clara Eugenia Aguilera García, Viorica Dăncilă, Marlene Mizzi, Victor Negrescu f'isem il-grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0451/2015
B8‑0457
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tifqigħa tal-Xylella fastidiosa, marda li qed tolqot is-siġar taż-żebbuġ
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità[1],
– wara li kkunsidra l-Opinjoni Xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) dwar ir-riskji għs-saħħa tal-pjanti tal-Xylella fastidiosa fit-territorju tal-UE, flimkien mal-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni tal-possibilitajiet għat-tnaqqis tar-riskju, pubblikata fis-6 ta’ Jannar 2015,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-2015 fir-rigward ta' miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid tal-Xylella fastidiosa fl-Unjoni,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar it-tifqigħa tal-Xylella fastidiosa, marda li qed tolqot is-siġar taż-żebbuġ (O-000038/2015 – B8-0117/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Xylella fastidiosa hija theddida immedjata u perikoluża immens għall-produzzjoni fin-Nofsinhar tal-Ewropa ta' ċerti għelejjel, inklużi s-siġar taż-żebbuġ, tal-lewż u tal-ħawħ, kif ukoll pjanti ornamentali, u t-theddida potenzjali għad-dwieli, is-siġar taċ-ċitru u għelejjel oħra, u billi din tista' twassal għal telf devastanti u mingħajr preċedent, b'konsegwenzi ekonomiċi, ambjentali u soċjali drammatiċi;
B. billi l-batterju diġà qed jikkawża ħsara serja fl-imsaġar taż-żebbuġ fir-reġun tal-Pulja fin-Nofsinhar tal-Italja, u potenzjalment qed jhedded għelejjel u reġjuni oħrajn;
C. billi l-produzzjoni taż-żebbuġ hija waħda mill-aktar setturi agrikoli importanti tar-reġjun tal-Pulja, u tirrappreżenta 11.6 % (jew EUR 522 miljun) tal-valur totali tal-produzzjoni agrikola fir-reġjun u 30 % tal-valur tal-produzzjoni Taljana taż-żebbuġ fl-2013;
D. billi l-preżenza tal-Xylella fastidiosa qed tikkawża ħsara ekonomika serja ħafna, mhux biss għall-produtturi taż-żebbuġ iżda wkoll għall-katina ta' produzzjoni sħiħa, inklużi impriżi li jipproduċu ż-żejt kemm kooperattivi u kif ukoll privati, u l-attivitajiet marbuta mat-tqegħid fis-suq;
E. billi l-ewwel aħbar ta' tifqigħa tal-Xylella fastidiosa ngħatat mill-awtoritajiet Taljani fil-21 ta' Ottubru 2013;
F. billi l-ispezzjonijiet imwettqa fl-Italja f'Novembru 2014 mill-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju (FVO) tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari jikkonfermaw li s-sitwazzjoni marret għall-agħar b'mod drammatiku u li wieħed ma jistax jeskludi li l-batterju jkompli jinxtered;
G. billi l-marda Xylella diġà għamlet ħerba f'żoni kbar ta' produzzjoni f'pajjiżi terzi, bħad-dwieli f'California u l-imsaġar taċ-ċitru fil-Brażil, u hija preżenti fil-parti l-kbira tal-Istati Uniti u l-Amerika Latina;
H. billi bħalissa m'hemm disponibbli l-ebda trattament għall-kura tal-pjanti morda, u billi l-pjanti milquta għandhom it-tendenza li jibqgħu infettati tul ħajjithom jew li jmutu malajr;
I. billi pjanti differenti jistgħu jġorru l-marda fl-Unjoni Ewropea, inklużi pjanti selvaġġi asintomatiċi;
J. billi l-qerda tal-produzzjoni milquta ma tkunx biżżejjed biex jitwaqqaf it-tixrid tal-marda, u billi l-miżuri fitosanitarji jistgħu wkoll jittieħdu sabiex jiġu eliminati l-insetti li jġorru l-batterju tal-Xylella; billi, madankollu, ġie espress tħassib dwar l-użu mifrux tal-pestiċidi;
K. billi l-EFSA ssottolinjat il-fatt li ma hemm l-ebda indikazzjoni li deċiżjoni favur il-qerda se jkun ta' suċċess ladarba tiġi stabbilita l-marda f'żona partikolari; billi azzjoni ta' prevenzjoni, iffokata fuq importazzjonijiet, għandha tingħata prijorità flimkien mat-tisħiħ tal-iskambju tar-riċerka;
1. Jenfasizza l-ħtieġa ta' appoġġ fil-livell tal-UE għall-implimentazzjoni ta' miżuri meħuda mill-Kummissjoni, bi qbil mal-Istati Membri kollha u f'konformità mal-liġi tal-UE;
2. Jinnota l-proposta mill-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti tat-28 ta' April 2015 għal deċiżjoni ta' implimentazzjoni fir-rigward ta' miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fi ħdan l-Unjoni tal-Xylella fastidiosa;
3. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni mhux dejjem tirreaġixxi malajr biżżejjed biex tipprevjeni d-dħul fl-UE ta' mard tal-pjanti minn pajjiżi terzi peress li s-sistema ta' kontroll tal-importazzjoni, kif stabbilita skont id-Direttiva 2000/29/KE hija strettament ibbażata fuq approċċ reattiv, li ma jipprovdix biżżejjed protezzjoni kontra pesti tal-pjanti bħall-Xylella; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Kummissjoni biex tivverifika s-sors tal-infezzjoni u twettaq rieżami tas-sistema fitosanitarja uffiċjali tal-importazzjonijiet tal-UE bil-għan li tħares u tissalvagwardja t-territorju tal-UE;
4. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jerġgħu jattivaw diskussjonijiet dwar ir-reviżjoni tas-sistema ta' kontroll fitosanitarju uffiċjali tal-UE sabiex jipproteġu u jissalvagwardjaw it-territorju tal-UE; iqis li r-rieżami tal-ġestjoni tar-rsikju fitosanitarju fil-livell tal-UE hija l-kwistjoni ewlenija li għandha tiġi inkluża fid-diskussjonijiet, filwaqt li jiġi evitat impatt negattiv fuq l-iskambji kummerċjali globali;
5. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, speċjalment minħabba l-fatt li dalwaqt jidħol is-sajf, biex tieħu miżuri aktar effettivi bil-għan li tevita t-tixrid tal-Xylella fl-UE, billi tinforza u timmonitorja d-dispożizzjonijiet tal-Artiklu 9 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni, b'mod partikolari billi tiffoka fuq l-aktar għelejjel fir-riskju, filwaqt li ma tittraskurax għelejjel oħra li wkoll jistgħu jintlaqtu b'mod serju mill-marda;
6. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex janalizzaw l-aħjar mezz biex il-produtturi jiġu kkumpensati għall-qerda tal-għelejjel tagħhom – li jinvolvi telf mhux biss f'termini ta' produzzjoni agrikola futura iżda wkoll wirt kulturali u storiku – fejn azzjoni bħal din hija neċessarja għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-Xylella;
7. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet rilevanti biex jagħmlu użu mill-fondi u l-istrumenti kollha possibbli biex jgħinu fl-irkupru ekonomiku taż-żoni milquta;
8. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tattiva l-istabbiliment obbligatorju tal-passaport fitosanitarju tas-siġra taż-żebbuġ (Olea europaea) u biex tistabbilixxi lista ta' pajjiżi u prodotti pożittivi li jistgħu jkunu kapaċi juru s-sikurezza fuq livell fitosanitarju;
9. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha meħtieġa kontra l-importazzjoni ta' pjanti affettwati mill-Xylella billi jikkontrollaw l-importazzjonijiet lejn l-UE u sabiex tiġi żgurata t-traċċabilità ta' pjanti suxxettibbli li huma importati;
10. Iqis li projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet tal-Coffea għat-tħawwil, iżda mhux żerriegħa, li joriġinaw mill-Kosta Rika u l-Ħonduras hija meħtieġa fid-dawl tar-riskji fitosanitarji għoljin għall-agrikoltura Ewropea;
11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi sforzi ta' riċerka intensifikati mingħajr dewmien, inkluż permezz ta' aktar networking internazzjonali u billi jkun hemm fondi disponibbli għall-istituti ta' riċerka, biex jiżdied l-għarfien xjentifiku tal-Xylella u biex b'mod pożittiv jiġu identifikati patoġeni u vetturi li jikkawżaw it-tixrid tal-marda;
12. Jissuġġerixxi t-tnedija ta' kampanji ta' informazzjoni sabiex il-produtturi u x-xerrejja ta' pjanti jiġu mħeġġa jallarmaw lill-awtoritajiet kompetenti minnufih dwar il-preżenza – jew is-suspett ta' preżenza – tal-batterju; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika inċentivi għall-produtturi li jimplimentaw miżuri preventivi;
13. Iqis li, speċjalment fid-dawl tal-fatt li dalwaqt jidħol is-sajf, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iwissu lill-vjaġġaturi dwar ir-riskji tal-introduzzjoni ta' pjanti infettati minn pajjiżi milquta mill-Xylella fl-UE;
14. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżidu l-għadd ta' ispezzjonijiet regolari biex jipprevjenu t-tixrid tal-marda 'l barra miż-żoni demarkati;
15. Jitlob lill-Kummissjoni tirraporta lill-Parlament kull sena, jew fi kwalunkwe mument jekk is-sitwazzjoni tevolvi, dwar it-theddida lill-produtturi tal-UE mill-Xylella u organiżmi oħra li huma ta' periklu għall-produzzjoni agrikola;
16. Jistieden lill-Kunsill biex jippreżenta lill-Parlament verżjoni emendata tal-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti sabiex tiġi introdotta sistema ta' prevenzjoni għall-kontrolli tal-importazzjoni, simili għas-sistema li diġà teżisti għall-annimali, abbażi ta' valutazzjoni preliminari tar-riskju qabel l-awtorizzazzjoni għall-importazzjoni fl-UE;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.