MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-emerġenza tal-Xylella
13.5.2015 - (2015/2652(RSP))
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta’ Proċedura
Ivan Jakovčić f’isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0451/2015
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija orali lill-Kummissjoni tas-27 ta’ April 2015 dwar l-emerġenza tal-Xylella fastidiosa (O-000038/2015 – B8-0117/2015),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2002/89/KE tat-28 ta’ Novembru 2002 li temenda d-Direttiva 2000/29/KE dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni fil-Komunità ta’ organiżmi perikolużi għall-pjanti jew prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom fil-Komunità[1],
– wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) dwar ir-riskji għas-saħħa tal-pjanti tal-Xylella fastidiosa fit-territorju tal-UE, flimkien mal-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni tal-għażliet għat-tnaqqis tar-riskju, pubblikata fis-6 ta’ Jannar 2015;
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Frar 2014[2], tat-23 ta’ Lulju 2014[3] u tal-2015 fir-rigward ta’ miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid tal-Xylella fastidiosa fl-Unjoni,– wara li kkunsidra l-Pjan tal-Kummissarju Silletti dwar l-emerġenza tal-Xylella, ippubblikat fis-16 ta’ Marzu 2015,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/128/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi[4],
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-Xylella hija theddida immedjata u perikoluża immens għall-produzzjoni ta’ ċerti għelejjel, inklużi s-siġar taż-żebbuġ, tal-lewż u tal-ħawħ, kif ukoll għall-pjanti ornamentali, u theddida potenzjali għal għelejjel oħrajn, bħad-dwieli u s-siġar taċ-ċitru, u billi din tista’ twassal għal telfiet devastanti, b’konsegwenzi ekonomiċi, ambjentali u soċjali sinifikanti;
B. billi l-patoġenu ikkawża qerda kbira ta’ siġar taż-żebbuġ fin-nofsinhar tal-provinċja ta’ Lecce, fl-Italja, u diġà qed jikkawża danni serji għall-imsaġar taż-żebbuġ f’partijiet oħra tar-reġjun tal-Pulja, u potenzjalment jhedded uċuħ u reġjuni oħra;
C. billi l-produzzjoni taż-żebbuġ hija waħda mill-aktar setturi agrikoli importanti tar-reġjun tal-Pulja, u tirrappreżenta 11.6 % (jew EUR 522 miljun) tal-valur totali tal-produzzjoni agrikola fir-reġjun u 30 % tal-valur tal-produzzjoni Taljana taż-żebbuġ fl-2013;
D. billi l-preżenza tal-Xylella fastidiosa qed tikkawża ħsara ekonomika serja, mhux biss għall-produtturi taż-żebbuġ iżda wkoll għall-katina ta’ produzzjoni sħiħa (fabbriki taż-żejt kooperattivi u privati) u l-attivitajiet marbuta mat-tqegħid fis-suq;
E. billi, fl-Italja, il-batterju attakka aktar minn miljun siġra taż-żebbuġ;
F. billi l-ewwel aħbar ta’ tifqigħa tal-Xylella fastidiosa ngħatat mill-awtoritajiet Taljani fil-21 ta’ Ottubru 2013;
G. billi l-ispezzjonijiet imwettqa fl-Italja f’Novembru 2014 mill-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju (FVO) tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, jikkonfermaw li s-sitwazzjoni marret għall-agħar b’mod drammatiku u li wieħed ma jistax jeskludi li l-batterju jkompli jinxtered;
H. billi l-marda tal-Xylella diġà għamlet ħerba f’żoni kbar ta’ produzzjoni f’pajjiżi terzi, bħad-dwieli f’California u l-imsaġar taċ-ċitru fil-Brażil;
I. billi bħalissa m’hemm disponibbli l-ebda trattament għall-kura tal-pjanti morda, u l-pjanti milquta għandhom it-tendenza li jibqgħu infettati tul ħajjithom jew imutu malajr;
J. billi aktar minn 300 pjanta differenti tista’ ġġorr il-marda fl-Unjoni Ewropea, inklużi pjanti slavaġ asintomatiċi;
K. billi l-qerda tal-pjanti ddikjarati infettati mhijiex biżżejjed biex jitwaqqaf it-tixrid tal-marda, u billi l-miżuri fitosanitarji jistgħu jittieħdu biss sabiex jiġu eliminati l-insetti li jġorru l-vetturi tal-Xylella fastidiosa;
L. billi l-EFSA issottolinjat li, minħabba d-diffikultà biex jitwaqqaf it-tixrid tal-Xylella ladarba hija taffettwa żona ta’ produzzjoni, azzjonijiet ta’ prevenzjoni ibbażati fuq ir-riskju u mmirati lejn il-patoġenu u ffukati fuq importazzjonijiet ta’ pjanti ospitanti għandhom ikunu parti integrali tal-istrateġija biex jitwaqqaf it-tixrid tal-batterju;
1. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ appoġġ qawwi fil-livell tal-UE għall-miżuri meħuda mill-Kummissjoni, bi qbil mal-Istati Membri kollha u f’konformità mal-liġi tal-UE;
2. Iqis li l-Kummissjoni għandha tiżgura li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-2015 qiegħda tiġi implimentata b’mod konsistenti fl-Istati Membri kollha affettwati sabiex titrażżan l-imxija tal-patoġenu; jirrimarka li l-Kummissjoni għandha tiffaċilita dawn l-isforzi meta jkun meħtieġ u toffri pariri esperti lill-Istati Membri kkonċernati;
3. Jirrimarka li l-effettività ta’ miżuri ta’ kontroll ta’ kontaminazzjoni jvarjaw minn negliġibbli għal moderati hekk kif il-marda hija mifruxa sew, skont studju tal-EFSA; isostni, f’dan ir-rigward, li miżuri ta’ qerda, bħala l-aħħar għażla, u l-użu fuq skala kbira ta’ pestiċidi għandhom jiġu implimentati b’attenzjoni minħabba l-effetti sekondarji tagħhom u r-riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali; iqis, f’dan il-kuntest, li valutazzjoni tal-impatt dwar l-implikazzjonijiet ekonomiċi u fuq is-saħħa tal-miżuri ta’ eradikazzjoni disponibbli kollha hija meħtieġa b’mod urġenti kif ukoll skambju tal-aħjar prattiki agrikoli għat-trattament tal-Xylella fastidiosa u patoġeni simili;
4. Jistieden lill-Kummissjoni biex tfittex u tidentifika s-sors tal-infezzjoni;
5. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, speċjalment minħabba l-fatt li daqt jibda s-sajf, biex tieħu miżuri aktar effettivi bil-għan li tevita t-tixrid tal-Xylella fl-UE, b’mod partikolari billi tiffoka fuq l-aktar għelejjel mhedda, filwaqt li ma tittraskurax għelejjel oħra li wkoll jistgħu jintlaqtu b’mod serju mill-marda;
6. Jemmen li l-importazzjonijiet ta’ pjanti suxxettibbli li jospitaw il-patoġenu ġewwa l-UE għandhom jgħaddu minn kontrolli speċifiċi mfasslin sabiex jikxfu l-preżenza tal-batterju jew ikunu limitati għall-pjanti li joriġinaw minn siti ta’ produzzjoni ħielsa minn organiżmi li huma sorveljati u kkontrollati; jistieden lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, biex tipproponi miżuri konkreti mmirati lejn is-simplifikazzjoni tal-kontrolli fuq l-importazzjonijiet ta’ dawn il-pjanti li jimmiraw speċifikament il-Xylella fastidiosa u biex jiżguraw li kwalunkwe piż amministrattiv addizzjonali fuq l-awtoritajiet u l-produtturi jkun limitat;
7. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi mingħajr dewmien sforzi ta’ riċerka intensifikati, inkluż billi jkun hemm fondi disponibbli għall-istituzzjonijiet ta’ riċerka, sabiex jittejjeb l-għarfien xjentifiku tal-Xylella fastidiosa u biex b’mod pożittiv jiġi identifikat il-patoġenu li qed jikkawża l-mewt tas-siġar taż-żebbuġ;
8. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex janalizzaw l-aħjar mezz ta’ tnedija ta’ rkupru ekonomiku u ambjentali fiż-żoni milquta, li ġarrbu telf mhux biss f’termini ta’ produzzjoni agrikola, iżda wkoll ta’ wirt kulturali u storiku;
9. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżidu l-għadd ta’ ispezzjonijiet regolari biex jipprevjenu t-tixrid tal-marda ‘l barra miż-żoni demarkati;
10. Jitlob lill-Kummissjoni tagħti rendikont annwali lill-Parlament dwar it-theddida tal-Xylella fastidiosa u organiżmi perikolużi oħrajn għall-produtturi tal-UE;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.