Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0493/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0493/2015

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-projbizzjoni tal-importazzjoni tal-pil ta' angora u l-ġlud tal-fenek miċ-Ċina

    15.5.2015

    imressqa skont l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura

    Sophie MONTEL, Dominique BILDE, Mireille d'ORNANO, Florian PHILIPPOT

    B8-0493/2015

    Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-projbizzjoni tal-importazzjoni tal-pil ta' angora u l-ġlud tal-fenek miċ-Ċina

    Il-Parlament Ewropew,

    –       wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar il-ħarsien ta’ annimali miżmuma għal skopijiet ta’ biedja,

    –        wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2012 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-protezzjoni u l-benessri tal-Annimali 2012-2015,

    –       wara li kkunsidra l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.     billi l-volum tal-importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea tal-pil ta' angora u l-ġlud tal-fenek miċ-Ċina qiegħed dejjem jiżdied;

    B.     billi l-istandards Ċiniżi dwar it-trobbija tal-annimali għall-pil tagħhom ma jikkorrispondux għall-istandards Ewropej, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-benessri tal-annimali u l-ambjent;

    C.     ifakkar fil-fatt li ħafna assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-annimali kkundannaw il-kundizzjonijiet tal-biża’ tat-trobbija tal-fniek fiċ-Ċina (bħal pereżempju, fniek ta' angora li jitqaxxru ħajjin bl-iskop uniku li jiġi ffrankat il-ħin b'paragun tal-qtugħ jew it-tqaxxir tal-pil);

    D.     ifakkar li, minħabba l-pressjoni mill-konsumaturi, ħafna ditti tal-moda fis-settur tal-ilbies lest għażlu li ma jkomplux jużaw il-pil tal-fenek miċ-Ċina;

    1.      Jitlob il-projbizzjoni tal-importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea ta' pil ta' angora u ġlud tal-fenek miċ-Ċina;

    2.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-ismijiet tal-firmatarji, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri.