Proċedura : 2015/2700(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0532/2015

Testi mressqa :

B8-0532/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/06/2015 - 8.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0227

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 149kWORD 89k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0532/2015
3.6.2015
PE558.903v01-00
 
B8-0532/2015

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija (2015/2700(RSP))


Sophia in ‘t Veld, Louis Michel, Cecilia Wikström, Filiz Hyusmenova, Gérard Deprez, Jean-Marie Cavada, Ramon Tremosa i Balcells, Marielle de Sarnez, f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija (2015/2700(RSP))  
B8‑0532/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari t-tieni inċiż u mir-raba' sas-seba' inċiż tiegħu,

–       wara li kkunsidra b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3(3), it-tieni inċiż, l-Artikoli 6 u 7 tat-TUE, kif ukoll l-Artikoli tat-TUE u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) relatati mar-rispett, il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE,

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Diċembru 2000, ipproklamata fit-12 ta' Diċembru 2007 fi Strasburgu u li daħlet fis-seħħ mat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-konvenzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, ir-riżoluzzjonijiet u r-rapporti tal-Assemblea Parlamentari, il-Kumitat tal-Ministri, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kummissjoni ta' Venezja u korpi oħra ta' monitoraġġ tal-Kunsill tal-Ewropa,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali: standards u prattiki fl-Ungerija (skont ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2012)(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2012)(2),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt" (COM(2014)0158),

–       wara li kkunsidra r-rapport tas-16 ta' Diċembru 2014 mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa wara ż-żjara tiegħu l-Ungerija bejn l-1 u l-4 ta' Lulju 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2014 sabiex jiżguraw ir-rispett tal-istat tad-dritt,

–       wara li kkunsidra s-sessjoni ta' smigħ dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ungerija li saret fit-22 ta' Jannar 2015 mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mressqa waqt is-sessjoni plenarja li saret fil-Parlament Ewropew fil-11 ta' Frar 2015 dwar qafas tal-UE għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali,

–       wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet wara d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-30 ta' April 2015 dwar l-effetti possibbli, inkluż dwar id-drittijiet u l-istatus tagħha bħala membru tal-Unjoni Ewropea, jekk Stat Membru jiddeċiedi li jintroduċi l-piena tal-mewt, li saret fis-7 ta' Mejju 2015 mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mressqa fis-sessjoni plenarju li saret fil-Parlament Ewropew fid-19 ta' Mejju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija,

–       wara li kkunsidra l-Artkolu 123(2) tar-Regoli ta' proċedura tiegħu,

A.     billi l-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, u billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn il-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel huma prevalenti (Artikolu 2 tat-TUE);

B.     billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq kull element bħas-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali;

C.     billi, kif speċifikat fl-Artikolu 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea "ħadd ma għandu jiġi kkundannat għall-piena kapitali, jew titneħħielu ħajtu";

D.     billi d-dritt għall-asil huwa ggarantit bir-rispett dovut tar-regoli tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 u tal-Protokoll tagħha tal-31 ta' Jannar 1967 dwar l-istatus tar-refuġjati u f'konformità mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

E.     billi interferenzi reċenti mill-Gvern Ungeriż, u b'mod partikolari matul l-aħħar 12-il xahar, wasslu għal deterjorament serju fis-sitwazzjoni fir-rigward tal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, il-ġlieda kontra l-intolleranza u d-diskriminazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem tal-immigranti, l-applikanti għall-asil u r-refuġjati, il-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, il-libertà tal-edukazzjoni u r-riċerka akkademika, it-trattament ugwali tar-reliġjon u t-twemmin, ir-restrizzjonijiet u l-ostakli tal-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, id-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, inklużi r-Roma u l-LGBTI, l-indipendenza tal-ġudikatura u ħafna allegazzjonijiet preokkupanti ta' korruzzjoni li timmina l-istat tad-dritt;

F.     billi fl-24 ta' April 2015, il-Gvern Ungeriż ħabbar it-tnedija ta' konsultazzjoni nazzjonali dwar l-immigrazzjoni, fejn ippubblika kwestjonarju ta' 12-il punt li kellhom jiġu indirizzati lil kull ċittadin Ungeriż ta' 'l fuq minn 18-il sena; u billi l-biċċa l-kbira tal-mistoqsijiet huma suġġestivi u ta' natura retorika, billi jistabbilixxu rabta ppreġudikata u diretta bejn il-fenomeni migratorji u t-theddid għas-sigurtà;

G.     billi l-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orbán iddikjara f'diskors li għamel f'Pécs fit-28 ta' April 2015 li l-kwistjoni tal-piena tal-mewt għandha titqiegħed lura fuq l-aġenda fl-Ungerija u tenna dikjarazzjonijiet simili fl-1 ta' Mejju 2015 waqt intervista fuq ir-radju pubbliku nazzjonali, fejn żied li d-deċiżjoni li tiġi introdotta mill-ġdid il-piena tal-mewt għandha taqa' taħt il-kompetenza unika tal-Istati Membri, biex b'hekk tbiegħed mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati tal-UE;

H.     billi, apparti minn dikjarazzjonijiet orali u dikjarazzjonijiet lill-istampa u l-midja soċjali, il-Kummissjoni ma ħadet l-ebda pass jew azzjoni formali fir-rigward tal-iżviluppi l-iktar reċenti fl-Ungerija, jew ma ppubblikat l-ebda komunikazzjoni uffiċjali b'reazzjoni għall-kwestjonarju tal-immigrazzjoni qarrieq imniedi mill-Gvern Ungeriż u għad-dikjarazzjonijiet dwar il-piena tal-mewt magħmula mill-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orbán;

I.      billi, fl-istqarrija tiegħu mressqa fis-sessjoni plenarja li saret fil-Parlament Ewropew fid-19 ta' Mejju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija, il-Presidenza tal-Kunsill iddikjarat li l-Kunsill ma kienx iddiskuta s-sitwazzjoni fl-Ungerija u għalhekk ma adotta l-ebda pożizzjoni formali dwar din il-kwistjoni;

J.      billi l-isforzi biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni attwali fl-Ungerija ma għandux ikollhom l-għan li jindividwaw Stat Membru jew gvern partikolari iżda li jissodisfaw obbligu kollettiv fuq l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, u b'mod partikolari l-Kummissjoni, bħala gwardjani tat-Trattati, biex jiżguraw l-applikazzjoni tat-Trattati u tal-Karta fl-Unjoni u f'kull Stat Membru u l-konformità magħhom;

1.      Jinsisti li l-piena tal-mewt hija inkompatibbli mal-valuri tar-rispett tad-dinjità tal-bniedem, tal-libertà, tad-demokrazija, tal-ugwaljanza, tal-istat tad-dritt u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, u li kwalunkwe Stat Membru li jintroduċi mill-ġdid il-piena tal-mewt ikun għalhekk qed jikser it-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; ifakkar li ksur serju minn Stat Membru tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE jiskattaw il-proċedura stipulata fl-"Artikolu 7";

2.      Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-konsultazzjoni pubblika dwar il-migrazzjoni mibdija mill-Gvern Ungeriż, li tistrieħ fuq kunċetti żbaljati ksenofobiċi u li l-migranti li qed jfittxu asil qed jitqiesu ekwivalenti għal theddid għas-sigurtà; jikkundanna l-preġudizzji u l-użu ħażin ta' din il-konsultazzjoni pubblika, appoġġjata minn riżorsi tal-gvern, bl-iskop li tinfirex retorika ta' mibegħda li hija inkompatibbli mal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni; iqis li n-natura suġġestiva u preġudikata tal-kwestjonarju tikser l-istandards bażiċi ta' proċess demokratiku ta' konsultazzjoni u ma tista' twassal għal ebda konklużjoni oġġettiva li tinforma żviluppi ta' politika futura; jistieden lill-Gvern Ungeriż, għalhekk, biex immedjatament jirrevoka l-proċess attwali ta' konsultazzjoni;

3.      Jinnota bi tħassib li dawn l-iżviluppi reċenti jżidu ma' serje ta' vjolazzjonijiet u attakki kontra l-prinċipju tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali fl-Ungerija matul is-sena li għaddiet, li, ikkunsidrati flimkien, jistgħu jirrappreżentaw theddida sistematika emerġenti għall-istat tad-dritt f'dan l-Istat Membru;

4.      Jiddeplora n-nuqqas ta' reazzjoni mill-Kunsill għall-iżviluppi l-aktar reċenti fl-Ungerija u jikkundanna n-nuqqas ta' impenn mill-Kunsill u mill-Istati Membri biex jiżguraw ir-rispett tal-istat tad-dritt kif speċifikat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta' Diċembru 2014; jitlob lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Kunsill Ewropew jorganizzaw diskussjoni u jadottaw konklużjonijiet mingħajr aktar dewmien dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija;

5.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tħaddem l-ewwel stadju tal-qafas tal-UE biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt, u għalhekk biex tagħti bidu minnufih għal proċess fil-fond ta' monitoraġġ dwar is-sitwazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Ungerija, billi tevalwa ksur potenzjali serju tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni skont l-Artikolu 2 tat-TUE, inkluż l-impatt ikkombinat ta' għadd ta' miżuri li jaggravaw is-sitwazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, u billi tevalwa l-ħolqien ta' theddida sistemika għall-istat tad-dritt f'dak l-Istat Membru li tista' tiżviluppa f'riskju ċar ta' ksur serju skont it-tifsira tal-Artikolu 7 tat-TUE; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar din il-kwistjoni lill-Parlament u lill-Kunsill qabel Settembru 2015;

6.      Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, bħala għodda għal konformità mal-Karta u t-Trattati u l-infurzar tagħhom kif iffirmata mill-Istati Membri kollha, filwaqt li jibbażaw ruħhom fuq indikaturi komuni u oġġettivi, u biex twettaq valutazzjoni annwali imparzjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-Istati Membri kollha, mingħajr diskriminazzjoni u fuq bażi ugwali, flimkien ma' mekkaniżmi xierqa vinkolanti u korrettivi, sabiex jimtlew il-lakuni eżistenti u sabiex ikun hemm rispons awtomatiku u gradwali għall-ksur tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali fil-livell tal-Istati Membri; jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-elaborazzjoni ta' din il-proposta leġiżlattiva fil-forma ta' rapport leġiżlattiv fuq inizjattiva proprja li għandu jiġi adottat sa tmiem is-sena;

7.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ungerija, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2013)0315.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2014)0173.

Avviż legali - Politika tal-privatezza