Proċedura : 2015/2700(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0534/2015

Testi mressqa :

B8-0534/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/06/2015 - 8.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 142kWORD 75k
3.6.2015
PE558.905v01-00
 
B8-0534/2015

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija (2015/2700(RSP))


Monika Hohlmeier, Esteban González Pons, Milan Zver, Jeroen Lenaers f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija (2015/2700 (RSP))  
B8‑0534/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra t-Trattati tal-UE, u b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 2(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Marzu 2014 bit-titlu 'Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt' (COM(2014)0158),

–       wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 13 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem rigward l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt,

–       wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu tad-19 ta' Mejju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi fit-28 ta' April 2015 il-Prim Ministru Ungeriż, Viktor Orbán, għamel dikjarazzjoni dwar il-ħtieġa ta' dibattitu pubbliku rigward il-piena tal-mewt, wara li skrivana nqatlet brutalment f'attakk b'sikkina f'belt fin-Nofsinhar tal-Ungerija, qtil li xxokkja l-opinjoni pubblika fil-pajjiż kollu;

B.     billi fit-30 ta' April 2015 il-President tal-Parlament Ewropew, Martin Schulz, ħareġ stqarrija għall-istampa li fiha ddikjara li Viktor Orbán kien żgurah li l-Gvern Ungeriż ma kellu l-ebda pjan li jieħu passi biex jerġa' jdaħħal il-piena tal-mewt, u li kien sejjer iħares u jirrispetta t-trattati Ewropej u l-leġiżlazzjoni Ewropea kollha;

C.     billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ġiet inkorporata kompletament fil-kostituzzjoni tal-Ungerija;

D.     billi l-konsultazzjoni pubblika hija strument importanti u ta' valur biex il-gvernijiet jiżviluppaw politiki li jgawdu bażi soda ta' appoġġ fost il-pubbliku;

E.     billi f'Mejju 2015 il-Gvern Ungeriż nieda konsultazzjoni pubblika dwar il-migrazzjoni, wara li fl-imgħoddi kien wettaq għadd ta' konsultazjzonijiet simili fuq kwistjonijiet oħra;

F.     billi fl-2014 l-Ungerija laqgħet it-tieni l-akbar għadd ta' rifuġjati fl-Ewropa, wara l-Iżvezja, u billi l-pajjiż qed iħabbat wiċċu ma' sfidi bħal qatt qabel rigward il-migrazzjoni, hekk kif l-għadd ta' każijiet skoperti fil-fruntiera bejn l-Ungerija u s-Serbja fl-2014 kien kważi t-tripplu ta' dak tas-sena ta' qabel, biex b'hekk ir-rotta tal-Punent tal-Balkani saret it-tielet l-aktar waħda taħraq rigward il-qsim illegali tal-fruntieri fl-Ewropa, skont l-analiżi tar-riskju annwali tal-Frontex għall-2014;

G.     billi l-UE qed tħabbat wiċċha ma' għadd ta' sfidi differenti, sew fi ħdanha kif ukoll minn barra;

H.     billi l-Kunsill, li jirrappreżenta t-28 Stat Membru, huwa wieħed miż-żewġ koleġiżlaturi u huwa istituzzjoni Ewropea fih innifsu;

1.      Itenni bl-akbar insistenza li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt tikkostitwixxi pass importanti fl-iżvilupp tad-drittijiet fundamentali fl-Ewropa, u jtenni bl-aktar mod kategoriku li l-piena tal-mewt tmur kontra l-valuri fundamentali tal-UE u kontra d-dritt tal-UE, u għalhekk hija kkunsidrata bħala kwistjoni magħluqa fi ħdan l-UE;

2.      Jilqa' l-impenn li ħa l-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orbán li ma jerġax idaħħal il-piena tal-mewt fl-Ungerija, u jissottolinja r-responsabbiltà ta' prim ministru, bħala kap ta' gvern, li jippromwovi l-valuri tal-UE u jagħti l-eżempju;

3.      Jemmen li l-Istati Membri kollha jeħtiġilhom jottemperaw ruħhom bis-sħiħ mad-dritt tal-UE fil-prattika leġiżlattiva u amministrattiva taghħom, u li kwalunkwe leġilazzjoni, inkluża l-liġi primarja ta' kwalunkwe Stat Membru jew pajjiż kandidat, trid tirrifletti u tkun konformi mal-valuri bażiċi Ewropej, jiġifieri l-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

4.      Jafferma d-dritt sovran tal-Istati Membri li jniedu konsultazzjonijiet nazzjonali u jinvolvu liċ-ċittadini tagħhom fi djalogu dwar kwistjonijiet ta' importanza kbira u li jkollhom impatt dirett fuqhom; ifakkar li l-konsultazzjonijiet għandhom jirriflettu r-rieda tal-gvernijiet li jeżerċitaw governanza responsabbli intiża biex tiżgura soluzzjonijiet politiċi demokratiċi u r-rispett tal-valuri fundamentali Ewropej;

5.      Jemmen, madankollu, li l-kontenut u l-lingwaġġ tal-konsultazzjoni partikolari mnedija fl-Ungerija dwar l-immigrazzjoni u t-terroriżmu jiżgwidaw bil-kbir u huma ferm tendenzjużi u żbilanċjati; jiddispjaċih dwar il-fatt li jwaħħlu fl-istituzzjonijiet tal-UE u l-politiki tagħhom, billi din ir-responsabbiltà hija f'idejn l-Istati Membri, u jfakkar li l-Istati Membri huma involuti bis-sħiħ fil-proċess leġiżlattiv tal-UE;

6.      Jistenna li l-Istati Membri jikkooperaw flimkien u jingħaqdu spalla ma' spalla fi żminijiet ta' kriżi, u jistieden lill-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattati, tappoġġja lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet għall-indirizzar tal-kriżijiet u t-tisħiħ tal-istat tad-dritt;

7.      Jiddeplora l-qawmien mill-ġdid tan-nazzjonaliżmu estrem u ta' partitit estremi, sew tax-xellug kif ukoll tal-lemin, li jagħmlu asserzjonijiet politiċi simplistiċi u irresponsabbli maqtugħa mir-realtà, filwaqt li fl-istess ħin jeħduha kontra l-ispettru demokratiku tal-partiti politiċi; jiddispjaċih, f'dan il-kuntest, dwar il-fatt li xi partiti demokratiċi qed jużaw argumenti populisti kontra l-partiti estremi; jemmen li l-gvernijiet tal-UE għandhom jieħdu l-inizjattiva biex ixejnu l-gruppi estremisti tax-xellug u tal-lemin u jirrifjutaw l-asserzjonijiet simplistiċi tagħhom, li jqajmu dubji dwar il-proġett Ewropew u jipperikolaw il-valuri Ewropej tagħna, li kienu u sejrin jibqgħu l-bażi tal-paċi u l-prosperità tagħna;

8.      Ifakkar li l-UE qed tħabbat wiċċha ma' sfidi internazzjonali kumplessi li jirrikjedu kooperazzjoni qawwija bejn l-Istati Membri, u li dawn ikunu lesti jeżerċitaw solidarjetà realistika u jieħdu azzjoni responsabbli; jemmen li l-UE tista' tinfluwenza atturi qawwija f'partijiet oħra tad-dinja, bil-valuri u s-sistemi politiċi differenti tagħhom, biss meta turi l-għaqda fl-oqsma l-aktar importanti;

9.      Jistieden lill-Istati Membri kollha jipparteċipaw b'mod kostruttiv fid-diskussjoni li għaddejja dwar l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, li taffettwa ugwalment il-politiki interni, esterni u tal-iżvilupp li jridu jiġu implimentati fl-UE u li konsegwentement iħallu impatt fuq il-kontinent Afrikan u fuq il-Lvant Nofsani;

10.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-President tar-Repubblika tal-Ungerija.

Avviż legali - Politika tal-privatezza