Proċedura : 2015/2700(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0535/2015

Testi mressqa :

B8-0535/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/06/2015 - 8.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0227

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 146kWORD 83k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0532/2015
3.6.2015
PE558.906v01-00
 
B8-0535/2015

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija (2015/2700(RSP))


Ulrike Lunacek, Judith Sargentini, Monika Vana, Bodil Ceballos, Igor Šoltes, Benedek Jávor, Ernest Urtasun f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija (2015/2700(RSP))  
B8‑0535/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari t-tieni inċiż u mir-raba' sas-seba' inċiż tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(3), it-tieni inċiż, u l-Artikoli 6 u 7 tat-TUE, kif ukoll l-Artikoli tat-TUE u tat-TFUE relatati mar-rispett, il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE,

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Diċembru 2000, ipproklamata fit-12 ta' Diċembru 2007 u li daħlet fis-seħħ mat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), il-Protokolli Nri 6 u 13 tagħha dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-konvenzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, ir-riżoluzzjonijiet u r-rapporti tal-Assemblea Parlamentari, tal-Kumitat tal-Ministri, tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u t-Tieni Protokoll Fakultattiv li għandu l-għan li jabolixxi l-piena tal-mewt,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali: standards u prattiki fl-Ungerija (skont ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2012)(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2012)(2),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Marzu 2014 bit-titlu 'Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt' (COM(2014)0158),

–       wara li kkunsidra r-rapport tas-16 ta' Diċembru 2014 mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa wara ż-żjara tiegħu fl-Ungerija bejn l-1 u l-4 ta' Lulju 2014,

–       wara li kkunsidra d-dibattitu fil-plenarja dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Ungerija li sar fil-Parlament Ewropew fil-21 ta' Ottubru 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2014 dwar l-iżgurar tar-rispett għall-istat tad-dritt,

–       wara li kkunsidra s-sessjoni ta' smigħ dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ungerija li saret fit-22 ta' Jannar 2015 mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mressqa waqt id-dibattitu plenarju li sar fil-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2015 dwar qafas tal-UE għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali,

–       wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet wara d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-30 ta' April dwar l-effetti possibbli, inkluż dwar id-drittijiet u l-istatus tagħha bħala membru tal-Unjoni Ewropea, jekk Stat Membru ddeċieda li jintroduċi l-piena tal-mewt, li saret fis-7 ta' Mejju 2015 mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mressqa fid-dibattitu plenarju li sar fil-Parlament Ewropew fid-19 ta' Mejju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, u billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

B.     billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali;

C.     billi l-piena tal-mewt għandha tiġi abolita u ħadd m'għandu jingħata l-kundanna tal-mewt jew jiġi ssuġġettat għal eżekuzzjoni;

D.     billi d-dritt għall-asil huwa ggarantit bir-rispett dovut għar-regoli tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 u għall-Protokoll tagħha tal-31 ta' Jannar 1967 dwar l-istatus tar-refuġjati u b'konformità mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

E.     billi żviluppi li seħħew dan l-aħħar fl-Ungerija, u b'mod partikolari matul l-aħħar tnax-il xahar, wasslu għal deterjorament serju tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-indipendenza ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-ġlieda kontra l-intolleranza u d-diskriminazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem tal-immigranti, tal-applikanti għall-asil u tar-refuġjati, il-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, id-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi, u l-indipendenza tal-ġudikatura;

F.     billi fl-24 ta' April 2015, il-Gvern Ungeriż nieda konsultazzjoni nazzjonali dwar l-immigrazzjoni, fejn ippubblika kwestjonarju magħmul minn tnax-il mistoqsija li għandhom jiġu indirizzati lil kull ċittadin Ungeriż ta' 18-il sena jew aktar; billi l-biċċa l-kbira tal-mistoqsijiet jidhru b'mod ċar li huma ta' natura suġġestiva u retorika, u jistabbilixxu rabta preġudikata u diretta bejn il-fenomeni migratorji u t-theddid għas-sigurtà; billi t-tweġibiet għall-kwestjonarju għandhom jiġu kkomplementati permezz ta' dejta personali, li b'hekk tiżvela l-opinjonijiet politiċi tan-nies bi ksur tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta;

G.     billi l-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orbán iddikjara f'diskors f'Pécs fit-28  ta' April 2015 li l-kwistjoni dwar il-piena tal-mewt għandha titqiegħed lura fuq l-aġenda fl-Ungerija, u għamel dikjarazzjonijiet simili fl-1 ta' Mejju 2015 f'intervista fuq ir-radju pubbliku nazzjonali, fejn żied ukoll li d-deċiżjoni li tiġi introdotta mill-ġdid il-piena tal-mewt għandha tkun ta' kompetenza biss tal-Istat Membru;

H.     billi, apparti minn dikjarazzjonijiet orali u dikjarazzjonijiet lill-istampa u l-midja soċjali, il-Kummissjoni ma ħadet l-ebda pass jew azzjoni formali fir-rigward tal-iżviluppi l-iktar reċenti fl-Ungerija, jew ma ppubblikat l-ebda komunikazzjoni uffiċjali b'reazzjoni għall-konsultazzjoni qarrieqa imnedija mill-Gvern Ungeriż jew għad-dikjarazzjonijiet dwar il-piena tal-mewt magħmula mill-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orbán;

I.      billi, fl-istqarrija tiegħu mressqa fis-sessjoni plenarja li saret fil-Parlament Ewropew fid-19 ta' Mejju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija, il-Presidenza tal-Kunsill iddikjarat li l-Kunsill ma kienx iddiskuta s-sitwazzjoni fl-Ungerija u għalhekk ma adotta l-ebda pożizzjoni formali dwar din il-kwistjoni;

J.      billi l-isforzi biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni attwali fl-Ungerija ma għandhomx l-għan li jiġi individwat Stat Membru jew gvern partikolari iżda jissodisfaw obbligu kollettiv fuq l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, u b'mod partikolari l-Kummissjoni, bħala l-gwardjani tat-Trattati, jiżguraw l-applikazzjoni u l-konformità mat-Trattati u l-Karta fl-Unjoni kollha u f'kull Stat Membru;

1.      Jinsisti li l-piena tal-mewt tmur kontra l-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, tal-libertà, tad-demokrazija, tal-ugwaljanza, tal-istat tad-dritt u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea, u li kwalunkwe Stat Membru li jintroduċi mill-ġdid il-piena tal-mewt ikun għalhekk qed jikser it-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; ifakkar li ksur serju minn Stat Membru tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE jiskattaw il-proċedura stipulata fl-Artikolu 7 TUE;

2.      Jikkundanna bil-qawwa d-dikjarazzjonijiet ripetuti magħmula mill-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orbán li jagħtu lok għal dibattitu dwar il-possibbiltà ta' introduzzjoni mill-ġdid tal-piena tal-mewt fl-Ungerija, biex b'hekk jiġi istituzzjonalizzat u alimentat kunċett li huwa fi ksur sfaċċat tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni; jiddeplora l-fatt li kap ta' gvern ta' Stat Membru deliberatament qed jixħet dubju fuq ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem u tad-drittijiet tal-bniedem billi jiftaħ din it-tip ta' diskussjoni, li hija prinċipalment motivata minn objettivi ta' politika interna;

3.      Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-konsultazzjoni pubblika dwar il-migrazzjoni mibdija mill-Gvern Ungeriż, li tistrieħ fuq kunċetti żbaljati ksenofobiċi, li l-migranti li qed ifittxu asil qed jitqiesu ekwivalenti għal theddid għas-sigurtà; jikkundanna l-preġudizzju u l-użu ħażin ta' din il-konsultazzjoni pubblika, appoġġjata minn riżorsi tal-gvern, bl-iskop li titferrex retorika ta' mibegħda li hija inkompatibbli mal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni; jistieden lill-Gvern Ungeriż, sabiex iwaqqaf immedjatament il-proċess attwali ta' konsultazzjoni u jinjora r-riżultati;

4.      Jiddeplora n-nuqqas ta' reazzjoni mill-Kunsill għall-iżviluppi l-aktar reċenti fl-Ungerija u jikkundanna n-nuqqas ta' impenn mill-Istati Membri biex jiżguraw ir-rispett għall-istat tad-dritt kif speċifikat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2014; jitlob lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Kunsill Ewropew jorganizzaw diskussjoni u jadottaw konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija fil-laqgħa tagħhom li jmiss;

5.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tattiva l-ewwel stadju tal-Qafas tal-UE biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt, u għalhekk tinbeda minnufih reviżjoni fil-fond ta' proċess ta' monitoraġġ dwar is-sitwazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Ungerija, il-valutazzjoni ta' ksur potenzjali sistematiku jew serju tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, skont l-Artikolu 2 tat-TUE; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar din il-kwistjoni lill-Parlament u lill-Kunsill qabel Settembru 2015;

6.      Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva għall-istabbiliment ta' tabella ta' valutazzjoni tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali li tistrieħ fuq indikaturi komuni u oġġettivi u tevalwa fuq bażi annwali s-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-konformità mal-valuri tal-Unjoni skont l-Artikolu 2 TUE f'kull Stat Membru, u li tinkorpora mekkaniżmi gradwali xierqa vinkolanti u korrettivi; jistieden lill-Kummissjoni, għal dan il-għan, tipproponi tibdil tal-mandat tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali biex jinkludi l-monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali f'kull Stat Membru kemm fi ħdan kif ukoll lil hinn mill-applikazzjoni tal-liġi tal-UE, filwaqt li tqis il-konklużjonijiet ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u tal-qrati;

7.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ungerija, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa;

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2013)0315.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2014)0173.

Avviż legali - Politika tal-privatezza