Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0536/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0536/2015

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija

    3.6.2015 - (2015/2700 (RSP))

    imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
    skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

    Birgit Sippel, Péter Niedermüller, Tanja Fajon, Jörg Leichtfried, Sylvie Guillaume, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Kashetu Kyenge, Marju Lauristin, Soraya Post, Josef Weidenholzer, Hugues Bayet, Vilija Blinkevičiūtė, Miltiadis Kyrkos, Emilian Pavel, Kati Piri, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Elly Schlein, Eider Gardiazabal Rubial, Eric Andrieu, Andi Cristea, Viorica Dăncilă, Victor Negrescu, Peter Simon, Tibor Szanyi, Pedro Silva Pereira, Georgi Pirinski, Jakob von Weizsäcker, Renata Briano, Eugen Freund, Miroslav Poche, Doru-Claudian Frunzulică, Sergio Gutiérrez Prieto, Jens Nilsson, Alessia Maria Mosca, José Blanco López, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Siôn Simon, Nicola Caputo, Csaba Molnár, Nicola Danti, Demetris Papadakis, Brando Benifei, Maria Grapini, Goffredo Maria Bettini, Gabriele Preuß, Anneliese Dodds, Carlos Zorrinho, Iris Hoffmann, Elena Gentile, Caterina Chinnici f'isem il-Grupp S&D

    Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0532/2015

    Proċedura : 2015/2700(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B8-0536/2015
    Testi mressqa :
    B8-0536/2015
    Dibattiti :
    Testi adottati :

    B8‑0536/2015

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija

    (2015/2700 (RSP))

    Il-Parlament Ewropew,

    –       wara li kkunsidra l-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari t-tieni inċiż u mir-raba' sas-seba' inċiż tiegħu,

    –       wara li kkunsidra l-Artikolu 2, l-Artikolu 3(3), it-tieni inċiż, u l-Artikoli 6 u 7 tat-TUE, kif ukoll l-Artikoli tat-TUE u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) relatati mar-rispett, il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE,

    –       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Diċembru 2000, ipproklamata fit-12 ta' Diċembru 2007 fi Strasburgu u li daħlet fis-seħħ mat-Trattat ta' Lisbona f'Diċembru 2009,

    –       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-konvenzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, ir-riżoluzzjonijiet u r-rapporti tal-Assemblea Parlamentari, il-Kumitat tal-Ministri, il-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa,

    –       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali: standards u prattiki fl-Ungerija (skont ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2012)[1],

    –       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2012)[2],

    –       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt" (COM(2014)0158),

    –       wara li kkunsidra r-rapport tas-16 ta' Diċembru 2014 mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa wara ż-żjara tiegħu l-Ungerija bejn l-1 u l-4 ta' Lulju 2014,

    –       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2014 jiġi żgurat ir-rispett għall-istat tad-dritt,

    –       wara li kkunsidra s-sessjoni ta' smigħ dwar is-sitwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-Ungerija li saret fit-22 ta' Jannar 2015 mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu,

    –       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mressqa waqt id-dibattitu plenarju li sar fil-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2015 dwar qafas tal-UE għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali,

    –       wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet wara d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-30 ta' April 2015 dwar l-effetti possibbli, inkluż dwar id-drittijiet u l-istatus tagħha bħala membru tal-Unjoni Ewropea, jekk Stat Membru jiddeċiedi li jintroduċi l-piena tal-mewt, li saret fis-7 ta' Mejju 2015 mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

    –       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mressqa fid-dibattitu plenarju li sar fil-Parlament Ewropew fid-19 ta' Mejju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija,

    –       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans waqt id-dibattitu plenarju tad-19 ta' Mejju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija, fejn huwa ddikjara li l-introduzzjoni mill-ġdid tal-piena tal-mewt tmur kontra l-valuri fundamentali tal-UE u tista' tiskatta l-Artikolu 7 tat-Trattat tal-UE, li jipprevedi l-possibbiltà li Stat Membru jiġi mċaħħad mid-drittijiet tal-vot tiegħu fil-Kunsill,

    –       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.     billi l-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, u billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

    B.     billi l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u l-fiduċja taċ-ċittadini kollha tal-UE u tal-awtoritajiet nazzjonali fis-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri l-oħra kollha, speċjalment fir-rigward tal-funzjonament tal-istat tad-dritt, huwa partikolarment essenzjali għall-iżvilupp ulterjuri tal-UE f'żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni; billi l-istat tad-dritt huwa prerekwiżit għaż-żamma tad-drittijiet u l-obbligi kollha li joriġinaw mit-Trattati u mid-dritt internazzjonali;

    C.     billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali;

    D.     billi ħadd ma għandu jiġi kkundannat għall-mewt jew iġġustizzjat;

    E.     billi d-dritt għall-asil huwa ggarantit bir-rispett dovut tar-regoli tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 u għall-Protokoll tagħha tal-31 ta' Jannar 1967 dwar l-istatus tar-refuġjati u b'konformità mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea;

    F.     billi l-iżviluppi li seħħew dan l-aħħar fl-Ungerija, u b'mod partikolari matul l-aħħar 12-il xahar, wasslu għal deterjorament serju tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, il-ġlieda kontra l-intolleranza u d-diskriminazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem tal-immigranti, tal-persuni li jfittxu asil u tar-refuġjati, il-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, l-indipendenza ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, id-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi, u l-indipendenza tal-ġudikatura;

    G.     billi fl-24 ta' April 2015, il-Gvern Ungeriż ħabbar it-tnedija ta' konsultazzjoni nazzjonali dwar l-immigrazzjoni, fejn ippubblika kwestjonarju ta' 12-il mistoqsija li kellhom jiġu indirizzati lil kull ċittadin Ungeriż li għandu 'l fuq minn 18-il sena, u billi l-biċċa l-kbira tal-mistoqsijiet huma ta' natura suġġestiva u retorika b'mod ċar, li jistabbilixxi rabta ppreġudikata u diretta bejn il-fenomeni migratorji u t-theddid għas-sigurtà;

    H.     billi l-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orbán għamel suġġerimenti simili lura fl-2002 u reġa' ddikjara f'diskors li sar f'Pécs fit-28 ta' April 2015 li l-kwistjoni tal-piena tal-mewt għandha terġa' titpoġġa lura fuq l-aġenda fl-Ungerija, u billi huwa tenna dikjarazzjonijiet simili fl-1 ta' Mejju 2015 waqt intervista fuq ir-radju pubbliku nazzjonali, fejn żied li d-deċiżjoni li tiġi introdotta mill-ġdid il-piena tal-mewt għandha taqa' taħt il-kompetenza unika tal-Istati Membri; billi d-dibattitu mibdi fuq il-piena tal-mewt huwa perikoluż u ta' ħsara;

    I.      billi t-tfassil tal-"konsultazzjoni nazzjonali" dwar il-migrazzjoni fil-kuntest tat-terroriżmu huwa malizzjuż u ħażin u ser jikkontribwixxi għall-preġudizzju, peress li l-migranti ser jiġu pperċepiti bħala theddida minflok bħala opportunità;

    J.      billi matul l-iskambju ta' fehmiet fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, il-maġġoranza tal-gruppi politiċi kienu tal-fehma li l-introduzzjoni mill-ġdid tal-piena tal-mewt u l-mistoqsijiet li saru fil-konsultazzjoni pubblika kienu inaċċettabbli;

    K.     billi, fl-istqarrija tiegħu mressqa fid-dibattitu plenarju li sar fil-Parlament Ewropew fid-19 ta' Mejju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija, il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddikjarat li l-Kunsill ma kienx iddiskuta s-sitwazzjoni fl-Ungerija u għalhekk ma adotta l-ebda pożizzjoni formali dwar din il-kwistjoni;

    L.     billi l-isforzi biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni attwali fl-Ungerija ma għandhomx l-għan li jiġi individwat Stat Membru jew gvern partikolari iżda jissodisfaw obbligu kollettiv fuq l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, u b'mod partikolari l-Kummissjoni, bħala l-gwardjani tat-Trattati, biex jiżguraw l-applikazzjoni taat-Trattati u tal-Karta fl-Unjoni kollha u f'kull Stat Membru u l-konformità magħhom;

    1.      Jinsisti li l-piena tal-mewt hija inkompatibbli mal-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, tal-libertà, tad-demokrazija, tal-ugwaljanza, tal-istat tad-dritt u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, u li kwalunkwe Stat Membru li jintroduċi mill-ġdid il-piena tal-mewt ikun għalhekk qed jikser it-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; ifakkar li ksur serju minn Stat Membru tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE jiskatta l-proċedura stipulata fl-"Artikolu 7";

    2.      Jikkundanna bil-qawwa d-dikjarazzjonijiet ripetuti magħmula mill-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orbán li jagħtu lok għal dibattitu dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-piena tal-mewt fl-Ungerija, biex b'hekk jiġi istituzzjonalizzat u alimentat kunċett li huwa fi ksur sfaċċat tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni; jiddeplora l-fatt li kap ta' gvern ta' Stat Membru deliberatament qed jixħet dubju fuq il-prinċipju tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet tal-bniedem billi jiftaħ din it-tip ta' diskussjoni, prinċipalment motivata minn skopijiet ta' politika interna;

    3.      Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-konsultazzjoni pubblika dwar il-migrazzjoni mibdija mill-Gvern Ungeriż, li tistrieħ fuq kunċetti żbaljati ksenofobiċi, li l-migranti li qed ifittxu asil jitqiesu ekwivalenti għal theddid għas-sigurtà, l-istigmatizzazzjoni tal-persuni li jfittxu asil bħala migranti attratti mill-assistenza soċjali u l-miżinterpretazzjoni deliberata tal-politika tal-UE dwar l-asil u l-migrazzjoni; jikkundanna l-preġudizzji u l-użu ħażin ta' din il-konsultazzjoni pubblika, organizzata u ffinanzjata mill-gvern, bl-iskop li tinfirex retorika ta' mibegħda li hija inkompatibbli mal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni; jistieden lill-Gvern Ungeriż jikkanċella l-proċess attwali ta' konsultazzjoni b'mod immedjat;

    4.      Jiddeplora n-nuqqas ta' reazzjoni mill-Kunsill għall-iżviluppi l-aktar reċenti fl-Ungerija u jikkundanna n-nuqqas ta' impenn mill-Istati Membri biex jiżguraw ir-rispett għall-istat tad-dritt kif speċifikat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2014; jitlob lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Kunsill Ewropew jorganizzaw diskussjoni u jadottaw konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija fil-laqgħa tagħhom li jmiss;

    5.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tattiva l-ewwel stadju tal-Qafas tal-UE biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt, u għalhekk tagħti bidu minnufih għal proċess ta' monitoraġġ fil-fond dwar is-sitwazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Ungerija, il-valutazzjoni ta' vjolazzjonijiet potenzjali sistematiċi jew serji tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, skont l-Artikolu 2 tat-TUE; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar din il-kwistjoni lill-Parlament u lill-Kunsill qabel Settembru 2015;

    6.      Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva għall-istabbiliment ta' tabella ta' valutazzjoni tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali li tistrieħ fuq indikaturi komuni u oġġettivi u tevalwa fuq bażi annwali s-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-konformità mal-valuri tal-Unjoni skont l-Artikolu 2 tat-TUE f'kull Stat Membru, flimkien ma' mekkaniżmi gradwali xierqa vinkolanti u korrettivi;

    7.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ungerija, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.