Proċedura : 2015/2700(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0537/2015

Testi mressqa :

B8-0537/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/06/2015 - 8.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 139kWORD 68k
3.6.2015
PE558.908v01-00
 
B8-0537/2015

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija (2015/2700(RSP))


Timothy Kirkhope, Zdzisław Krasnodębski, Ruža Tomašić, Daniel Dalton, Jussi Halla-aho f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija (2015/2700(RSP))  
B8‑0537/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet dwar il-valuri u l-libertajiet fundamentali li jinsabu fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jinkludi projbizzjoni assoluta tal-piena tal-mewt f'kull ċirkostanza,

–       wara li kkunsidra l-Protokolli Nru 6 u Nru 13 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,

–       wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, adottati mill-Kunsill fl-1998,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 bit-titlu 'Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt' (COM(2014)0158),

–       wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu tad-19 ta' Mejju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-Artikolu 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi li ħadd m'għandu jiġi kkundannat għall-piena tal-mewt, jew titneħħielu ħajtu;

B.     billi l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt hija prekundizzjoni għall-adeżjoni mal-UE;

C.     billi l-UE għandha pożizzjoni qawwija, u bbażata fuq prinċipji, kontra l-piena tal-mewt, li l-abolizzjoni tagħha hija objettiv ewlieni tal-politika tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem; jinnota li, fejn il-piena tal-mewt għadha tintuża, l-UE titlob li din tiġi ristretta progressivament u tinsisti li tiġi eżegwita skont standards minimi maqbula internazzjonalment;

D.     billi, wara l-qtil ta' mara żagħżugħa fin-Nofsinhar tal-Ungerija, il-Prim Ministru Viktor Orbán għamel dikjarazzjonijiet dwar il-piena tal-mewt nhar it-Tlieta 28 ta' April 2015;

E.     billi l-President tal-Kummissjoni talab li dawn id-dikjarazzjonijiet jiġu rtirati minnufih; billi l-Gvern Ungeriż ikkjarifika li mhuwiex biħsiebu jerġa' jdaħħal il-piena tal-mewt, iżda huwa tal-fehma li l-gvernijiet għandu jkollhom id-dritt jiddiskutu l-kwistjonijiet kollha mal-pubbliku;

F.     billi l-Gvern Ungeriż se jwettaq ukoll 'konsultazzjoni nazzjonali dwar l-immigrazzjoni u t-terroriżmu'; billi l-formulazzjoni tal-mistoqsijiet għal din il-konsultazzjoni pubblika ġiet ikkritikata;

1.      Jenfasizza li l-Istati Membri kollha jeħtiġilhom jottemperaw ruħhom mal-liġi tal-UE u li l-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru jew ta' pajjiż kandidat għandha tirrifletti u tkun konformi mal-valuri bażiċi Ewropej, il-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

2.      Jafferma li l-Istati Membri għandhom ukoll kompetenza sovrana li jistabbilixxu l-liġijiet proprji tagħhom u li jagħmlu d-dibattiti u l-konsultazzjonijiet demokratiċi tagħhom mal-elettorat fil-livell nazzjonali; jenfasizza li dan il-prinċipju huwa konsistenti mas-sovranità ta' gvern elett demokratikament;

3.      Jappoġġja r-rwol tal-Kummissjoni, bħala gwardjan tat-Trattati, li tiżgura li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, inkluża dik tal-Ungerija, tkun konformi maż-żewġ Trattati tal-UE u mal-valuri demokratiċi u d-drittjiet tal-bniedem bażiċi Ewropej;

4.      Jenfasizza li huwa importanti li kwalunkwe evalwazzjoni u analiżi mwettqa mill-Kummissjoni u mill-Parlament dwar is-sitwazzjoni fi Stati Membri individwali tkun imsejsa fuq il-fatti u bbilanċjata;

5.      Jistieden lill-Gvern Ungeriż u lill-Kummissjoni jaħdmu mill-qrib flimkien fi spirtu ta' kooperazzjoni fuq kwalunkwe kwistjoni fil-ġejjieni li jħossu li tista' tirrikjedi evalwazzjoni jew analiżi ulterjuri;

6.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-President tar-Repubblika tal-Ungerija.

Avviż legali - Politika tal-privatezza