Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0540/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0540/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-rapport annwali tal-2014 tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF

3.6.2015 - (2015/2699(RSP))

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B8-0553/2015, B8-0554/2015 u B8-0555/2015
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Marco Valli, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD

Proċedura : 2015/2699(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0540/2015
Testi mressqa :
B8-0540/2015
Testi adottati :

B8-0540/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rapport annwali tal-2014 tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF

(2015/2699 (RSP)).

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999[1],

–       wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima III – Il-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi[2],

–       wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-3 ta' April 2014 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, Taqsima III – Il-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi[3],

–       wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Attività 2014 tal-Kumitat ta' Sorveljanza tal-OLAF (minn issa 'l quddiem "il-KS"),,

–       wara li kkunsidra r-Rapport Nru 1/2014 tal-KS, bl-isem "Is-salvagwardja tal-indipendenza investigattiva tal-OLAF",

–       wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 2/2014 tal-KS, bl-isem "L-implimentazzjoni mill-OLAF tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Sorveljanza",

–       wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 1/2014 tal-KS, bl-isem "Il-Prijoritajiet tal-Politika ta’ Investigazzjoni tal-OLAF",

–       wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 2/2014 tal-KS, bl-isem "L-għażla tal-każijiet fl-OLAF",

–       wara li kkunsidra r-Rapport Nru 3/2014 tal-KS, bl-isem "Ftuħ ta’ każijiet fl-OLAF fl-2012",

–       wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 4/2014 tal-KS, bl-isem "Kontroll tat-tul tal-investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi",

–       wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 5/2014 tal-KS, bl-isem " Ir-rappurtar estern tal-OLAF dwar it-tul tal-investigazzjonijiet",

–       wara li kkunsidra r-reazzjoni tal-OLAF għar-Rapport KS Nru 3/2014,

–       wara li kkunsidra r-reazzjoni tal-OLAF għar-Rapport KS Nru 4/2014,

–       wara li kkunsidra r-reazzjoni tal-OLAF għar-Rapport KS Nru 5/2014,

–       wara li kkunsidra n-Nota tal-KS dwar l-Analiżi tal-Abbozz tal-Prijoritajiet tal-Politika ta’ Investigazzjoni tal-OLAF għall-2015 tal-Kumitat ta' Sorveljanza,

–       wara li kkunsidra l-Arranġamenti ta' Ħidma tal-KS mal-OLAF,

–       wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni dwar ir-rapport annwali 2014 tal-Kumitat ta' Sorveljanza tal-OLAF (O-000060/2015 – B8-0553/2015, O-000061/2015 – B8-0554/2015 u O-000066/2015 – B8-0555/2015),

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-OLAF ma kienx mistieden għal-laqgħa tal-4 ta' Mejju 2015 fejn il-Kumitat ta' Sorveljanza (KS) tal-OLAF ippreżenta r-Rapport Annwali tal-Attività tiegħu tal-2014 lill-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju tal-Parlament Ewropew;

B.     billi r-risposti tal-OLAF għall-opinjonijiet u dokumenti oħra inklużi fir-Rapport tal-Attività KS 2014 ma ġewx inklużi fid-dokumentazzjoni uffiċjali għall-aġenda tal-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju;

C.     billi tul l-ewwel nofs tal-mandat tiegħu, il-KS ħareġ 50 rakkomandazzjoni lill-OLAF, li minnhom il-KS iqis li 8 biss kienu implimentati għal kollox, 6 kienu implimentati biss parzjalment, 1 pendenti u 20 ma ġewx implimentati, u billi fi 15-il każ il-KS jgħid li ma kienx f’pożizzjoni li jivverifika l-implimentazzjoni minħabba nuqqas ta’ informazzjoni insuffiċjenti,

D.     billi r-rwol tal-KS huwa li jissorvelja l-indipendenza tal-OLAF, il-funzjoni investigattiva tiegħu, l-applikazzjoni tal-garanziji proċedurali u d-dewmien tal-investigazzjonijiet;

E.     billi l-OLAF bosta drabi ppropona reviżjoni ġdida tal-Arranġamenti ta' Ħidma, sabiex jintlaħaq ftehim prattiku soddisfaċenti bejn iż-żewġ korpi;

F.     billi l-KS bosta drabi talab lill-istituzzjonijiet tal-UE jsaħħu d-dritt tiegħu għal aċċess sħiħ għall-fajls tal-każijiet tal-OLAF;

G.     billi fl-Opinjoni Nru 5/2015 tiegħu bl-isem "Ir-rappurtar estern tal-OLAF dwar id-dewmien tal-investigazzjonijiet", il-KS ikkonkluda li t-titjib fir-riżultati tal-investigazzjonijiet tal-OLAF kien dovut għall-introduzzjoni ta' metodi ġodda ta' kalkolu;

1.      Jiddeplora bis-saħħa l-fatt li l-OLAF ma kienx mistieden uffiċjalment għall-preżentazzjoni lill-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju tal-Parlament tar-Rapport Annwali tal-Attività 2014 tal-KS;

2.      Jenfasizza l-importanza ta' konfrontazzjoni pubblika bejn l-OLAF u l-KS dwar ir-risposti tal-OLAF għall-opinjonijiet u dokumenti oħra inklużi fir-Rapport Annwali tal-Attività 2014 tal-KS;

3.      Jiddispjaċih li ma kienx possibbli li tiġi skedata laqgħa tal-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju fejn jinġiebu flimkien l-OLAF u l-KS qabel ma titressaq il-mistoqsija orali lill-Kummissjoni dwar ir-Rapport Annwali tal-Attività 2014 tal-KS;

4.      Jinnota li l-maġġornaza tal-azzjonijiet li għalihom ġie mmarkat segwitu tal-OLAF mill-KS bħala "ma setgħetx tiġi verifikata", l-OLAF jilmenta li l-KS lanqas ipprova jwettaq verifika billi jistaqsi lill-OLAF dwar l-istat ta' implimentazzjoni qabel il-pubblikazzjoni tar-rapport tal-KS; jiddispjaċih dwar il-fatt li f'ħafna każijiet, il-KS għamel rakkomandazzjonijiet li jikkonċernaw atti investigattivi speċifiċi tal-passat, jew jissuġġerixxu azzjonijiet b'rabta mal-passat, u ma jistgħux jiġu implimentati b'mod retroattiv mill-OLAF;

5.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffaċilita n-negozjati bejn l-OLAF u l-KS bl-għan li jiġu emendati l-Arranġamenti ta' Ħidma biex jiġi ċċarat ir-rwol tal-KS u l-portata tal-azzjoni tiegħu

6.      Jenfasizza l-fatt li investigazzjonijiet li jdumu għaddejjin iktar minn 12-il xahar huma meqjusa bħala 'investigazzjonijiet pendenti' u huma soġġetti għal regoli stretti ta' kunfidenzjalità u rekwiżiti dwar protezzjoni ta' data; ifakkar li l-OLAF ma jistax jipprovdi awtomatikament lill-KS b'informazzjoni li mhijiex espliċitament prevista fir-Regolament, bħala mezz ta' salvagwardja tal-investigazzjonijiet u tal-prinċipji ta' protezzjoni tad-data; jilqa' l-fatt li l-OLAF u l-KS qed ifittxu li jilħqu ftehim sabiex tittejjeb l-informazzjoni li l-OLAF jipprovdi lill-KS dwar investigazzjonijiet li jdumu iktar minn 12-il xahar;

7.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.