Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0541/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0541/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-rapport annwali tal-2014 tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF

3.6.2015 - (2015/2699(RSP))

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B8-0553/2015, B8-0554/2015 u B8-0555/2015
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Dennis de Jong, Estefanía Torres Martínez, Tania González Peñas, Miguel Urbán Crespo, Younous Omarjee f'isem il-Grupp GUE/NGL

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0539/2015

Proċedura : 2015/2699(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0541/2015
Testi mressqa :
B8-0541/2015
Testi adottati :

B8-0541/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rapport annwali tal-2014 tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF

(2015/2699(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999[1],

–       wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima III – Il-Kummissjoni u Aġenziji Eżekuttivi[2],

–       wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tiegħu ttat-3 ta' April 2014 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, Taqsima III – Il-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi[3],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ Lulju 2013 dwar ir-Rapport Annwali 2011 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE - Il-ġlieda kontra l-frodi[4],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali 2013 dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE – Il-ġlieda kontra l-frodi[5],

–       wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Attività 2014 tal-Kumitat ta' Sorveljanza tal-OLAF (minn issa 'l quddiem "il-KS"),

–       wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 4/2014 tal-KS, bl-isem "Kontroll tat-tul tal-investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi",

–       wara li kkunsidra r-reazzjoni tal-OLAF għall-Opinjoni Nru 4/2014 tal-KS,

–       wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 5/2014 tal-KS, bl-isem "Ir-rappurtar estern tal-OLAF dwar it-tul tal-investigazzjonijiet",

–       wara li kkunsidra r-reazzjoni tal-OLAF għall-Opinjoni Nru 5/2014 tal-KS,

–       wara li kkunsidra r-Rapport Nru 1/2014 tal-KS, bl-isem "Salvagwardja tal-indipendenza investigattiva tal-OLAF",

–       wara li kkunsidra r-Rapport Nru 2/2014 tal-KS, bl-isem "L-implimentazzjoni mill-OLAF tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Sorveljanza",

–       wara li kkunsidra r-Rapport Nru 3/2014 tal-KS, bl-isem "Ftuħ ta’ każijiet fl-OLAF fl-2012",

–       wara li kkunsidra r-reazzjoni tal-OLAF għar-Rapport Nru 3/2014 tal-KS,

–       wara li kkunsidra n-Nota tal-KS dwar l-Analiżi tal-Abbozz tal-Prijoritajiet tal-Politika ta’ Investigazzjoni tal-OLAF għall-2015 tal-Kumitat ta' Sorveljanza,

–       wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Attività 2013 tal-KS,

–       wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 2/2013 tal-KS, bl-isem "It-twaqqif ta’ proċedura interna tal-OLAF għall-ilmenti",

–       wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 1/2014 tal-KS, bl-isem "Il-prijoritajiet tal-politika ta’ investigazzjoni tal-OLAF",

–       wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 2/2014 tal-KS, bl-isem "L-għażla tal-każijiet fl-OLAF",

–       wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet tal-KS dwar il-proċeduri ta’ investigazzjoni fl-OLAF,

–       wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjonijiet 2012 tal-KS,

–       wara li kkunsidra d-dokument tal-KS bl-isem "Missjoni, kompetenzi u objettivi tal-Kumitat ta' Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi – Reviżjoni ta' nofs il-perjodu (2014-2015)",

–       wara li kkunsidra l-Arranġamenti ta' Ħidma tal-KS mal-OLAF,

–       wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar ir-rapport annwali 2014 tal-Kumitat ta' Sorveljanza tal-OLAF (O-000060/2015 – B8-0553/2015, O-000061/2015 – B8-0554/2015 u O-000066/2015 – B8-0555/2015),

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi fir-Rapport Annwali tal-Attività 2012 tiegħu, il-Kumitat ta’ Sorveljanza (KS) tal-OLAF innota li waqt ir-riorganizzazzjoni tal-OLAF (fl-1 ta’ Frar 2012), infetħu 423 każ fl-istess jum permezz ta’ deċiżjoni unika tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF (DĠ tal-OLAF); billi, abbażi tal-analiżi tiegħu, il-KS ikkonkluda li (i) l-OLAF ma wettaq l-ebda valutazzjoni xierqa tal-informazzjoni li daħlet fil-każijiet kollha analizzati mill-KS, (ii) fil-maġġoranza l-kbira tal-każijiet ma kien hemm l-ebda ħjiel ta’ xi attività ta' valutazzjoni u (iii) id-DĠ tal-OLAF fetaħ il-każijiet kollha inkwistjoni, mingħajr ma stabbilixxa minn qabel l-eżistenza ta’ suspett serju biżżejjed li kien hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni –u dan imur kontra r-rekwiżit legali għall-ftuħ ta' investigazzjoni, fis-seħħ f’dak iż-żmien;

B.     billi l-KS, fil-komunikazzjonijiet tiegħu lill-istituzzjonijiet tal-UE, irrimarka li minkejja l-obbligu ċar stipulat fl-Artikolu 17(5) tar-Regolament Nru 883/2013, id-DĠ tal-OLAF ma rrappurtax lill-KS fl-2014 dwar dawk ir-rakkomandazzjonijiet għall-OLAF li ma ġewx implimentati;

C.     billi fl-ewwel nofs tal-mandat tiegħu, il-KS ħareġ 50 rakkomandazzjoni lill-OLAF, li minnhom 8 biss kienu implimentati għal kollox, 6 kienu implimentati parzjalment, 1 pendenti, 20 ma ġewx implimentati, u billi fi 15-il każ il-KS ma kienx f’pożizzjoni li jivverifika l-implimentazzjoni minħabba nuqqas ta’ informazzjoni sostanzjali,

D.     billi l-KS – fin-nota tiegħu dwar l-abbozz tal-Prijoritajiet tal-Politika ta’ Investigazzjoni għall-2015 – osserva li l-OLAF ma qisx it-tliet rakkomandazzjonijiet li saru fl-Opinjoni tal-KS Nru 1/2014: (i) l-OLAF ma ppubblikax linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-għażla li jirriżultaw mir-Regolament Nru 883/2013 (użu effiċjenti tar-riżorsi, proporzjonalitá, sussidjarjetà/valur miżjud) u minflok eżamina mill-ġdid l-indikaturi finanzjarji biex jadattahom għar-realtà tal-programmi ta’ nfiq, neħħihom kompletament; (ii) l-Abbozz tal-Prijoritajiet tal-Politika ta’ Investigazzjoni għall-2015 deher li kien qed jieħu inkunsiderazzjoni bosta dokumenti mill-partijiet interessati, iżda ma jidher li sar l-ebda djalogu mal-partijiet interessati fir-rigward tal-indikaturi finanzjarji u rigward is-segwitu possibbli tal-każijiet li juru suspett suffiċjenti ta' frodi, iżda li kienu ġew imwarrba abbażi tal-Prijoritajiet tal-Politika ta’ Investigazzjoni jew il-prinċipji tal-għażla; (iii) id-DĠ tal-OLAF ma ppreżentax lill-KS valutazzjoni tal-applikazzjoni tal-Prijoritajiet tal-Politika ta’ Investigazzjoni preċedenti jew sommarju tal-feedback ipprovdut mill-partijiet interessati, minkejja impenn preċedenti biex jagħmel dan;

E.     billi l-KS rrimarka b'mod konsistenti l-inabbiltà tiegħu li jissorvelja l-independenza tal-OLAF, il-funzjoni investigattiva tiegħu, l-applikazzjoni tal-garanziji proċedurali u t-tul tal-investigazzjonijiet, minħabba n-nuqqas ta' aċċess għall-informazzjoni neċessarja;

F.     billi l-KS iddikjara li l-qalba tal-problema fir-rigward tal-effettività tar-rwol ta’ sorveljanza tiegħu mhix implimentazzjoni ħażina tal-Arranġamenti ta’ Ħidma, iżda differenza fundamentali ta’ fehmiet bejn il-KS u d-DĠ tal-OLAF fil-perċezzjonijiet tagħhom tar-rwol tal-KS;

G.     billi l-Parlament, fir-riżoluzzjonijiet imsemmija qabel dwar ir-Rapporti Annwali 2011 u 2013 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE – Ġlieda kontra l-frodi, talab titjib fl-abbiltà tal-KS biex iwettaq ir-rwol tiegħu;

H.     billi l-KS f’diversi okkażjonijiet stieden lill-istituzzjonijiet tal-UE biex isaħħu l-kompetenzi tiegħu, b’mod partikolari permezz ta’ aċċess sħiħ għall-fajls tal-każijiet tal-OLAF, jew billi jieħdu miżuri oħra biex jiżguraw ir-responsabbiltà tal-OLAF;

I.      billi f'Marzu 2014 id-DĠ tal-OLAF impenja ruħu li jirrapporta lill-KS darba fis-sena dwar l-għadd ta' lmenti li jkunu waslu, it-tempesitività tal-ipproċessar tagħhom u l-klassifikazzjoni tagħhom bħala ġustifikati jew le; billi, madankollu, il-KS jirrapporta li ma rċieva l-ebda tali informazzjoni;

J.      billi r-Regolament Nru 883/2013 isaħħaħ ir-rwol tal-KS fil-monitoraġġ tat-tul tal-investigazzjonijiet tal-OLAF; billi, minkejja r-rispett formali tal-OLAF għall-obbligu li jirrapporta regolarment lill-KS dwar l-investigazzjonijiet li jieħdu aktar minn 12-il xahar, il-KS ikkonkluda, fl-Opinjoni Nru 4/2014 tiegħu bl-isem "Kontroll tat-tul tal-investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF", li l-informazzjoni mogħtija lilu ma kinetx biżżejjed biex ikun jista' jissorvelja kif xieraq u b'mod effettiv it-tul tal-investigazzjonijiet tal-OLAF;

K.     billi, fl-Opinjoni Nru 5/2014 tiegħu bl-isem "Ir-rappurtar estern tal-OLAF dwar it-tul tal-investigazzjonijiet", il-KS ikkonkluda li r-rappurtar dwar it-tul tal-investigazzjonijiet min-naħa tal-OLAF ma kienx ta ħarsa komprensiva tal-prestazzjoni investigattiva tiegħu; billi, li l-OLAF iddikjara fir-rapport annwali tiegħu li “l-investigazzjonijiet qed jitlestew f’inqas ħin”, il-KS kkonkluda li t-titjib fir-riżultati tal-investigazzjonijiet tal-OLAF huwa dovut għall-introduzzjoni ta’ metodi ġodda ta’ kalkolu;

L.     billi fir-Rapport Nru 1/2014 tiegħu bl-isem"Is-salvagwardja tal-indipendenza tal-OLAF", il-KS talab kjarifika tar-rwol tal-OLAF fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ kontra l-frodi tal-Kummissjoni fis-settur tas-sigaretti;

M.    billi għal sentejn infila l-KS esprima, fir-Rapport Annwali tal-Attività tiegħu, it-tħassib tiegħu rigward in-nuqqas ta’ trasparenza fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-OLAF fil-laqgħat ta' “clearing house” organizzati mill-Kummissjoni u r-riskji inerenti fir-rigward tal-indipendenza investigattiva tal-OLAF;

N.     billi l-KS ġibed l-attenzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE għall-ħtieġa li jiġu implimentati r-rekwiżiti tar-Regolament Nru 883/2013 dwar il-funzjonament indipendenti tas-Segretarjat tal-KS;

O.     billi l-KS identifika erba’ kundizzjonijiet bażiċi li jiżguraw il-funzjonament indipendenti tas-Segretarjat: (i) reklutaġġ, evalwazzjoni u promozzjoni tal-Kap tas-Segretarjat abbażi tad-deċiżjonijiet tal-KS; (ii) riklassifikazzjoni tal-Kap tas-Segretarjat bħala maniġer superjuri; (iii) reklutaġġ, evalwazzjoni u promozzjoni tal-persunal tas-Segretarjat mill-Kap tiegħu; (iv) sottodelega tal-implimentazzjoni tal-baġit tas-Segretarjat lill-Kap tiegħu;

P.     billi l-Parlament ikkunsidra r-reazzjonijiet tal-OLAF għar-rapporti u l-opinjonijiet tal-KS li ġew ippreżentati lill-Parlament;

Q.     billi l-ittra tad-19 ta' Mejju 2015 mid-DĠ tal-OLAF lill-President tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament ma tagħtix tweġiba sodisfaċenti għall-osservazzjonijiet li saru fir-rapport tal-KS;

R.     billi, jekk il-Kummissjoni u l-OLAF ma jirnexxilhomx itejbu r-relazzjoni mal-KS qabel tmiem l-2015, dan jista’ jkollu wkoll konsegwenzi baġitarji, peress li jista' jaffettwa l-pożizzjoni tal-Parlament fir-rigward tal-baġit tal-OLAF għall- 2017;

1.      Jenfasizza bil-qawwa r-responsabilità li għandu l-OLAF li jirrispetta r-rekwiżiti ġuridiċi għall-ftuħ ta' investigazzjoni; ifakkar li, fir-rigward tal-423 każ li nfetħu fl-istess jum, 8.4 % biss minn dawk li ngħalqu rriżultaw f'rakkomandazzjonijiet; jistieden lill-KS jagħti segwitu fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti ġuridiċi fuq bażi regolari;

2.      Jirreferi għar-riżoluzzjoni tiegħu msemmija qabel tad-29 ta' April 2015 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, u jħeġġeġ lill-OLAF biex, mingħajr dewmien bla bżonn, jagħti ġustifikazzjoni għall-każijiet fejn ma implimentax ir-rakkomandazzjonijiet tal-KS;

3.      Iqis li huwa ta' dispjaċir li l-KS sabha impossibbli li jikkonkludi jekk il-Prijoritajiet tal-Politika ta' Investigazzjoni kinux identifikati korrettament u jekk l-applikazzjoni tagħhom kellhiex konsegwenzi pożittivi jew negattivi għall-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni;

4.      Jiddeplora l-fatt li l-KS mhuwiex kapaċi jimplimenta l-mandat tiegħu għalkollox; jirreferi għar-riżoluzzjonijiet tiegħu msemmija aktar kmieni dwar ir-Rapporti Annwali 2011 u 2013 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE – Ġlieda kontra l-frodi, u jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex ittejjeb l-abbiltà tal-KS li jissorvelja l-indipendenza tal-OLAF, il-funzjoni investigattiva tiegħu, l-applikazzjoni tal-garanziji proċedurali u t-tul tal-investigazzjonijiet, mingħajr, madankollu, ma jqiegħed l-indipendenza tal-OLAF f'riskju;

5.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffaċilita n-negozjati bejn l-OLAF u l-KS billi tfassal pjan ta' azzjoni sal-31 ta' Diċembru 2015 bil-ħsieb li jiġu emendati l-Arranġamenti ta' Ħidma sabiex jinħoloq ambjent ta' ħidma fejn il-KS jkun jista' jwettaq il-mandat tiegħu; hu tal-fehma li l-Arranġamenti ta' Ħidma emendati għandhom jiċċaraw ir-rwol tal-KS lill-partijiet ikkonċernati kollha; jinnota li s-segretarjat tal-korp superviżorju jaqa' taħt il-kontroll (amministrattiv) tal-korp issorveljat;

6.      Jitlob li jitwettaq l-impenn li ta d-DĠ tal-OLAF li jipprovdi lill-KS l-għadd ta' lmenti li jkunu waslu, it-tempesitività tal-ipproċessar tagħhom u l-klassifikazzjoni tagħhom bħala ġustifikati jew le;

7.      Iħeġġeġ lill-OLAF biex jirrispetta r-rekwiżiti ġuridiċi sabiex il-KS jkun jista' jaqdi waħda mill-funzjonijiet ewlenin tiegħu fir-rigward tas-superviżjoni tat-tul tal-investigazzjonijiet tal-OLAF;

8.      Jilqa', madankollu, il-fatt li l-OLAF u l-KS bdew jaħdmu flimkien biex itejbu l-informazzjoni li l-OLAF jipprovdi lill-KS u biex jarrikkixxu l-kontenut tar-rapporti dwar l-investigazzjonijiet li jdumu aktar minn 12-il xahar;

9.      Jinnota li minn 134 investigatur fi tmiem l-2014, 13 (10 %) ġew assenjati lill-unità tat-tabakk u l-falsifikazzjoni, u 44 (33 %) lill-unitajiet responsabbli mis-settur agrikolu u l-fondi strutturali, li kienu jikkostitwixxu 86 % tal-interessi finanzjarji involuti (EUR 1,9 biljun); jirrakkomanda, għalhekk, li l-OLAF jikkunsidra mill-ġdid l-allokazzjoni tar-riżorsi tiegħu;

10.    Jesprimi tħassib dwar it-trasparenza tal-parteċipazzjoni tal-OLAF fil-laqgħat ta' “clearing house” organizzati mill-Kummissjoni;

11.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali u lill-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF.