MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-rivelazzjonijiet reċenti ta' każijiet ta' korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-FIFA
8.6.2015 - (2015/2730(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Helga Trüpel, Ernest Urtasun, Barbara Lochbihler, Igor Šoltes f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0548/2015
B8‑0548/2015
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rivelazzjonijiet reċenti ta' każijiet ta' korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-FIFA
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-iskandli reċenti ta’ korruzzjoni li ttebba’ isem-il FIFA,
– wara li kkunsidra l-għażliet tar-Russja u l-Qatar bħala l-pajjiżi li se jospitaw it-Tazza tad-Dinja, it-tnejn ikkritikati ferm minħabba t-trattament tad-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 dwar ix-xiri tal-logħob u l-korruzzjoni fl-isport[1],
– wara li kkunsidra d-direttiva reċentement adottata dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu,
– wara li kkunsidra Rapport dwar il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni tal-Kummissjoni tal-2013,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-18 ta' Jannar 2011 bit-titolu "L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport" (COM(2011)0012),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2012 dwar id-dimensjoni Ewropea fl-isport[2],
– wara li kkunsidra l-White Paper dwar l-Isport tal-Kummissjoni tal-11 ta' Lulju 2007 (COM(2007)0391),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem “Nissieltu kontra l-korruzzjoni fl-UE” (COM(2011)0308),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2011 dwar l-isforzi tal-UE biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni[3],
– wara li kkunsidra l-istrateġija tal-Kummissjoni dwar il-bilanċ bejn is-sessi fuq il-bordijiet ta’ kumpaniji u l-proposta għal Direttiva dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta’ kumpaniji elenkati fil-borża (COM(2012)0614),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tal-21 ta' Mejju 2014 dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (2014-2017),
– wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/568/ĠAI tat-22 ta' Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat (COM(2007)0328),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2012 għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, f'isem l-UE, fin-negozjati għal konvenzjoni internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa biex tiġi miġġielda l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport (COM(2012)0655),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Manipulazzjoni tal-Kompetizzjonijiet Sportivi tat-18 ta' Settembru 2014,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tat-23 ta' April 2015 dwar ir-riforma tal-governanza tal-futbol,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tat-28 ta' Settembru 2011 dwar il-promozzjoni tal-integrità tal-isport kontra l-manipulazzjoni tar-riżultati, speċjalment ix-xiri tal-logħob,
– wara li kkunsidra l-programm ġdid dwar l-isport fi ħdan Erasmus+, li għandu l-għan li jappoġġa azzjonijiet li jwasslu għal żvilupp, trasferiment, u implimentazzjoni ta’ ideat u prattiki innovattivi fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u dak lokali, u fejn azzjonijiet tal-isport għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ dimensjoni Ewropea fl-isport, filwaqt li jżidu l-kooperazzjoni u l-armonizzazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet sportivi,
– wara li kkunsidra r-rapport minn Michael J. Garcia kkummissjonat mill-FIFA f'Lulju 2012 dwar l-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni tal-Association Football,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Istatut tal-FIFA, li jistabbilixxi li l-objettivi tal-FIFA jinkludu dawn li ġejjin: "il-promozzjoni tal-integrità, l-etika u l-fair play fil-prospettiva tal-prevenzjoni ta' kull metodu jew prattika, bħall-korruzzjoni, id-doping jew il-manipulazzjoni tal-logħob, li jistgħu jipperikolaw l-integrità tal-logħob, il-kompetizzjonijiet, il-plejers, l-uffiċjali u l-membri jew jagħtu lok għal abbuż tal-Association Football",
– wara li kkunsidra r-rivelazzjonijiet tal-Interpol lill-gazzetta ‘Politico’ fit-3 ta’ Ġunju 2015 dwar l-arranġamenti mal-FIFA,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-integrità tal-organizzazzjonijiet sportivi hija ta' importanza kbira, peress li kemm l-isport professjonali, kif ukoll dak tad-dilettanti, jiżvolġu rwol fundamentali fil-promozzjoni globali tal-paċi, tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tas-solidarjetà, iġibu benefiċċji ekonomiċi u ta' saħħa lis-soċjetajiet u għandhom rwol essenzjali fl-għoti ta' importanza lill-valuri edukattivi u kulturali fundamentali kif ukoll fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali;
B. billi 14-il uffiċjal tal-FIFA, inkluż il-Viċi President, ġew arrestati nhar is-27 ta' Mejju 2015 mill-awtoritajiet Svizzeri fi Zurich;
C. billi l-arresti saru fuq talba tad-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti;
D. billi huwa fatt ippruvat li l-FIFA għal ħafna snin operat bħala organizzazzjoni mingħajr l-obbligu li tagħti rendikont ta' għemilha lil xi ħadd, opaka u notorjament korrotta; billi l-arresti reċenti jikkonfermaw l-eżistenza ta' frodi u korruzzjoni sistemiċi, mifruxa u persistenti fil-FIFA – kif intwera, fost sorsi oħra, mir-rapport ta' Michael J. Garcia, li l-kontenut tiegħu għadu qatt ma ġie żvelat komplemtament – meta mqabbla ma każijiet iżolati ta' imġiba skorretta, kif iddikjara l-ex President tal-FIFA, Joseph Blatter;
E. billi l-awtoritajiet tal-Isvizzera u tal-Istati Uniti taw bidu wkoll għal investigazzjoni kriminali separata dwar il-modalitajiet tal-aġġudikazzjoni lir-Russja u lill-Qatar tal-Kampjonati tat-Tazza tad-Dinja tal-2018 u tal-2022 rispettivament;
F. billi l-korruzzjoni hija forma ta’ kriminalità ta' spiss identifikata jew denunċjata estremament tard, u billi qed tiġi prattikata b’mod sfaċċat minn organizzazzjonijiet li jitfgħu dell fuq l-attivitajiet legali tagħhom b’azzjonijiet illegali bħall-ħasil tal-flus;
G. billi attivitajiet kriminali ta’ din ix-xorta ilhom joperaw fuq skala internazzjonali u għandhom konnessjonijiet minn naħa għall-oħra tad-dinja, b’tali mod li l-ebda istituzzjoni, pajjiż jew organizzazzjoni waħedha ma tista’ tkun fil-qagħda li tindirizza l-korruzzjoni f’organizzazzjoni bħal mhi l-FIFA;
H. billi waħda mill-konsegwenzi ta’ korruzzjoni hija l-fama ħażina li jiggwadanja qasam sportiv intier kif ukoll telf ta’ fiduċja fl-azzjonijiet kollha promossi mill-FIFA, bħalma huma l-l-kampanja kontra l-logħob mixtri mnedija b’mod konġunt mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Plejers Professjonisti tal-Futbol (FIFPro) u l-Europol;
I. billi ftehimiet konklużi b’mod mhux trasparenti iwasslu lill-partijiet interessati kollha marbuta mal-isport, inklużi l-isponsors, il-federazzjonijiet u l-fondazzjonijiet, f’diffikultajiet kbar u jgħabbuhom b'responsibilitajiet konġunti li għadha mhix magħrufa l-entità tagħhom;
J. billi l-Kummissjoni u l-Kunsill irrikonoxxew il-bżonn ta' sħubija bejn l-entitajiet ta' tmexxija tal-futbol u l-awtoritajiet pubbliċi għal finijiet ta' governanza tajba tal-logħba, li tirrispetta n-natura awtoregolatorja tal-isport professjonali u li wasslet għad-djalogu strutturat dwar l-isports;
K. billi l-isports kollha jista' jintlaqat, u qed jiġu mhedda l-integrità u l-etika tal-isport;
L. billi l-mekkaniżmi attwali ta' kontroll ma jirnexxilhomx jidentifikaw korruzzjoni b'mod immedjat minħabba n-natura globali ta' dawn l-attivitajiet illegali; billi l-Interpol diġà nstabet li ma ssodisfatx ir-rwol tagħha bħala awtorità li tinforza l-liġi vis-à-vis il-FIFA;
M. billi t-trasparenza, ir-responsabbiltà u d-demokrazija – fi kliem ieħor, il-governanza tajba – fl-organizzazzjonijiet sportivi huma prerekwiżiti biex il-moviment sportiv ikollu rwol li jitwettaq b'suċċess fil-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob u l-frodi fl-isport;
N. billi bosta organizzazzjonijiet sportivi diġà ħadu miżuri f’dan il-qasam, bħalma huma l-iżvilupp ta’ kodiċijiet ta’ kondotta u l-adozzjoni ta’ politiki ta’ tolleranza żero, u dawn jisthoqqilhom rikonoxximent għall-azzjonijiet li ħadu;
O. billi esperti jindikaw li qed jikber it-tħassib dwar l-intenzjonijiet ħżiena ta’ xi individwi li jixtru klabbs tal-futbol, bil-korruzzjoni li qed tiġi pprattikata bħala mezz biex ikomplu jitwettqu attivitajiet kriminali oħra bħalma huma x-xiri ta’ logħob u l-ħasil tal-flus;
P. billi l-unjins tal-plejers jirrimarkaw li dawn l-attivitajiet kriminali huma wkoll problema f’termini ta’ intimidazzjoni u rikatt potenzjali ta’ plejers;
Q. billi filwaqt li l-isponsorjar huwa meħtieġ għall-organizzazzjonijiet tal-isport biex jirrendu, għandu jkun hemm kodiċi ta’ kondotta stretta dwar it-trasparenza tan-negozjati u d-distribuzzjoni ta’ fondi, u taħt l-ebda ċirkustanza m’għandha xi entitajiet legali oħra bħal fondazzjonijiet li jrawmu t-talent żagħżugħ tinbela' f’dan iċ-ċirku ta’ korruzzjoni;
R. billi l-partijiet interessati ewlenin individwalment iridu jħaddnu r-responsabbiltà u jiżviluppaw approċċ komprensiv billi jikkomplementaw l-isforzi ta’ xulxin biex jiġġieldu kontra l-korruzzjoni fl-isport;
1. Jitlob li l-Kummissjoni tkompli tiżviluppa approċċ koordinat biex tikkumbatti l-kriminalità organizzata billi tikkoordina l-isforzi ta’ partijiet interessati ewlenin f’dan il-qasam, bħal organizzazzjonijiet sportivi, awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji nazzjonali u operaturi tal-logħob tal-azzard, u billi tipprovdi pjattaforma għad-diskussjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aqwa prattiki;
2. Jitlob lill-Istati Membri jikkooperaw b’mod effettiv mal-Interpol u l-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi fl-investigazzjonijiet kontra l-kriminalità organizzata fl-isports, sakemm jitneħħa kull dubji dwar l-indipendenza tal-Interpol bħala awtorità li tinforza l-liġi;
3. Jenfasizza li l-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni kontra l-FIFA u n-nuqqas ta' kredibbiltà tagħha se jħallu impatt devastanti fuq l-istruttura piramidali sħiħa tal-futbol, mill-ogħla skaluni tal-futbol professjonistiku sal-klabbs ta' dilettanti ż-żgħar;
4. Jitlob għal reviżjoni tad-deċiżjonijiet meħuda biex l-edizzjonijiet t-Tazza tad-Dinja li jmiss jinżammu fir-Russja u l-Qatar u sabiex jinfetaħ mill-ġdid il-proċess tal-offerti, filwaqt li jkunu kkunsidrati d-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol bħala kriterji primarji għall-għażla tal-post tal-kompetizzjoni, kif ukoll sabiex ma jintgħażel ebda pajjiż li qiegħed fi stat ta’ gwerra jew li qed jikser il-liġi internazzjonali;
5. Jitlob lill-organizzazzjonijiet sportivi kollha jadottaw politika ta’ tolleranza żero fir-rigward tal-korruzzjoni (sew internament kif ukoll b’rabta ma’ kuntratturi esterni) sabiex ma jħallux li l-membri tagħhom ikunu esposti għal pressjoni esterna; f’dan il-każ, speċifikament jitlob li l-organizzazzjonijiet tal-futbol, bħalma huma l-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA), jibqgħu estremament attenti fejn jikkonċerna r-rwol tagħhom fil-komunikazzjoni tal-etika sportiva;
6. Iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet sportivi jistabbilixxu kodiċi ta’ kondotta għall-persunal u l-uffiċjali kollha (plejers, kowċijiet, referis, persunal mediku u tekniku u personalitajiet tal-assoċjazzjonijiet u tal-klabbs ewlenin) li tistabbilixxi l-perikli ta’ attivitajiet u sorsi ta’ finanzjament mhux trasparenti, inkluża projbizzjoni ċara ta’ azzjonijiet illegali ta’ kull tip u projbizzjoni tal-manipulazzjoni tal-logħbiet għall-imħatri jew skopijiet oħra, li tistipula s-sanzjonijiet assoċjati, u li tinkludi projbizzjoni fuq il-logħob tal-azzard fuq il-logħbiet tagħhom stess u l-obbligu li jiġi rrappurtat kwalunkwe għarfien dwar, jew approċċi, ta' korruzzjoni jew ta' intimidazzjoni ta’ plejers, flimkien ma’ mekkaniżmu adegwat għall-protezzjoni tal-informaturi;
7. Jitlob li l-korpi kollha ta' tmexxija tal-isports jikkommettu ruħhom favur prattiki ta' governanza tajba sabiex inaqqsu r-riskju li wieħed jisfa vittma tal-korruzzjoni; jirrakkomanda f’dan ir-rigward ir-rispett akbar tal-bilanċ bejn is-sessi fil-ħatra ta’ membri ta’ bordijiet u kumitati eżekuttivi tal-organizzazzjonijiet kollha, b’mod speċjali sabiex ifakkru li l-isport, u b’mod partikolari l-futbol, mhumiex biss il-prerogattiva magħluqa għall-irġiel; jemmen li dan it-tip ta' ftuħ ikun ifisser żieda fit-trasparenza;
8. Iħeġġeġ lill-Kumitat Eżekuttiv tal-FIFA jimplimenta riformi strutturali bil-għan li jwettaq it-trasparenza u r-responsabbiltà kif ukoll jiggarantixxi proċessi ta' teħid tad-deċiżjonijiet miftuħa, ibbilanċjati u demokratiċi fi ħdan l-assoċjazzjoni;
9. Huwa tal-fehma, f’dan ir-rigward, li r-riżenja ta' Joseph Blatter twitti t-triq għal dawn ir-riformi strutturali meħtieġa, li għandu jkollhom l-għan ukoll li jintefa' dawl fuq din il-kwistjoni u jiżguraw li ma jkun hemm ebda ripetizzjoni ta’ allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni bħal dawk li tebbgħu r-reputazzjoni tal-FIFA f’dawn l-aħħar snin; jemmen, barra minn hekk, li ssostituzzjoni immedjata ta' Blatter minn president interim li jservi sal-elezzjonijiet tal-FIFA li jmiss għandhom jiffaċilitaw dan il-proċess;
10. Jistieden lill-isponsers u x-xandara kuntrattati kollha, lill-isportivi nisa u rġiel, lis-sapporters kollha u lill-assoċjazzjonijiet sportivi nazzjonali u reġjonali, inkluż lill-UEFA, biex jinkoraġġixxu u jappoġġaw il-proċess ta’ riforma tal-FIFA billi pubblikament jiċħdu l-korruzzjoni fl-isport;
11. Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni għall-protezzjoni tal-integrità tal-isport; jitlob, għalhekk, li l-Istati Membri u l-federazzjonijiet sportivi jinformaw u jedukaw lill-isportivi u lill-konsumaturi b'mod adegwat, sa minn età żgħira u fil-livelli kollha tal-isport, kemm dawk tad-dilettanti kif ukoll dawk professjonali;
12. Iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet sportivi jistabbilixxu u jippersistu bi programmi preventivi u edukattivi komprensivi li jġibu magħhom obbligi ċari għall-klabbs, legi u federazzjonijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-minorenni, u jwaqqfu korp dixxiplinarju li jindirizza l-etika sportiva;
13. Jitlob lill-Kummissjoni tivverifika dwar l-implimentazzjoni effettiva mill-Istati Membri tad-Deċiżjoni Qafas dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat, u b’mod partikolari fir-rigward ta’ attivitajiet sportivi li jinkludu għadd kbir ta’ klabbs, federazzjonijiet, u l-interessi ewlenin tal-midja, u li jiġi żgurat li l-lakuni potenzjali li fadal fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri jkunu indirizzati b’mod li jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex tirrevedi r-regoli u l-kundizzjonijiet tas-suq li għandhom x’jaqsmu mal-ġlieda kontra s-settur tal-imħatri sportivi u li tinsisti dwar trasparenza xierqa fid-dikjarazzjoni tat-taxxa;
14. Jistieden lill-Istati Membri jiffirmaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Manipulazzjoni tal-Kompetizzjonijiet Sportivi, jew jekk diġà ffirmawha, biex jirratifikawha mill-aktar fis;
15. Jistieden lill-organizzazzjonijiet sportivi biex japplikaw standards ta’ governanza għoljin u konvinċenti, f'konformità mal-prijoritajiet tal-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport għall-2014-2017;
16. Jitlob li l-Istati Membri joħolqu unità speċjalizzata tal-infurzar tal-liġi li tikkumbatti l-korruzzjoni u sservi ta’ pern ċentrali għall-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni mal-partijiet interessati ewlenin, u li jesiġu li din tipprovdi informazzjoni dwar is-sejba ta’ irregolaritajiet potenzjali għal aktar investigazzjoni u għat-tressiq quddiem l-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni;
17. Jitlob li l-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġijiet Ewropej permezz ta’ timijiet ta’ investigazzjoni konġunti u ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' prosekuzzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiddaħħlu u jiġu infurzati b’mod effikaċi miżuri li jiġġieldu l-korruzzjoni, fil-livell tal-UE kif ukoll f’kuntest internazzjonali;
18. Jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu korpi regolatorji li jidentifikaw u jiġġieldu kontra attivitajiet illegali ta’ mħatri dwar l-isport u li jiġbru, jiskambjaw, janalizzaw u jxerrdu evidenza tax-xiri tal-logħob, ta' frodi fl-isport u suriet oħra ta’ korruzzjoni fl-isport, sew fl-Ewropa kif ukoll lil hinn minnha; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ aktar kooperazzjoni ma' regolaturi oħra, inkluż ma’ awtoritajiet tal-ħruġ ta’ liċenzji, korpi tal-infurzar u l-pulizija;
19. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni fost dawn il-korpi regolatorji fir-rigward ta' prattiki ta' korruzzjoni ta’ natura illegali jew suspettuża fl-organizzazzjonijiet sportivi;
20. Jilqa’ l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni (fi Frar 2015 għall-2014) ta’ rapport dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni darbtejn fis-sena, akkumpanjat minn analiżi tal-pajjiż għal kull Stat Membru li tinkludi rakkomandazzjonijiet imfassla apposta;
21. Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jimxi fuq il-miri tal-Pjan ta’ Ħidma attwali tal-UE għall-Isport għas-snin 2014-2017, filwaqt li jinsisti b’mod partikolari fuq l-iżvilupp ta’ programmi edukattivi fl-Istati Membri bil-għan li jitkattar l-għarfien dwar valuri sportivi bħalma huma l-integrità, il-fair play u r-rispett lejn l-oħrajn;
22. Iħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti sportivi (sponsors, midja, fondazzjonijiet u awtoritajiet pubbliċi u privati) biex joqogħdu estremament attenti dwar l-indipendenza reali tal-azzjoni tagħhom, u biex jivverifikaw minn qabel rigward attivitajiet tas-sħab tagħhom, sabiex terġa’ tinkiseb il-fiduċja fl-isports; ifakkar li l-Europol bdiet kampanja ta’ informazzjoni dwar il-logħob mixtri flimkien mal-FIFA u l-FIFPro, u jenfasizza li dawk l-azzjonijiet għadhom validi fl-ispirtu tagħhom u għandhom jitwettqu bi trasparenza totali ladarba tkun inkisbet lura ċarezza sħiħa rigward il-FIFA;
23. Jitlob li l-Kummissjoni tidentifika pajjiżi terzi li joħolqu problemi speċifiċi rigward ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fir-rigward ta’ avvenimenti sportivi li jseħħu kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE;
24. Jilqa’ l-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħasil tal-Flus, u jsejjaħ b'mod urġenti lill-Istati Membri biex jittrasponu u jimplimentaw din id-direttiva bħala kwistjoni ta’ prijorità;
25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Association Football (FIFA), l-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA), l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol, l-Assoċjazzjoni tal-Legi Ewropej tal-Futbol Professjonali (EPFL), l-Assoċjazzjoni tal-Klabbs Ewropej (ECA) u l-Federazzjoni Internazzjonali tal-Plejers Professjonisti tal-Futbol (FIFPro).
- [1] Testi adottati, P7_TA(2013)0098.
- [2] ĠU C 239 E, 20.8.2013, p. 46.
- [3] ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 121.