MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-rivelazzjonijiet reċenti ta' każijiet ta' korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-FIFA
8.6.2015 - (2015/2730(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Silvia Costa, Luigi Morgano, Marlene Mizzi, Marc Tarabella, Vilija Blinkevičiūtė, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Krystyna Łybacka, Sylvie Guillaume, Eider Gardiazabal Rubial, Emilian Pavel, Momchil Nekov, Giorgos Grammatikakis f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0548/2015
B8‑0549/2015
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rivelazzjonijiet reċenti ta' każijiet ta' korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-FIFA
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-iskandlu tal-korruzzjoni reċenti li jinvolvi għadd ta' uffiċjali għoljin tal-FIFA,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Jannar 2011 bit-titolu "L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport" (COM(2011)0012),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2012 dwar id-dimensjoni Ewropea fl-isport[1],
– wara li kkunsidra l-White Paper dwar l-Isport tal-Kummissjoni tal-11 ta' Lulju 2007 (COM(2007)0391),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2011 bit-titolu "Nissieltu kontra l-Korruzzjoni fl-UE" (COM(2011)0308),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 dwar ix-xiri tal-logħob u l-korruzzjoni fl-isport[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu[3],
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-UE Kontra l-Korruzzjoni, maħruġ mill-Kummissjoni fit-3 ta' Frar 2014 (COM(2014)0038),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Navracsics wara r-riżenja tal-President tal-FIFA, Joseph Blatter, fit-3 ta' Ġunju 2015,
– wara li kkunsidra l-programm tal-isport il-ġdid fl-ambitu ta' Erasmus+, li wieħed mill-għanijiet tiegħu huwa li jindirizza theddidiet transfruntieri għall-integrità tal-isport, bħad-doping, ix-xiri tal-logħob u l-vjolenza, kif ukoll kull tip ta' intolleranza u diskriminazzjoni, u li jippromwovi u jappoġġja l-governanza tajba fl-isport,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2012 għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, f'isem l-UE, fin-negozjati għal konvenzjoni internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa biex tiġi miġġielda l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport (COM(2012)0655),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Manipulazzjoni tal-Kompetizzjonijiet Sportivi tat-18 ta' Settembru 2014,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/ĠAI tat-22 ta' Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tal-21 ta' Mejju 2014 dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (2014-2017)[5],
– wara li kkunsidra l-"Programm ta' Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini",
– wara li kkunsidra l-qbil dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu (COM(2013)0045),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tat-23 ta' April 2015 dwar ir-riforma tal-governanza tal-futbol,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Istatuti tal-FIFA, li jistabbilixxi li l-objettivi tal-FIFA jinkludu dawn li ġejjin: "il-promozzjoni tal-integrità, l-etika u l-fair play fil-prospettiva tal-prevenzjoni ta' kull metodu jew prattika, bħall-korruzzjoni, id-doping jew il-manipulazzjoni tal-logħob, li jistgħu jipperikolaw l-integrità tal-logħob, il-kompetizzjonijiet, il-plejers, l-uffiċjali u l-membri jew jagħtu lok għal abbuż tal-Association Football",
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-integrità tal-organizzazzjonijiet sportivi hija ta' importanza kbira, peress li kemm l-isport professjonistiku, kif ukoll dak tad-dilettanti, jiżvolġu rwol fundamentali fil-promozzjoni globali tal-paċi, tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tas-solidarjetà, iġibu benefiċċji ekonomiċi u ta' saħħa lis-soċjetajiet u għandhom rwol essenzjali fl-għoti ta' importanza lill-valuri edukattivi u kulturali fundamentali kif ukoll fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali;
B. billi 14-il uffiċjal tal-FIFA, inkluż il-Viċi President, ġew arrestati nhar is-27 ta' Mejju 2015 mill-awtoritajiet Svizzeri fi Zurich;
C. billi l-arresti saru fuq talba tad-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti;
D. billi l-14-il uffiċjal tal-FIFA jinsabu taħt investigazzjoni mill-FBI minħabba korruzzjoni bl-involviment ta' tixħim li tammonta għal aktar minn USD 150 miljun;
E. billi l-awtoritajiet tal-Isvizzera u tal-Istati Uniti taw bidu wkoll għal investigazzjoni kriminali separata dwar il-modalitajiet tal-aġġudikazzjoni lir-Russja u lill-Qatar tal-Kampjonati tat-Tazza tad-Dinja tal-2018 u tal-2022 rispettivament;
F. billi l-isport jirrappreżenta settur kbir u li qed jespandi malajr tal-ekonomija tal-UE u jagħti kontribut importanti lit-tkabbir u lill-impjiegi, b'valur miżjud u effetti fuq l-impjiegi li jaqbżu r-rati medji tat-tkabbir;
G. billi l-korruzzjoni hija qasam tal-kriminalità partikolarment gravi b'dimensjoni transfruntiera u spiss għandha implikazzjonijiet lil hinn mill-fruntieri tal-UE, u billi l-UE għandha dritt ġenerali li taġixxi fil-qasam tal-politika kontra l-korruzzjoni;
H. billi l-Artikolu 67 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi li l-Unjoni għandha l-obbligu li tassigura livell għoli ta' sigurtà, anki permezz tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra l-kriminalità u l-approssimazzjoni tal-liġijiet kriminali, u billi l-Artikolu 83 tat-TFUE jelenka l-korruzzjoni fost il-kriminalità partikolarment gravi ta' dimensjoni transfruntiera;
I. billi l-Kummissjoni u l-Kunsill irrikonoxxew il-bżonn ta' sħubija bejn l-entitajiet ta' tmexxija tal-futbol u l-awtoritajiet pubbliċi għal finijiet ta' governanza tajba tal-logħba, li tirrispetta n-natura awtoregolatorja tal-isport professjonistiku u li wasslet għad-djalogu strutturat dwar l-isport;
J. billi l-korruzzjoni, jekk ma tiġix affrontata b'urġenza u b'mod adegwat, tista' timmina l-fiduċja fl-istituzzjonijiet sportivi u thedded l-integrità tal-isport kollu kemm hu;
K. billi l-avvenimenti sportivi ewlenin joffru opportunitajiet straordinarji biex jinfirxu l-valuri u l-prinċipji marbutin mal-isport;
L. billi t-trasparenza, ir-responsabbiltà u d-demokrazija – fi kliem ieħor, il-governanza tajba – fl-organizzazzjonijiet sportivi jikkostitwixxu rekwiżiti preliminari għal reġim awtoregolatorju, u għall-moviment sportiv biex jipprevjeni u jiġġieled kontra l-frodi u l-korruzzjoni fl-isport b'mod effikaċi u f'livell strutturat;
M. billi sal-lum 18-il pajjiż (inklużi disa' Stati Membri tal-UE) iffirmaw l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Manipulazzjoni tal-Kompetizzjonijiet Sportivi, iżda billi s'issa n-Norveġja biss irratifikatha; billi l-Konvenzjoni se tidħol fis-seħħ wara r-ratifika min-naħa ta' almenu ħames firmatarji (tlieta minnhom iridu jkunu membri tal-Kunsill tal-Ewropa), mistennija li ssir sal-2016;
N. billi l-Kummissarju inkarigat mill-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport, fid-dikjarazzjoni tiegħu tat-3 ta' Ġunju 2015, ikkundanna l-aħħar żviluppi fi ħdan il-FIFA u appella biex terġa' tinġieb il-fiduċja u tiġi stabbilita sistema soda ta' governanza tajba fi ħdan il-FIFA;
O. billi l-Parlament stieden lill-entitajiet ta' tmexxija tal-futbol jistabbilixxu aktar demokrazija, trasparenza, leġittimità u responsabbiltà (jiġifieri awditjar finanzjarju minn awtorità indipendenti inkarigata mill-awditjar) u governanza tajba, u talab lill-Kummissjoni tagħti gwida dwar kif l-awtoregolamentazzjoni leġittima u adegwata tista' tiġi sostnuta;
P. billi m'hemm l-ebda dubju li l-futbol huwa l-aktar logħba sportiva popolari fl-UE u fuq skala dinjija;
Q. billi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni tikkostitwixxi waħda mill-prijoritajiet tal-Programm ta' Stokkolma li qiegħed jiggwida lill-azzjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni;
1. Jieħu nota tal-att ta' akkuża mressaq mill-Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti, Loretta Lynch, li allegat korruzzjoni bla rażan, sistemika u radikata fi ħdan il-FIFA;
2. Jenfasizza li l-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni kontra l-FIFA u n-nuqqas ta' kredibbiltà tagħha se jħallu impatt devastanti fuq l-istruttura piramidali sħiħa tal-futbol, mill-ogħla skaluni tal-futbol professjonistiku sal-klabbs ta' dilettanti ż-żgħar;
3. Iqis li huwa ta' dispjaċir li l-istat attwali deplorevoli fi ħdan il-FIFA huwa profondament negattiv għar-reputazzjoni tal-futbol kollu kemm hu;
4. Jenfasizza enerġikament li l-futbol, bħala sport, mhuwiex imtebba' mill-kultura tal-korruzzjoni u jeħtieġ li jitħares, b'kull mezz, milli jkun stigmatizzat kaġun tal-iżviluppi attwali fi ħdan il-FIFA; itenni li l-futbol, u l-isport inġenerali, iħallu impatt soċjali pożittiv profond fuq il-ħajjiet ta' kuljum ta' miljuni ta' ċittadini;
5. Jenfasizza l-fatt li, fid-dawl tan-natura transnazzjonali tal-korruzzjoni fl-isport, l-isforzi biex din tal-aħħar tkun miġġielda jeħtieġu aktar kooperazzjoni effikaċi fost il-partijiet interessati, fosthom l-awtoritajiet pubbliċi, l-aġenziji inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġi, l-industrija sportiva, l-atleti u l-partitarji, u għandha tingħata enfasi anki lill-azzjoni mmirata lejn l-edukazzjoni u l-prevenzjoni f'dan il-qasam;
6. Jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, il-programm tal-isport il-ġdid fl-ambitu ta' Erasmus+, li jsostni lill-proġetti edukattivi transnazzjonali li jindirizzaw theddidiet transfruntieri għall-integrità tal-isport, bħad-doping, ix-xiri tal-logħob u l-vjolenza, kif ukoll kull tip ta' intolleranza u diskriminazzjoni, u li jimmira li jippromwovi u jappoġġja l-governanza tajba fl-isport;
7. Ifakkar li l-governanza tajba fl-isport hija kundizzjoni preliminari għall-awtonomija u għall-awtoregolamentazzjoni tal-organizzazzjonijiet sportivi, f'konformità mal-prinċipji tat-trasparenza, tar-responsabbiltà u tad-demokrazija, u jenfasizza l-bżonn ta' politika ta' tolleranza żero fir-rigward tal-korruzzjoni fl-isport; jenfasizza l-bżonn għal rappreżentanza xierqa tal-partijiet interessati kollha fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; huwa konvint li huma urġenti riformi strutturali fil-fond fi ħdan il-FIFA;
8. Iħeġġeġ lill-Kumitat Eżekuttiv tal-FIFA jimplimenta riformi strutturali bil-għan li jwettaq it-trasparenza u r-responsabbiltà u jiggarantixxi proċessi ta' teħid tad-deċiżjonijiet miftuħa, ibbilanċjati u demokratiċi fi ħdan il-FIFA;
9. Jemmen li dan ikun jeħtieġ proċess ta' riforma wiesa', inkluż rieżami tal-istatuti, tal-istruttura, tal-kodiċi u tal-politiki u l-prattiki operattivi tal-FIFA;
10. Jemmen li l-introduzzjoni ta' limiti għall-mandati tal-membri tal-Kumitat Eżekuttiv tal-FIFA, flimkien mat-trasparenza fir-rigward tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u r-rimunerazzjoni tal-livell maniġerjali eżekuttiv u għoli, hija fundamentali biex terġa' tinġieb il-kredibbiltà;
11. Iħeġġeġ lill-FIFA timplimenta standards etiċi rigorużi u kodiċi ta' kondotta għal-livell maniġerjali u għall-Kumitat Eżekuttiv tagħha, li għandhom jiġu sorveljati minn entità ta' monitoraġġ indipendenti;
12. Jistieden lill-isponsors u lix-xandara b'kuntratt jinkoraġġixxu u jsostnu proċess ta' riforma fi ħdan il-FIFA billi joħorġu dikjarazzjonijiet pubbliċi kontra l-korruzzjoni fl-isport;
13. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw u jagħtu prijorità lix-xogħol u lill-azzjonijiet relatati mal-governanza tajba fi ħdan il-Pjan ta' Ħidma tal-UE għall-Isport, u jaċċertaw li l-assoċjazzjonijiet nazzjonali jkunu involuti bis-sħiħ fl-azzjoni mmirata lejn it-titjib tal-governanza fil-livell Ewropew u internazzjonali;
14. Isostni s-sħubijiet pubbliċi-privati li jirrappreżentaw l-interessi sportivi, u l-awtoritajiet antikorruzzjoni, fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil ta' flus fl-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mas-settur tal-isport;
15. Jistieden lill-Kummissjoni, f'koordinament mal-Istati Membri u f'kooperazzjoni mal-Interpol, ma' Europol u ma' Eurojust, tadotta provvedimenti adegwati biex tindirizza kull indikazzjoni eventwali ta' korruzzjoni min-naħa tal-uffiċjali tal-FIFA fit-territorju tal-UE;
16. Jitlob li l-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġijiet Ewropej permezz ta' timijiet ta' investigazzjoni konġunta u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' prosekuzzjoni; jenfasizza l-bżonn ta' introduzzjoni u ta' eżekuzzjoni effikaċi tal-miżuri biex jiġu miġġielda l-attivitajiet illegali fl-isport u tiġi garantita l-integrità effikaċi tal-organizzazzjonijiet ta' tmexxija tagħhom;
17. Jistieden lill-Istati Membri jiffirmaw l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Manipulazzjoni tal-Kompetizzjonijiet Sportivi u lill-firmatarji tagħha jirratifikawha mill-aktar fis;
18. Jilqa' pożittivament il-ftehim reċenti dwar ir-Raba' Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus; jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina b'mod konsistenti l-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus biex tiżgura li jkun hemm skrutinju suffiċjenti tal-entitajiet ta' tmexxija tal-isport reġistrati fl-UE u l-uffiċjali tagħhom;
19. Jinsisti li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fir-rigward tal-governanza tal-FIFA tkun ukoll akkumpanjata minn impenji u miżuri ċari min-naħa tal-FIFA kontra forom oħrajn ta' korruzzjoni, partikolarment ix-xiri tal-logħob;
20. Jisħaq fuq il-bżonn li r-riformi kollha tal-futur fl-ambitu tal-futbol professjonali jinkludu provvedimenti sostanzjali li jħarsu d-drittijiet tal-atleti, tal-ħarrieġa u tat-timijiet; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza li tkun indirizzata s-sjieda ta' terzi tal-atleti fl-isport Ewropew;
21. Jissottolinja l-importanza enormi tal-investigazzjoni tas-sistemi ġudizzjarji tal-Isvizzera u tal-Istati Uniti fid-deċiżjoni, meħuda mill-Kumitat Eżekuttiv tal-FIFA, li taġġudika l-Kampjonati tat-Tazza tad-Dinja tal-2018 u tal-2022 lir-Russja u lill-Qatar rispettivament;
22. Jitlob lill-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA) u lill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw, sal-2016, il-miżuri ta' riforma fundamentali fi ħdan il-FIFA;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Association Football (FIFA), lill-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA), lill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol, lill-Assoċjazzjoni tal-Legi Ewropej tal-Futbol Professjonali (EPFL), lill-Assoċjazzjoni tal-Klabbs Ewropej (ECA) u lill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Plejers Professjonisti tal-Futbol (FIFPRO).
- [1] ĠU C 239 E, 20.8.2013, p. 46.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2013)0098.
- [3] Testi adottati, P7_TA(2013)0444.
- [4] ĠU L 192, 31.7.2003, p. 54.
- [5] ĠU C 183, 14.6.2014, p. 12.