MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-rivelazzjonijiet reċenti ta' każijiet ta' korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-FIFA
8.6.2015 - (2015/2730(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Petr Ježek, Frédérique Ries, Ramon Tremosa i Balcells, Dita Charanzová, Pavel Telička, Sophia in ‘t Veld, Catherine Bearder, Gérard Deprez, Petras Auštrevičius, Ivo Vajgl, Marielle de Sarnez, Johannes Cornelis van Baalen, Louis Michel, Hannu Takkula, Fernando Maura Barandiarán, Izaskun Bilbao Barandica, Urmas Paet, Kaja Kallas f'isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0548/2015
B8‑0550/2015
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rivelazzjonijiet reċenti ta' każijiet ta' korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-FIFA
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Jannar 2011 bit-titolu "L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport" (COM(2011)0012),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2012 dwar id-dimensjoni Ewropea fl-isport[1],
– wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni dwar l-Isport (COM(2007)0391),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2011 bit-titolu "Nissieltu kontra l-Korruzzjoni fl-UE" (COM(2011)0308),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 dwar ix-xiri tal-logħob u l-korruzzjoni fl-isport[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 taʼ Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu[3],
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-UE Kontra l-Korruzzjoni, maħruġ mill-Kummissjoni fit-3 ta' Frar 2014 (COM(2014)0038),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/ĠAI tat-22 ta' Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tal-21 ta' Mejju 2014 dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (2014-2017)[5],
– wara li kkunsidra l-''Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini'',
– wara li kkunsidra l-qbil dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu (Ir-Raba' Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tat-23 ta' April 2015 dwar ir-riforma tal-governanza tal-futbol,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Istatuti tal-FIFA, li jistabbilixxi li l-objettivi tal-FIFA jinkludu dawn li ġejjin: "il-promozzjoni tal-integrità, l-etika u l-fair play fil-prospettiva tal-prevenzjoni ta' kull metodu jew prattika, bħall-korruzzjoni, id-doping jew il-manipulazzjoni tal-logħob, li jistgħu jipperikolaw l-integrità tal-logħob, il-kompetizzjonijiet, il-plejers, l-uffiċjali u l-membri jew jagħtu lok għal abbuż tal-Association Football",
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi 14-il uffiċjal tal-FIFA, inkluż il-Viċi President tagħha, ġew arrestati nhar is-27 ta' Mejju 2015 mill-awtoritajiet Svizzeri fi Zurich; billi l-arresti saru fuq talba tad-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti abbażi ta' akkużi ta' ħasil tal-flus, intrigi ta' qerq, tixħim u frodi;
B. billi l-14-il uffiċjal tal-FIFA li ġew arrestati jinsabu taħt investigazzjoni mill-FBI tal-Istati Uniti minħabba korruzzjoni bl-involviment ta' tixħim li jammonta għal aktar minn USD 150 miljun;
C. billi huwa fatt ippruvat li l-FIFA għal ħafna snin operat bħala organizzazzjoni mingħajr l-obbligu li tagħti rendikont ta' għemilha lil xi ħadd, opaka u notorjament korrotta; billi l-arresti reċenti jikkonfermaw li l-frodi u l-korruzzjoni fil-FIFA huma sistematiċi, mifruxa u persistenti aktar milli jinvolvu każijiet iżolati ta' mġiba ħażina, kif iddikjara l-ex President tal-FIFA, Joseph Blatter;
D. billi l-awtoritajiet tal-Isvizzera u tal-Istati Uniti taw bidu wkoll għal investigazzjoni kriminali separata dwar il-modalitajiet tal-aġġudikazzjoni lir-Russja u lill-Qatar tal-Kampjonati tat-Tazza tad-Dinja tal-2018 u tal-2022 rispettivament;
E. billi l-elezzjoni mill-ġdid ta' Joseph Blatter min-naħa tal-FIFA bħala president u d-deċiżjoni tagħha li ma tippubblikax ir-riżultati ta' inkjesta interna dwar l-għażla tar-Russja u l-Qatar biex jospitaw it-Tazzi tad-Dinja tal-2018 u l-2022 rispettivament, juru li kienet qed taġixxi b'mod irresponsabbli u mingħajr l-obbligu li tagħti rendikont ta' għemilha u baqgħet mhux lesta tirriforma jew tagħmel il-bidliet meħtieġa biex ittejjeb il-governanza tal-futbol internazzjonali;
F. billi r-riżenja ta' Joseph Blatter u l-arresti ta’ uffiċjali tal-FIFA ħolqu l-kundizzjonijiet għal riformi radikali fl-istrutturi u l-prattiki tal-FIFA biex tittejjeb il-governanza tagħha u biex tiġġieled il-korruzzjoni fl-organizzazzjoni;
G. billi l-integrità tal-organizzazzjonijiet sportivi hija ta' importanza kbira, peress li kemm l-isport professjonali, u kemm dak tad-dilettanti, jiżvolġu rwol fundamentali fil-promozzjoni globali tal-paċi, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u s-solidarjetà, iġibu benefiċċji ekonomiċi u tas-saħħa lis-soċjetajiet u għandhom rwol essenzjali fl-għoti ta' importanza lil valuri edukattivi u kulturali fundamentali kif ukoll fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali;
H. billi l-avvenimenti sportivi ewlenin joffru opportunitajiet straordinarji biex jinfirxu l-valuri u l-prinċipji marbutin mal-isport;
I. billi l-isport jirrappreżenta settur kbir u li qed jespandi malajr tal-ekonomija tal-UE u jagħti kontribut importanti lit-tkabbir u lill-impjiegi, b'valur miżjud u effetti fuq l-impjiegi li jaqbżu r-rati medji tat-tkabbir;
J. billi l-futbol huwa sport b'viżibilità soċjali kbira li jeħtieġ l-ogħla standards ta' governanza; billi l-governanza tal-futbol internazzjonali teħtieġ riforma urġenti;
K. billi s-sitwazzjoni fil-FIFA ma kinitx tilħaq is-sitwazzjoni attwali li kieku l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol għamlu l-isforzi kollha possibbli biex dan ma jiġrix;
L. billi l-korruzzjoni hija qasam tal-kriminalità partikolarment gravi b'dimensjoni transfruntiera, u spiss għandha implikazzjonijiet lil hinn mill-fruntieri tal-UE, u billi l-UE għandha dritt ġenerali li taġixxi fil-qasam tal-politika kontra l-korruzzjoni;
M. billi l-Artikolu 67 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula li l-Unjoni għandha l-obbligu li tiżgura livell għoli ta' sigurtà, fost l-oħrajn permezz tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u tal-approssimazzjoni tal-liġijiet kriminali; billi l-Artikolu 83 TFUE jsemmi l-korruzzjoni bħala qasam tal-kriminalità partikolarment gravi b'dimensjoni transkonfinali;
N. billi l-korruzzjoni, jekk ma tiġix affrontata b'urġenza u b'mod adegwat, tista' tkompli timmina l-fiduċja fl-istituzzjonijiet sportivi u thedded l-integrità tal-isport kollu kemm hu;
O. billi l-Kummissjoni u l-Kunsill irrikonoxxew il-bżonn ta' sħubija bejn l-entitajiet ta' tmexxija tal-futbol u l-awtoritajiet pubbliċi għal finijiet ta' governanza tajba tal-logħba, li tirrispetta n-natura awtoregolatorja tal-isport professjonali u li wasslet għad-djalogu strutturat dwar l-isport;
P. billi t-trasparenza, ir-responsabbiltà u d-demokrazija – fi kliem ieħor, il-governanza tajba – fl-organizzazzjonijiet sportivi jikkostitwixxu rekwiżiti preliminari għal reġim awtoregolatorju ta' dan it-tip, u għall-moviment sportiv biex jipprevjeni u jiġġieled kontra l-frodi u l-korruzzjoni fl-isport b'mod effikaċi u strutturat;
Q. billi l-Kummissarju inkarigat mill-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport, fid-dikjarazzjoni tiegħu tat-3 ta' Ġunju 2015, ikkundanna l-aħħar żviluppi fi ħdan il-FIFA u appella biex terġa' tinġieb il-fiduċja u tiġi stabbilita sistema soda ta' governanza tajba fi ħdan il-FIFA;
R. billi l-Parlament stieden lill-entitajiet ta' tmexxija tal-futbol jistabbilixxu aktar demokrazija, trasparenza, leġittimità u responsabbiltà (jiġifieri awditjar finanzjarju minn awtorità indipendenti inkarigata mill-awditjar) u governanza tajba, u talab lill-Kummissjoni tagħti gwida dwar kif l-awtoregolamentazzjoni leġittima u adegwata tista' tiġi sostnuta;
S. billi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni tikkostitwixxi waħda mill-prijoritajiet tal-Programm ta' Stokkolma, li qiegħed jiggwida l-azzjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni;
1. Japprova l-akkuża mill-Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti Lynch li tallega korruzzjoni fi ħdan il-FIFA li hija rampanti, sistematika u profonda;
2. Jenfasizza li l-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni kontra l-FIFA u n-nuqqas ta' kredibbiltà tagħha se jħallu impatt devastanti fuq l-istruttura piramidali sħiħa tal-futbol, mill-ogħla skaluni tal-futbol professjonali sal-klabbs tad-dilettanti ż-żgħar;
3. Iqis li huwa ta' dispjaċir li l-istat attwali deplorevoli fi ħdan il-FIFA huwa profondament negattiv għar-reputazzjoni tal-futbol kollu kemm hu;
4. Jenfasizza bil-qawwa li l-futbol, bħala sport, mhuwiex pertinenti għall-kultura tal-korruzzjoni u jeħtieġ li jitħares, b'kull mezz, milli jkun stigmatizzat kaġun tal-iżviluppi attwali fi ħdan il-FIFA; itenni li l-futbol u l-isport inġenerali jħallu impatt pożittiv profond fuq il-ħajja ta' kuljum ta' miljuni ta' ċittadini, partikolarment iż-żgħażagħ;
5. Jinsab konvint li hemm bżonn b'urġenza ta' riformi strutturali fil-fond fi ħdan il-FIFA;
6. Jilqa' r-riżenja ta' Joseph Blatter minn President tal-FIFA, u l-investigazzjonijiet kriminali li attwalment qed jitwettqu li għandhom iwasslu għal riformi biex jiżguraw trasparenza u responsabbiltà sħaħ fi ħdan il-FIFA;
7. Iħeġġeġ lill-Kumitat Eżekuttiv tal-FIFA jimplimenta riformi strutturali bil-għan li jistabbilixxi trasparenza u responsabbiltà u jiggarantixxi proċessi ta' teħid tad-deċiżjonijiet miftuħa, ibbilanċjati u demokratiċi fi ħdan l-assoċjazzjoni;
8. Jemmen li dan ikun jeħtieġ proċess ta' riforma wiesa', inkluż rieżami tal-istatuti, l-istruttura, il-kodiċi u l-politiki u l-prattiki operattivi tal-FIFA;
9. Jemmen li l-introduzzjoni ta' limiti ta' żmien għall-mandati tal-membri tal-Kumitat Eżekuttiv, inkluż il-president, u ta' diliġenza dovuta indipendenti għalihom, flimkien ma' trasparenza fir-rigward tal-proċessi deċiżjonali u r-rimunerazzjoni tal-livell maniġerjali eżekuttiv u għoli, huma essenzjali biex jerġa' jkun hemm kredibbiltà u fiduċja;
10. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-FIFA twettaq awditu finanzjarju estern u għalkollox indipendenti li jivvaluta l-affidabbiltà tar-rapporti finanzjarji tagħha;
11. Iħeġġeġ lill-FIFA timplimenta standards etiċi rigorużi u kodiċi ta' kondotta għal-livell maniġerjali u għall-Kumitat Eżekuttiv tagħha, li għandhom jiġu sorveljati minn entità ta' monitoraġġ indipendenti;
12. Jappella lill-isponsors u lix-xandara kollha b'kuntratt biex jeżiġu u jsostnu proċess ta' riforma fi ħdan il-FIFA billi joħorġu dikjarazzjonijiet pubbliċi kontra l-korruzzjoni fl-isport, u biex jagħtu segwitu għal kliemhom permezz ta' pressjoni kontinwa;
13. Jenfasizza l-fatt li, fid-dawl tan-natura transnazzjonali tal-korruzzjoni fl-isport, l-isforzi biex din tal-aħħar tkun miġġielda jeħtieġu aktar kooperazzjoni effikaċi fost il-partijiet interessati, fosthom l-awtoritajiet pubbliċi, l-aġenziji inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġi, l-industrija sportiva, l-atleti u l-partitarji, u għandha tingħata enfasi anki lill-azzjoni mmirata lejn l-edukazzjoni u l-prevenzjoni f'dan il-qasam;
14. Ifakkar li l-governanza tajba fl-isport hija kundizzjoni preliminari għall-awtonomija u għall-awtoregolamentazzjoni tal-organizzazzjonijiet sportivi, f'konformità mal-prinċipji tat-trasparenza, ir-responsabbiltà u d-demokrazija, u jenfasizza l-bżonn ta' politika ta' tolleranza żero fir-rigward tal-korruzzjoni fl-isport; jenfasizza l-bżonn ta' rappreżentanza xierqa tal-partijiet interessati kollha fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jinnota li jistgħu jiġu adottati l-aħjar prattiki ta’ organizzazzjonijiet sportivi oħra;
15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw u jagħtu prijorità lix-xogħol u lill-azzjonijiet relatati mal-governanza tajba fi ħdan il-Pjan ta' Ħidma tal-UE għall-Isport, u jaċċertaw li l-assoċjazzjonijiet nazzjonali jkunu involuti bis-sħiħ fl-azzjoni mmirata lejn it-titjib fil-governanza fil-livell Ewropew u internazzjonali;
16. Jistieden lill-Kummissjoni biex, b'mod ikkoordinat mal-Istati Membri u f'kooperazzjoni mal-Interpol, il-Europol u l-Eurojust, tieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex tiġi indirizzata kwalunkwe indikazzjoni ta' korruzzjoni possibbli min-naħa tal-FIFA jew mill-uffiċjali tal-assoċjazzjonijiet tal-futbol nazzjonali fit-territorju tal-UE, u biex tikkoopera bis-sħiħ mal-awtoritajiet investigattivi tal-Istati Uniti u tal-Isvizzera;
17. Jitlob li l-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġijiet Ewropej permezz ta’ timijiet ta’ investigazzjoni konġunta u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' prosekuzzjoni; jenfasizza l-bżonn tal-introduzzjoni u l-infurzar effettiv tal-miżuri biex jiġu miġġielda l-attivitajiet illegali fl-isport u tiġi garantita l-integrità effikaċi tal-organizzazzjonijiet ta' tmexxija tagħhom;
18. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-ftehim reċenti rigward il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ħasil ta' flus hijiex biżżejjed biex tindirizza l-ħasil ta' flus minn entitajiet ta' tmexxija sportivi reġistrati fl-UE u mill-uffiċjali tagħhom, u jekk huwiex meħtieġ isir aġġustament li jippermetti biżżejjed skrutinju tal-kontijiet bankarji tagħhom;
19. Jinsisti li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fir-rigward tal-governanza tal-FIFA tkun ukoll akkumpanjata minn impenji ċari u provvedimenti min-naħa tal-FIFA kontra forom oħrajn ta' korruzzjoni, partikolarment ix-xiri tal-logħob;
20. Jisħaq fuq il-bżonn li r-riformi futuri kollha fl-ambitu tal-futbol professjonali jinkludu provvedimenti sostanzjali li jħarsu d-drittijiet tal-atleti, tal-ħarrieġa u tat-timijiet; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza li tkun indirizzata s-sjieda ta' terzi tal-atleti fl-isport Ewropew;
21. Ifakkar fl-importanza ta’ regoli ċari u trasparenti għall-għoti tal-Kampjonati tat-Tazza tad-Dinja, u li jiġi żgurat l-istabbiliment ta’ informazzjoni adegwata u makkinarju ta' superviżjoni, sabiex ikun żgurat li din il-proċedura tiggarantixxi l-ugwaljanza bejn il-pajjiżi li jagħmlu l-offerti u d-deċiżjoni finali bbażata strettament fuq il-mertu tal-proġetti tagħhom;
22. Jissottolinja l-importanza enormi tal-investigazzjoni mill-awtoritajiet ġuridiċi tal-Isvizzera u tal-Istati Uniti dwar id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv tal-FIFA li jaġġudikaw il-Kampjonati tat-Tazza tad-Dinja tal-1998, l-2010, l-2018 u l-2022 lill-Franza, l-Afrika t'Isfel, ir-Russja u l-Qatar rispettivament; jistieden lill-FIFA f’dan ir-rigward tippubblika ir-Rapport Garcia b’mod sħiħ;
23. Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-investigazzjoni sussegwenti dwar prattiki ta’ korruzzjoni fil-passat fi ħdan il-FIFA tinkludi, fejn ikun ġustifikat, it-tneħħija ta’ kull uffiċjal involut f’kondotta ħażina finanzjarja, u rieżami tad-deċiżjonijiet li jaġġudikaw it-Tazzi tad-Dinja tal-2018 u tal-2022 lir-Russja u lill-Qatar, rispettivament; jitlob lill-UE timmonitorja mill-qrib dan il-proċess u tippermetti l-kundizzjonijiet meħtieġa biex issir investigazzjoni esterna imparzjali;
24. Jistieden lill-organizzazzjonijiet sportivi internazzjonali kollha, u b’mod partikolari lill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (IOC), il-FIFA u l-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA) jiżguraw li kwalunkwe pajjiż li joffri biex jospita avveniment sportiv importanti jintrabat, fl-attivitajiet kollha marbuta mal-organizzazzjoni u t-tmexxija tal-avveniment, li jirrispetta l-istandards internazzjonali rigward id-drittijiet fundamentali;
25. Jitlob lill-organizzazzjonijiet sportivi internazzjonali jintroduċu proċeduri li jivverifikaw l-integrità u mekkaniżmi biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkastigaw l-atti kollha ta’ korruzzjoni u misapproprjazzjoni finanzjarja;
26. Jitlob lill-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol u lill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol iżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw miżuri ta’ riforma fundamentali fi ħdan il-FIFA, u b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet stipulati f’din ir-riżoluzzjoni, kemm direttament u kemm permezz tar-rappreżentanti tagħhom fil-Kumitat Eżekuttiv tal-FIFA, sa tmiem l- 2016;
27. Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw jirtiraw it-timijiet nazzjonali tal-UE mit-Tazzi tad-Dinja tal-2018 u l-2022 u jiffriżaw l-assi finanzjarji tal-FIFA fl-UE jekk ma jsirx it-tibdil meħtieġ;
28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Association Football (FIFA), l-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA), l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol, l-Assoċjazzjoni tal-Legi Ewropej tal-Futbol Professjonali (EPFL), l-Assoċjazzjoni tal-Klabbs Ewropej (ECA) u l-Federazzjoni Internazzjonali tal-Plejers Professjonisti tal-Futbol (FIFPRO).
- [1] ĠU C 239E, 20.8.2013, p. 46.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2013)0098.
- [3] Testi adottati, P7_TA(2013)0444.
- [4] ĠU L 192, 31.7.2003, p. 54.
- [5] ĠU C 183, 14.6.2014, p. 12.