Proċedura : 2015/2730(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0571/2015

Testi mressqa :

B8-0571/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/06/2015 - 5.5
CRE 11/06/2015 - 5.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0233

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 147kWORD 303k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0548/2015
8.6.2015
PE558.925v01-00
 
B8-0571/2015

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-rivelazzjonijiet reċenti ta' każijiet ta' korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-FIFA (2015/2730(RSP))


Daniel Dalton, Andrew Lewer, Angel Dzhambazki, Zdzisław Krasnodębski, Emma McClarkin f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rivelazzjonijiet reċenti ta' każijiet ta' korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-FIFA (2015/2730(RSP))  
B8‑0571/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2012 dwar id-dimensjoni Ewropea fl-isport(1),

–       wara li kkunsidra l-Pjan ta' Ħidma tal-UE għall-Isport (2014-2017),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 dwar ix-xiri tal-logħob u l-korruzzjoni fl-isport(2),

–       wara li kkunsidra l-White Paper dwar l-Isport tal-Kummissjoni tal-11 ta' Lulju 2007 (COM(2007)0391),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Jannar 2011 bit-titolu "L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport" (COM(2011)0012),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2011 bit-titolu "Nissieltu kontra l-Korruzzjoni fl-UE" (COM(2011)0308),

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet adottati tat-13-il Konferenza tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ministri responsabbli għall-Isport tat-18 ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja dwar standards internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-proliferazzjoni,

–       wara li kkunsidra r-Raba' Pakkett kontra l-ħasil tal-flus tal-Unjoni Ewropea li għadu kif ġie adottat,

–       wara li kkunsidra l-Objettiv 2(e) tal-Istatuti tal-FIFA, li ġew adottati fl-64 Kungress tal-FIFA f'São Paulo fil-11 ta' Ġunju 2014 u li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' April 2015: "il-promozzjoni tal-integrità, l-etika u l-fair play fil-prospettiva tal-prevenzjoni ta' kull metodu jew prattika, bħall-korruzzjoni, id-doping jew il-manipulazzjoni tal-logħob, li jistgħu jipperikolaw l-integrità tal-logħob, il-kompetizzjonijiet, il-plejers, l-uffiċjali u l-membri jew jagħtu lok għal abbuż tal-Association Football",

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi fis-27 ta' Mejju 2015, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Uniti ressqu 14-il uffiċjal, li disa' minnhom huma persunal eżekuttiv attwali jew preċedenti tal-FIFA, b'akkużi ta' rikattar organizzat, frodi permezz ta' mezzi eletroniċi u assoċjar għal skopijiet ta' ħasil ta' flus, fost reati oħra, fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-akkużati fi skema tul 24 sena biex jistagħnaw permezz tal-korruzzjoni fil-futbol internazzjonali; billi fl-istess ħin kienu mħabbra l-istqarrijiet ta' ħtija ta' erba' individwi akkużati u ta' żewġ persuni ġuridiċi akkużati;

B.     billi l-akkużati kienu allegatament ħallsu b'mod sistematiku, jew qablu li jħallsu, aktar minn USD 150 miljun f'tixħim u tanġenti biex jiksbu drittijiet tal-midja u tal-marketing, li jrendu ħafna flus, għal tournaments tal-futbol internazzjonali;

C.     billi minkejja l-arresti u l-akkużi li saru fil-konfront tal-persunal eżekuttiv tal-FIFA u l-kriżi li kienet qed taħkem l-organizzazzjoni, Sepp Blatter ġie elett fid-29 ta' Mejju 2015 bħala President tal-FIFA għall-ħames mandat tiegħu; billi huwa ħabbar nhar it-Tlieta, t-2 ta' Ġunju li kien se jirriżenja mill-kariga tiegħu;

D.     billi r-rwol ewlieni tal-FIFA kellu jkun biex iservi bħala l-gwardjan tal-aktar sport popolari fid-dinja, u minflok il-membri tagħha ppruvaw jagħmlu gwadann personali mill-passjoni tad-dilettanti ta' din il-logħba;

E.     billi l-isport huwa l-akbar moviment mhux governattiv fl-Ewropa u l-korruzzjoni fl-isport tippreġudika b'mod sinifikanti l-fiduċja tal-pubbliku fis-sens ta' ġustizzja tal-isport, li huwa bbażat fuq il-prinċipji tal-onestà u tal-'fair play';

F.     billi l-futbol huwa fuq quddiem nett ta' dan il-moviment globali, u jintlagħab u jitgawda minn miljuni ta' persuni madwar id-dinja, u li jġib miegħu diversi benefiċċji soċjali, politiċi u ekonomiċi li għandhom jiġu mħarsa;

G.     billi korpi sportivi internazzjonali bħal ma hija l-FIFA għandhom iżommu l-ogħla livelli ta' governanza, trasparenza u rispett tal-obbligu ta' rendikont, kif inhu mistenni mill-korpi sportivi nazzjonali tagħna, u jsegwu l-eżempju tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, b'mod partikolari, li implimenta b'suċċess riformi sinifikanti ta' governanza wara l-iskandlu tal-korruzzjoni u tal-pressjoni mill-impriżi li jisponsorizzaw, mill-uffiċjali tal-isports u mill-Membri tal-Kungress tal-Istati Uniti fil-Logħob tax-Xitwa ta' Salt Lake City tal-2002;

H.     billi l-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus minn korpi u organizzazzjonijiet internazzjonali;

I.      billi huwa essenzjali li jiġu żviluppati standards internazzjonali effettivi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inkluż permezz ta' kooperazzjoni mal-EUROPOL u ma' awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi;

J.      billi l-għanijiet tal-FIFA hekk kif jirriżultaw mill-Istatuti, li ġew adottati fl-64 Kungress tal-FIFA f'São Paulo, fil-11 ta' Ġunju 2014, u li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' April 2015, jinkludu l-promozzjoni tal-"integrità, l-etika u l-fair play bil-ħsieb li jiġu evitati l-metodi jew prattiċi kollha, bħall-korruzzjoni, id-doping jew il-manipulazzjoni tal-partiti, li jistgħu jipperikolaw l-integrità ta' partiti, kompetizzjonijiet, Plejers, Uffiċjali u l-Membri jew jagħtu lok għal abbuż tal-Assoċjazzjonijiet tal-Futbol";

1.      Jesprimi r-rabja tiegħu dwar l-allegazzjonijiet xokkanti u ta' stmerrija ta' korruzzjoni miġjuba kontra l-FIFA; jiddikjara l-fehma tiegħu li ma kien xejn sorpriż b'dawn l-allegazzjonijiet;

2.      Jistieden lill-organizzazzjonijiet sportivi, lill-Istati Membri u lill-UE jikkooperaw bis-sħiħ mal-investigazzjonijiet kollha li għaddejjin u dawk futuri dwar allegazzjonijiet ta' prattiki korrotti fi ħdan il-FIFA;

3.      Jesprimi l-fehma kostanti tiegħu li l-FIFA hija organizzazzjoni li għandha difetti fundamentali u korrotta u jemmen li din l-organizzazzjoni ppreġudikat serjament l-integrità tal-futbol dinji;

4.      Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-FIFA issa trid tgħaddi minn perjodu sostanzjali ta' bidla fejn irid ikun hemm titjib sinifikanti fil-governanza, fit-trasparenza u fl-obbligu ta' rendikont tagħha, sabiex il-futbol jerġa jikseb il-kredibilità;

5.      Ifaħħar il-ġurnaliżmu investigattiv li qajjem tħassib serju dwar korruzzjoni fi ħdan il-FIFA u fil-proċess tal-għażla tat-Tazza tad-Dinja;

6.      Jikkundanna n-nuqqas tal-FIFA li tiżvela b'mod komplet il-Garcia Report fil-proċess kontroversjali tal-għażla tat-Tazza tad-Dinja tal-2018 u tal-2022, wara li kienet qablet li tippubblikah f'Diċembru 2014, iżda li s'issa naqset milli tagħmel dan;

7.      Jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li l-kredibilità tal-FIFA bħala l-korp li jmexxi l-futbol dinji, u għaldaqstant il-kapaċità tiegħu li jgħaqqad il-futbol dinji, se jibqa' mtebba sakemm tinħattar tmexxija ġdida, li ma tistax isseħħ qabel disa' xhur oħra; jistieden lill-FIFA biex tagħżel mexxej xieraq ad interim biex minnufih jieħu post Sepp Blatter;

8.      Jitlob li jkun hemm impenn bla rażan mill-FIFA għal rieżami ddettaljat tad-deċiżjonijiet u tal-proċeduri tal-passat u tal-preżent u għal trasparenza sħiħa għall-ġejjieni, bil-ħsieb li jiġu stabbiliti proċeduri awtoregolatorji interni, ġestjoni ta' riżorsi finanzjarji li ma tistax tiġi immaqdra, u mekkaniżmi effettivi ta' identifikazzjoni, investigazzjoni u ta' sanzjoni;

9.      Jemmen li riformi futuri għandhom jinkludu verifiki rigorużi ta' kandidati u nomini għal pożizzjonijiet eżekuttivi u reviżjoni tal-Kumitat għall-Etika tal-FIFA u tal-Kumitat għall-Verifika u l-Konformità, biex jinkludu elettorat u qafas ta' referenza iktar wiesa';

10.    Jappoġġja l-appell tal-kampanja "New FIFA Now" għall-istabbiliment ta' Kummissjoni mhux governattiva ta' Riforma tal-FIFA indipendenti li tkun ssorveljata minn awtorità internazzjonali indipendenti;

11.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Association Football (FIFA), lill-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA), lill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol, lill-Assoċjazzjoni tal-Legi Ewropej tal-Futbol Professjonali (EPFL), lill-Assoċjazzjoni tal-Klabbs Ewropej (ECA) u lill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Plejers Professjonisti tal-Futbol (FIFPRO).

(1)

ĠU C 239 E, 20.8.2013, p. 46.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2013)0098).

Avviż legali - Politika tal-privatezza