Proċedura : 2015/2730(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0573/2015

Testi mressqa :

B8-0573/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/06/2015 - 5.5
CRE 11/06/2015 - 5.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0233

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 163kWORD 105k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0548/2015
8.6.2015
PE558.927v01-00
 
B8-0573/2015

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-rivelazzjonijiet reċenti ta' każijiet ta' korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-FIFA (2015/2730(RSP))


Curzio Maltese, Pablo Iglesias, Marisa Matias, Eleonora Forenza, Lynn Boylan, Patrick Le Hyaric, Fabio De Masi, Kostadinka Kuneva, Lola Sánchez Caldentey, Sofia Sakorafa f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rivelazzjonijiet reċenti ta' każijiet ta' korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-FIFA (2015/2730(RSP))  
B8‑0573/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Jannar 2011 intitolata “L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport” (COM(2011)0012),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2012 dwar id-dimensjoni Ewropea fl-isport(1),

–       wara li kkunsidra l-White Paper dwar l-Isport tal-Kummissjoni tal-11 ta' Lulju 2007 (COM(2007)0391),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2011 intitolata "Nissieltu kontra l-Korruzzjoni fl-UE" (COM(2011)0308),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 dwar ix-xiri tal-logħob u l-korruzzjoni fl-isport(2),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu(3),

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-UE kontra l-korruzzjoni, maħruġ mill-Kummissjoni fit-3 ta' Frar 2014 (COM(2014)0038),

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/ĠAI tat-22 ta' Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat(4),

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tal-21 ta' Mejju 2014 dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (2014-2017)(5),

–       wara li kkunsidra l-"Programm ta' Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini",

–       wara li kkunsidra l-qbil dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu (COM(2013)0045),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tat-23 ta' April 2015 dwar ir-riforma tal-governanza tal-futbol,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom tat-1990,

–       wara li kkunsidra tnejn mill-konvenzjonijiet bażiċi tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat tal-1930 (C029) u l-Konvenzjoni dwar l-Abolizzjoni tax-Xogħol Furzat tal-1957 (C105),

–       wara li kkunsidra r-ratifika min-naħa tal-Qatar tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat (C029) fl-1998,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Istatuti tal-FIFA, li jistabbilixxi li l-objettivi tal-FIFA jinkludu dawn li ġejjin: "il-promozzjoni tal-integrità, l-etika u l-fair play fil-prospettiva tal-prevenzjoni ta' kull metodu jew prattika, bħall-korruzzjoni, id-doping jew il-manipulazzjoni tal-logħob, li jistgħu jipperikolaw l-integrità tal-logħob, il-kompetizzjonijiet, il-plejers, l-uffiċjali u l-membri jew jagħtu lok għal abbuż tal-Association Football",

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi 14-il uffiċjal tal-FIFA, inkluż il-Viċi President tagħha, ġew arrestati nhar is-27 ta' Mejju 2015 mill-awtoritajiet Svizzeri fi Zurich; billi l-arresti saru fuq talba tad-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti abbażi ta' akkużi ta' ħasil tal-flus, intrigi ta' qerq, tixħim u frodi;

B.     billi l-14-il uffiċjali tal-FIFA li ġew arrestati jinsabu taħt investigazzjoni mill-FBI tal-Istati Uniti minħabba korruzzjoni bl-involviment ta' tixħim li jammonta għal aktar minn USD 150 miljun;

C.     billi huwa fatt ippruvat li l-FIFA għal ħafna snin operat bħala organizzazzjoni mingħajr l-obbligu li tagħti rendikont ta' għemilha lil xi ħadd, opaka u notorjament korrotta; billi l-arresti reċenti jikkonfermaw li l-frodi u l-korruzzjoni fil-FIFA huma sistematiċi, mifruxa u persistenti aktar milli jinvolvu każijiet iżolati ta' mġiba ħażina, kif iddikjara l-ex President tal-FIFA, Joseph Blatter;

D.     billi l-awtoritajiet tal-Isvizzera u tal-Istati Uniti taw bidu wkoll għal investigazzjoni kriminali separata dwar il-modalitajiet tal-aġġudikazzjoni lir-Russja u lill-Qatar tal-Kampjonati tat-Tazza tad-Dinja tal-2018 u tal-2022 rispettivament;

E.     billi l-elezzjoni mill-ġdid ta' Joseph Blatter min-naħa tal-FIFA bħala president u d-deċiżjoni tagħha li ma tippubblikax ir-riżultati ta' inkjesta interna dwar l-għażla tar-Russja u l-Qatar biex jospitaw it-Tazzi tad-Dinja tal-2018 u l-2022, rispettivament, juru li kienet qed taġixxi b'mod irresponsabbli u mingħajr l-obbligu li tagħti rendikont ta' għemilha u baqgħet mhux lesta tirriforma jew tagħmel il-bidliet meħtieġa biex ittejjeb il-governanza tal-futbol internazzjonali;

F.     billi r-riżenja ta' Joseph Blatter u l-arrest tal-uffiċjali tal-FIFA (għalkemm setgħu seħħew żmien ilu) ħolqu l-kundizzjonijiet għal riforma radikali tal-istrutturi u l-prattiki tal-FIFA bil-għan li tittejjeb il-governanza tagħha u tiġi miġġielda l-korruzzjoni fl-organizzazzjoni;

G.     billi l-integrità tal-organizzazzjonijiet sportivi hija ta' importanza kbira, peress li kemm l-isport professjonistiku, kif ukoll dak tad-dilettanti, jiżvolġu rwol fundamentali fil-promozzjoni globali tal-paċi, tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tas-solidarjetà, iġibu benefiċċji ekonomiċi u ta' saħħa lis-soċjetajiet u għandhom rwol essenzjali fl-għoti ta' importanza lill-valuri edukattivi u kulturali fundamentali kif ukoll fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali;

H.     billi l-avvenimenti sportivi ewlenin joffru opportunitajiet straordinarji biex jinfirxu l-valuri u l-prinċipji marbutin mal-isport;

I.      billi l-isport jirrappreżenta settur kbir u li qed jespandi malajr tal-ekonomija tal-UE u jagħti kontribut importanti lit-tkabbir u lill-impjiegi, b'valur miżjud u effetti fuq l-impjiegi li jaqbżu r-rati medji tat-tkabbir;

J.      billi l-futbol huwa sport b'viżibbiltà soċjali kbira li jeħtieġ l-ogħla standards ta' governanza; billi l-governanza tal-futbol internazzjonali teħtieġ riforma urġenti;

K.     billi, peress li l-qagħda fil-FIFA hija r-riżultat ta' proċess ta' responsabbiltà minn fuq għal isfel, is-sitwazzjoni ma kinitx se tasal fejn waslet attwalment li kieku l-assoċjazzjonijiet tal-futbol nazzjonali u kontinentali għamlu kull sforz possibbli minn isfel għal fuq biex jipprevjenu u jimblokkaw dawn l-affarijiet milli jiġru;

L.     billi l-korruzzjoni hija qasam tal-kriminalità partikolarment gravi ta' dimensjoni transkonfinali u spiss ikollha implikazzjonijiet bejn il-fruntieri tal-UE u lil hinn minnhom; billi l-Unjoni Ewropea għandha obbligu li taġixxi fil-qasam tal-politika kontra l-korruzzjoni;

M.    billi l-Artikolu 67 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula li l-Unjoni għandha l-obbligu li tiżgura livell għoli ta' sigurtà, fost l-oħrajn permezz tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u tal-approssimazzjoni tal-liġijiet kriminali; billi l-Artikolu 83 TFUE jsemmi l-korruzzjoni bħala qasam tal-kriminalità partikolarment gravi ta' dimensjoni transkonfinali;

N.     billi l-korruzzjoni, jekk ma tiġix affrontata b'urġenza u b'mod adegwat, tista' tkompli timmina l-fiduċja fl-istituzzjonijiet sportivi u thedded l-integrità tal-isport kollu kemm hu;

O.     billi l-Kummissjoni u l-Kunsill irrikonoxxew il-bżonn ta' sħubija bejn l-entitajiet ta' tmexxija tal-futbol u l-awtoritajiet pubbliċi għal finijiet ta' governanza tajba tal-logħba, li tirrispetta n-natura awtoregolatorja tal-isport professjonistiku u li wasslet għad-djalogu strutturat dwar l-isport;

P.     billi t-trasparenza, ir-responsabbiltà u d-demokrazija – fi kliem ieħor, il-governanza tajba – fl-organizzazzjonijiet sportivi jikkostitwixxu rekwiżiti preliminari għal reġim awtoregolatorju ta' dan it-tip, u għall-moviment sportiv biex jipprevjeni u jiġġieled kontra l-frodi u l-korruzzjoni fl-isport b'mod effikaċi u f'livell strutturat;

Q.     billi l-Kummissarju inkarigat mill-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport, fid-dikjarazzjoni tiegħu tat-3 ta' Ġunju 2015, ikkundanna l-aħħar żviluppi fi ħdan il-FIFA u appella biex terġa' tinġieb il-fiduċja u tiġi stabbilita sistema soda ta' governanza tajba fi ħdan il-FIFA;

R.     billi l-Parlament stieden lill-entitajiet ta' tmexxija tal-futbol jistabbilixxu aktar demokrazija, trasparenza, leġittimità u responsabbiltà (jiġifieri awditjar finanzjarju minn awtorità indipendenti inkarigata mill-awditjar) u governanza tajba, u talab lill-Kummissjoni tagħti gwida dwar kif l-awtoregolamentazzjoni leġittima u adegwata tista' tiġi sostnuta;

S.     billi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni tikkostitwixxi waħda mill-prijoritajiet tal-Programm ta' Stokkolma li qiegħed jiggwida lill-azzjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni;

T.     billi l-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trade Unions (ITUC) ix-xahar li għadda rrapportat li, abbażi taċ-ċifri relatati mal-mortalità pprovduti mill-Ambaxxati tal-Indja u tan-Nepal fil-Qatar, mill-anqas 1 993 ħaddiem migrant mietu f'dak il-pajjiż bejn l-2011 u Mejju 2015; billi huwa stmat li jekk din it-tendenza tkompli, aktar minn 4 000 ħaddiema migranti se jkunu mietu qabel tibda t-Tazza tad-Dinja tal-FIFA fl-2022;

U.     billi t-tliet kawżi ewlenin ta' mwiet fost il-ħaddiema migranti fis-settur tal-bini huma: (a) insuffiċjenza kardijaka b'riżultat tal-fatt li qed jiġu mġiegħla jaħdmu fuq l-infrastruttura għat-Tazza tad-Dinja f'temperaturi li jistgħu jilħqu aktar minn 50 grad Celsius fix-xhur bejn Ġunju u Settembru; (b) inċidenti fuq il-post tax-xogħol; u (c) mard minħabba kundizzjonijiet ta' għajxien skwallidi fil-kampijiet tax-xogħol, u kollha huma direttament relatati mal-kundizzjonijiet tax-xogħol;

V.     billi taħt is-sistema kafala, l-impjegaturi jkollhom kważi kontroll totali fuq iċ-ċaqliq tal-ħaddiema migranti; billi l-prattika illegali ta' konfiska tal-passaporti hija deskritta mill-ITUC bħala "kważi universali"; billi t-theddida ta' deportazzjoni mill-impjegatur sponsor tintuża biex isir abbuż mid-drittijiet tal-ħaddiema migranti;

W.    billi d-definizzjoni ta' xogħol furzat fl-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat tirrikjedi l-preżenza ta' tliet elementi: l-eżazzjoni ta' xogħol; in-nuqqas ta' kunsens; u piena;

X.     billi l-ILO, fl-investigazzjoni ta' rapport imressaq kontra l-Qatar skont l-Artikolu 24 tal-Kostituzzjoni tal-ILO mill-ITUC u l-Internazzjonali tal-Ħaddiema fil-Bini u l-Injam (BWI), fir-rapport tad-Direttur Ġenerali tagħha ta' Marzu 2014 ikkonkludiet li, f'ċerti każijiet, it-tliet elementi rikjesti tax-xogħol furzat kienu preżenti fis-sitwazzjoni tal-ħaddiema migranti impjegati biex jibnu l-infrastruttura għat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA tal-2022;

1.      Isostni l-akkuża li tallega li, fi ħdan il-FIFA, hemm korruzzjoni li hija rampanti, sistemika u li għandha għeruq fil-fond;

2.      Jilqa' r-riżenja ta' Joseph Blatter bħala President tal-FIFA, u l-investigazzjonijiet kriminali li attwalment qed jitwettqu - għalkemm it-tnejn li huma misshom waslu qabel, li għandhom iqanqlu r-riformi li jiżguraw it-trasparenza u r-responsabbiltà sħaħ fi ħdan il-FIFA fil-livelli kollha;

3.      Jappella lill-Kummissjoni biex, b'mod ikkoordinat mal-Istati Membri u f'kooperazzjoni mal-Interpol, il-Europol u l-Eurojust, tieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex tiġi indirizzata kwalunkwe indikazzjoni ta' korruzzjoni possibbli min-naħa tal-FIFA jew mill-uffiċjali tal-assoċjazzjonijiet tal-futbol nazzjonali u kontinentali fit-territorju tal-UE u biex tikkoopera bis-sħiħ mal-awtoritajiet investigattivi tal-Istati Uniti u tal-Isvizzera;

4.      Jissottolinja l-importanza enormi tal-investigazzjoni mill-awtoritajiet ġuridiċi tal-Isvizzera u tal-Istati Uniti dwar id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv tal-FIFA li jaġġudikaw il-Kampjonati tat-Tazza tad-Dinja tal-1998, l-2010, l-2018 u l-2022 lill-Franza, l-Afrika t'Isfel, ir-Russja u l-Qatar rispettivament; jappella, f'dan il-kuntest, lill-FIFA biex tippubblika r-"Rapport dwar l-Inkjesta fil-Proċess ta' Offerti għat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA tal-2018/2022" (ir-rapport Garcia) kollu kemm hu;

5.      Jinsab konvint li hemm bżonn urġenti ta' riformi fil-fond fl-istruttura tal-FIFA;

6.      Iħeġġeġ lill-FIFA timplimenta dawk ir-riformi b'mod li tiżgura t-trasparenza u r-responsabbiltà u tiggarantixxi proċessi deċiżjonali miftuħa, ibbilanċjati u demokratiċi fi ħdan l-assoċjazzjoni;

7.      Jemmen li dan ikun jeħtieġ proċess ta' riforma wiesa', inkluż rieżami tal-istatuti, tal-istruttura, tal-kodiċijiet u tal-politiki u l-prattiki operattivi tal-FIFA;

8.      Jemmen li l-introduzzjoni ta' limiti ta' żmien għall-mandati tal-membri tal-Kumitat Eżekuttiv, inkluż il-president, u ta' diliġenza dovuta indipendenti għalihom, flimkien ma' trasparenza fir-rigward tal-proċessi deċiżjonali u r-rimunerazzjoni tal-livell maniġerjali eżekuttiv u għoli, huma essenzjali biex jitreġġgħu lura l-kredibbiltà u l-fiduċja;

9.      Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-FIFA twettaq awditu finanzjarju estern u għalkollox indipendenti li jivvaluta l-affidabbiltà tar-rapporti finanzjarji tagħha;

10.    Iħeġġeġ lill-FIFA timplimenta standards etiċi rigorużi u kodiċi ta' kondotta għal-livell maniġerjali u għall-Kumitat Eżekuttiv tagħha, li għandhom jiġu sorveljati minn entità ta' monitoraġġ indipendenti;

11.    Jappella lill-isponsors u lix-xandara kollha b'kuntratt biex jeżiġu u jsostnu proċess ta' riforma fi ħdan il-FIFA billi joħorġu dikjarazzjonijiet pubbliċi kontra l-korruzzjoni fl-isport, u biex jagħtu segwitu għal kliemhom permezz ta' pressjoni kontinwa;

12.    Jisħaq fuq il-fatt li, minħabba n-natura transnazzjonali tal-korruzzjoni fl-isport, il-ġlieda kontriha tirrikjeda kooperazzjoni aktar effikaċi bejn il-partijiet interessati kollha, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, l-industrija tal-isport, l-atleti u l-partitarji, li għandhom jiżvolġu rwol kruċjali fis-sistema sħiħa ta' governanza tal-futbol, filwaqt li għandha ssir enfasi fuq l-edukazzjoni u l-azzjonijiet preventivi f'dan ir-rigward;

13.    Ifakkar li l-governanza tajba fl-isport hija kundizzjoni preliminari għall-awtonomija u għall-awtoregolamentazzjoni tal-organizzazzjonijiet sportivi, f'konformità mal-prinċipji tat-trasparenza, ir-responsabbiltà u d-demokrazija, u jisħaq fuq il-bżonn ta' politika ta' tolleranza żero fir-rigward tal-korruzzjoni fl-isport; jissosttolinja l-bżonn għal rappreżentanza xierqa tal-partijiet interessati kollha, inklużi l-partitarji, fil-proċess deċiżjonali; jinnota li jistgħu jiġu adottati l-aħjar prattiki ta' organizzazzjonijiet sportivi oħra;

14.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw u jagħtu prijorità lix-xogħol u lill-azzjonijiet relatati mal-governanza tajba fi ħdan il-Pjan ta' Ħidma tal-UE għall-Isport, u jaċċertaw li l-assoċjazzjonijiet nazzjonali jkunu involuti bis-sħiħ fl-azzjoni mmirata lejn it-titjib tal-governanza fil-livell Ewropew u internazzjonali;

15.    Jitlob li l-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġijiet Ewropej permezz ta' skwadri ta' investigazzjoni konġunta u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' prosekuzzjoni; jenfasizza l-bżonn ta' introduzzjoni u ta' infurzar effikaċi tal-miżuri biex jiġu miġġielda l-attivitajiet illegali fl-isport u tiġi garantita l-integrità effikaċi tal-organizzazzjonijiet ta' tmexxija tagħhom;

16.    Jappella lill-Kummissjoni biex tivvaluta jekk il-ftehim reċenti rigward il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ħasil ta' flus hux biżżejjed biex jiġi indirizzat il-ħasil ta' flus mill-entitajiet ta' tmexxija tal-isport reġistrati fl-UE u mill-uffiċjali tagħhom, u jekk huwiex meħtieġ adegwament eventwali sabiex jippermetti biżżejjed skrutinju tal-kontijiet bankarji tagħhom;

17.    Jinsisti li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fir-rigward tal-governanza tal-FIFA tkun ukoll akkumpanjata minn impenji u miżuri ċari min-naħa tal-FIFA kontra forom oħrajn ta' korruzzjoni, partikolarment ix-xiri tal-logħob;

18.    Jisħaq fuq il-bżonn li r-riformi kollha tal-futur fl-ambitu tal-futbol professjonali jinkludu dispożizzjonijiet sostanzjali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-atleti, tal-ħarrieġa u tat-timijiet; f'dan ir-rigward, jissottolinja l-importanza li tiġi indirizzata s-sjieda minn partijiet terzi tal-plejers fl-isport Ewropew u l-isfruttament tal-minorenni f'kuntratti vinkolanti minn kmieni;

19.    Ifakkar fl-importanza li jkun hemm regoli ċari u trasparenti għall-aġġudikazzjoni tal-Kampjonati tat-Tazza tad-Dinja, u li jiġi żgurat l-istabbiliment ta' mekkaniżmu adegwat ta' informazzjoni u ta' superviżjoni, b'mod li jiġi żgurat li din il-proċedura tiggarantixxi l-ugwaljanza bejn il-pajjiżi li jkunu qed iressqu l-offerti u deċiżjoni finali bbażata strettament fuq il-mertu tal-proġetti tagħhom;

20.    Jevidenzja l-importanza li jiġi żgurat li l-investigazzjoni ta' segwitu dwar il-prattiki ta' korruzzjoni fil-passat fi ħdan il-FIFA tinkludi, fejn ikun ġustifikat, it-tneħħija ta' kull uffiċjal involut f'kondotta ħażina finanzjarja, u rieżami tad-deċiżjonijiet għall-aġġudikazzjoni tat-Tazzi tad-Dinja tal-2018 u tal-2022 lir-Russja u lill-Qatar, rispettivament; jappella biex l-UE timmonitorja mill-qrib dan il-proċess u tippermetti l-kundizzjonijiet meħtieġa biex issir investigazzjoni esterna imparzjali;

21.    Jikkundanna l-imwiet traġiċi u bla bżonn ta' ħaddiema migranti fil-Qatar minn mindu tħabbar min se jospita t-Tazza tad-Dinja tal-2022, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji ta' dawk il-ħaddiema li mietu;

22.    Jappella lill-FIFA biex, fid-dawl tal-imwiet ta' aktar minn 1 993 ħaddiema migranti fuq l-infrastruttura tat-Tazza tad-Dinja, u tar-rivelazzjonijiet ta' korruzzjoni u tixħim fl-aġġudikazzjoni tal-kampjonati, terġa' tivvota dwar min se jospita t-Tazza tad-Dinja tal-2022;

23.    Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tal-ħaddiema migranti fil-Qatar, inklużi kundizzjonijiet tax-xogħol perikolużi, il-fatt li qed jiġu mġiegħla jaħdmu f'kundizzjonijiet ta' sħana estrema għal sitt ijiem fil-ġimgħa, sigħat twal ta' xogħol, u l-fatt li huma mġiegħla jgħixu f'kampijiet tax-xogħol iffollati u skwallidi;

24.    Jappella lill-Qatar biex jirratifika l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom, jilleġiżla f'dan ir-rigward u jinfurzaha; jappella lill-gvern Qatari biex jinforza immedjatament u b'mod effikaċi l-Konvenzjoni tal-ILO dwar ix-Xogħol Furzat tal-1930; jappella lill-Qatar biex jirratifika l-Konvenzjonijiet ulterjuri tal-ILO li jiggarantixxu d-drittijiet għal-libertà ta' assoċjazzjoni, għall-istabbiliment ta' unions u s-sħubija magħhom, għall-organizzazzjoni ta' negozjar kollettiv u l-involviment fih, u għall-prevenzjoni tal-abbuż ta' ħaddiema migranti u ħaddiema domestiċi, jilleġiżla f'dan ir-rigward u jinfurzahom;

25.    Jistieden lill-gvern Qatari biex immedjatament jabolixxi s-sistema ta' sponsorizzazzjoni "kafala" li permezz tagħha l-ħaddiema migranti jintrabtu mal-impjegaturi tagħhom; jappella favur l-abolizzjoni tal-ħlasijiet ta' reklutaġġ u tmiem għas-sistema li permezz tagħha l-ħaddiema migranti jkunu jeħtieġu l-permess tal-isponsor tagħhom biex ibiddlu impjieg u/jew jitilqu mill-pajjiż;

26.    Jappoġġa l-kampanja min-naħa tal-ITUC u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi b'appell lill-isponsors korporattivi tal-FIFA biex jirtiraw l-isponsorizzazzjoni tagħhom mill-organizzazzjoni jew sakemm it-Tazza tad-Dinja tal-2022 tiġi rilokata jew sakemm jiġu garantiti d-drittijiet tal-ħaddiema fil-Qatar;

27.    Jappella lill-organizzazzjonijiet sportivi internazzjonali kollha, u b'mod partikolari lill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (IOC), il-FIFA u l-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA) biex jiżguraw li kwalunkwe pajjiż li joffri biex jospita avveniment sportiv importanti jimpenja ruħu li, fir-rigward tal-attivitajiet kollha marbuta mal-organizzazzjoni u t-tmexxija tal-avveniment, jirrispetta l-istandards internazzjonali rigward id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol fundamentali, b'mod li jiżguraw standards tax-xogħol diċenti bi qbil mal-Konvenzjonijiet tan-NU u tal-ILO fl-attivitajiet kollha kkonċernati;

28.    Jitlob lill-organizzazzjonijiet sportivi internazzjonali jintroduċu proċeduri li jivverifikaw l-integrità u mekkaniżmi biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkastigaw l-atti kollha ta' korruzzjoni u misapproprjazzjoni finanzjarja;

29.    Jenfasizza li l-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni kontra l-FIFA u n-nuqqas ta' kredibbiltà tagħha se jħallu impatt devastanti fuq l-istruttura piramidali sħiħa tal-futbol, mill-ogħla skaluni tal-futbol professjonali sal-klabbs tad-dilettanti ż-żgħar;

30.    Iqis li huwa ta' dispjaċir li l-istat attwali deplorevoli fi ħdan il-FIFA huwa profondament negattiv għar-reputazzjoni tal-futbol kollu kemm hu;

31.    Jenfasizza bil-qawwa li l-futbol, bħala sport, mhuwiex pertinenti għall-kultura ta' korruzzjoni u jeħtieġ li jitħares, b'kull mezz, milli jiġi stigmatizzat kaġun tal-iżviluppi attwali fi ħdan il-FIFA; itenni li l-futbol u l-isport inġenerali jħallu impatt pożittiv profond fuq il-ħajja ta' kuljum ta' miljuni ta' ċittadini, partikolarment iż-żgħażagħ;

32.    Jitlob lill-UEFA u lill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw miżuri ta' riforma fundamentali fi ħdan il-FIFA, u b'mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet stipulati f'din ir-riżoluzzjoni, kemm direttament u kemm permezz tar-rappreżentanti tagħhom fil-Kumitat Eżekuttiv tal-FIFA, sa tmiem l-2016;

33.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Association Football (FIFA), l-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA), l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol, l-Assoċjazzjoni tal-Legi Ewropej tal-Futbol Professjonali (EPFL), l-Assoċjazzjoni tal-Klabbs Ewropej (ECA) u l-Federazzjoni Internazzjonali tal-Plejers Professjonisti tal-Futbol (FIFPro).

(1)

ĠU C 239E, 20.8.2013, p. 46.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2013)0098.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2013)0444.

(4)

ĠU L 192, 31.7.2003, p. 54.

(5)

ĠU C 183, 14.6.2014, p. 12.

Avviż legali - Politika tal-privatezza