Proċedura : 2015/2730(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0574/2015

Testi mressqa :

B8-0574/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/06/2015 - 5.5
CRE 11/06/2015 - 5.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0233

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 152kWORD 88k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0548/2015
8.6.2015
PE558.928v01-00
 
B8-0574/2015

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-rivelazzjonijiet reċenti ta' każijiet ta' korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-FIFA (2015/2730(RSP))


Laura Ferrara, Isabella Adinolfi, Ignazio Corrao, Rolandas Paksas, Marco Valli, Marco Zanni f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rivelazzjonijiet reċenti ta' każijiet ta' korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-FIFA (2015/2730(RSP))  
B8‑0574/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-iskandlu tal-korruzzjoni riċenti li jinvolvi għadd ta' uffiċjali tal-FIFA fuq livell għoli,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2012 dwar id-dimensjoni Ewropea fl-isport(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 dwar ix-xiri tal-logħob u l-korruzzjoni fl-isport(2),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu(3),

–       wara li kkunsidra r-Rapport tal-UE Kontra l-Korruzzjoni, maħruġ mill-Kummissjoni fit-3 ta' Frar 2014 (COM(2014)0038),

–       wara li kkunsidra l-White Paper dwar l-Isport tal-Kummissjoni tal-11 ta' Lulju 2007 (COM(2007)0391),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Jannar 2011 intitolata “L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport” (COM(2011)0012),

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni tal-31 ta' Ottubru 2003,

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/ĠAI tat-22 ta' Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat(4),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2011 intitolata "Nissieltu kontra l-Korruzzjoni fl-UE" (COM(2011)0308),

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata(5),

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Manipulazzjoni tal-Kompetizzjonijiet Sportivi tat-18 ta’ Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Marzu 2015 għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-manipulazzjoni ta’ kompetizzjonijiet sportivi fejn jidħlu kwistjonijiet li mhumiex relatati mad-dritt kriminali sostantiv u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (COM(2015)0084),

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissarju Navracsics tat-3 ta’ Ġunju 2015 wara r-riżenja tal-President tal-FIFA,

–       wara li kkunsidra l-programm tal-isport il-ġdid taħt Erasmus+, li wieħed mill-għanijiet tiegħu huwa li jindirizza theddidiet transfruntiera għall-integrità tal-isport, bħad-doping, ix-xiri tal-logħob u l-vjolenza, kif ukoll kull tip ta’ intolleranza u diskriminazzjoni, u li jippromovi u jappoġġja l-governanza tajba fl-isport,

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tal-21 ta' Mejju 2014 dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (2014-2017)(6),

–       wara li kkunsidra l-"Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini",

–       wara li kkunsidra l-qbil dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu (ir-Raba’ Direttiva tal-Ħasil tal-Flus) (COM(2013)0045),

–       wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja dwar il-Ħasil tal-Flus,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tat-23 ta' April 2015 dwar ir-riforma tal-governanza tal-futbol,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi fis-27 ta’ Mejju 2015, id-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti, huwa u jaħdem mal-Gvern Svizzeru, akkuża disa’ uffiċjali tal-FIFA f'pożizzjonijiet għoljin u ħames persuni tal-eżekuttiv ta' organizzazzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tal-isports għal intrigi ta’ qerq, konfoffi għall-ħasil tal-flus, korruzzjoni u frodi;

B.     billi l-persuni akkużati huma meqjusa bħala involuti fi skema, li ilha sejra 24 sena, maħsuba biex tagħmilhom sinjuri permezz tal-korruzzjoni ta’ futbol internazzjonali;

C.     billi l-membri tal-eżekuttiv akkużati tal-kummerċjalizzazzjoni tal-isports allegatament tħallsu u aċċettaw li jħallsu ħafna aktar minn EUR 150 miljun f’tixħim u tanġenti biex jinkisbu drittijiet tal-midja u tal-kummerċjalizzazzjoni li jħallu l-qligħ għal turnej internazzjonali tal-futbol, li jagħlqu barra l-kompetituri u joħolqu kundizzjonijiet inekwi għall-partijiet interessati rilevanti;

D.     billi l-investigazzjoni ġenerali, barra minn hekk, enfasizzat li l-korruzzjoni rampanti, sistematika u li rabbiet l-għeruq kienet mifruxa fuq żewġ ġenerazzjonijiet ta’ uffiċjali tal-futbol li abbużaw mill-pożizzjoni tagħhom ta’ fiduċja sabiex jiksbu miljuni ta’ dollari;

E.     billi fit-2 ta’ Ġunju 2015, il-President tal-FIFA Joseph Blatter ħabbar ir-riżenja tiegħu, filwaqt li għadha għaddejja l-investigazzjoni dwar allegazzjonijiet ta’ reati finanzjarji relatati ma’ aktar uffiċjali tal-FIFA fuq livell għoli, minkejja li ġie elett President tal-FIFA għall-ħames terminu matul il-Kungress tal-FIFA tad-29 ta’ Mejju 2015;

F.     billi l-FIFA u s-sitt konfederazzjonijiet kontinentali tagħha, flimkien ma’ assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet nazzjonali u reġjonali affiljati u membri, jikkostitwixxu impriża ta’ entitajiet ġuridiċi li l-għan ewlieni tagħha huwa li tirregola u tippromwovu l-futbol madwar id-dinja;

G.     Billi l-Artikolu 2 tal-Istatuti tal-FIFA jistabbilixxi li l-objettivi tal-FIFA jinkludu dawn li ġejjin: "il-promozzjoni tal-integrità, l-etika u l-fair play fil-prospettiva tal-prevenzjoni ta' kull metodu jew prattika, bħall-korruzzjoni, id-doping jew il-manipulazzjoni tal-logħob, li jistgħu jipperikolaw l-integrità tal-logħob, il-kompetizzjonijiet, il-plejers, l-uffiċjali u l-membri jew jagħtu lok għal abbuż tal-Association Football";

H.     billi, skont ir-rapport finanzjarju tal-FIFA tal-2014, 70 % tal-USD 5.7 biljun tagħha fi dħul totali bejn l-2011 u l-2014 kienu attribwiti għall-bejgħ ta’ drittijiet tat-televiżjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2014;

I.      billi fit-23 ta’ April 2015, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) kienet diġà argumentat li d-deċiżjoni li t-Tazza tad-Dinja tal-2022 issir fil-Qatar kienet tant radikalment żbaljata bi ħlasijiet illegali li l-FIFA għandha terġa' tivvota taħt proċeduri mnaddfa;

J.      billi l-organizzazzjonijiet u l-federazzjonijiet sportivi kollha jridu jiżguraw il-promozzjoni effettiva, il-ħarsien u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, kif minqux fil-liġi internazzjonali u l-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem;

K.     billi l-organizzazzjonijiet sportivi għandhom jerfgħu r-responsabbiltà biex isibu u jissanzjonaw prattiki ħżiena u ksur ta’ regoli interni magħmula minn persuni taħt l-awtorità tagħhom;

L.     billi barra każijiet ta’ korruzzjoni, għadd kbir ta’ Stati Membri ġew affettwati mix-xiri tal-logħob u reati finanzjarji oħra li ta’ spiss huma relatati ma’ organizzazzjonijiet kriminali li joperaw fuq skala internazzjonali;

M.    billi l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus huma intrinsikament marbutin ma' xulxin;

N.     billi l-unjins tal-plejers jirrimarkaw li dawn l-attivitajiet kriminali huma wkoll problema f’termini ta’ intimidazzjoni u rikatt potenzjali ta’ plejers;

O.     billi l-isport għandu valuri edukattivi u soċjali rilevanti, u governanza tajba tal-organizzazzjonijiet sportivi hija fundamentali sabiex tippromwovi l-prinċipji demokratiċi fis-soċjetajiet tagħna;

1.      Itenni li l-korruzzjoni tirrappreżenta ksur serju tad-drittijiet fundamentali u hija theddida għad-demokrazija u l-istat tad-dritt; jisħaq fuq il-fatt li l-korruzzjoni kummerċjali toħloq theddida għall-integrità tas-sistema kontra l-ħasil tal-flus, speċjalment fl-istadju tat-tqegħid taċ-ċiklu tal-ħasil tal-flus;

2.      Jikkundanna bil-qawwa kull forma ta’ korruzzjoni u prattiki ħżiena oħra fil-futbol u l-isport b’mod ġenerali; jitlob li l-organizzazzjonijiet sportivi kollha jadottaw politika ta’ tolleranza żero f’dan ir-rigward;

3.      Jitlob li l-governanza kollha tal-organizzazzjonijiet sportivi għandha tkun imsejsa fuq l-akbar rispett għad-demokrazija, it-trasparenza, l-etika, il-fair play finanzjarju, il-legalità u d-drittijiet tal-bniedem;

4.      Jitlob li jkun hemm trasparenza sħiħa fil-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, għax il-mekkaniżmi ta’ segretezza adottati fl-organizzazzjonijiet sportivi jistgħu jħeġġu l-korruzzjoni u l-miżapproprjazzjonijiet finanzjarji;

5.      Jenfasizza l-importanza tal-involviment adegwat ta’ partijiet interessati rilevanti, inklużi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-organizzazzjonijiet sportivi;

6.      Jemmen li l-kumitati tal-etika u ġudizzjarji tal-organizzazzjonijiet sportivi għandhom ikunu kompletament indipendenti sabiex jappoġġjaw b’mod effettiv l-isforzi kollha biex jiġu żgurati l-integrità, il-kredibbiltà u r-responsabbiltà tal-governanza interna globali;

7.      Jesprimi tħassib dwar nuqqasijiet fil-mekkaniżmi tal-organizzazzjonijiet sportivi biex jipprevjenu u jissanzjonaw kull ksur tal-etika sportiva;

8.      Jinsab ferm konvint li l-FIFA teħtieġ li tgħaddi minn proċess ta’ riforma strutturali wiesgħa, inklużi modifiki tal-istatuti, l-istruttura, il-kodiċijiet u politiki u prattiki operattivi tagħha, bil-ħsieb li jissaħħu l-integrità, id-demokrazija u t-trasparenza tagħha;

9.      Jemmen bis-sħiħ li l-Kodiċi ta’ Etika tal-FIFA jrid jiġi modifikat b’tali mod li jiżgura li l-allegazzjonijiet kollha ta’ ksur serju jiġu investigati u li jiġu applikati sanzjonijiet proporzjonati u adegwati meta tali ksur jiġi stabbilit;

10.    Jitlob lill-organizzazzjonijiet sportivi kollha biex jistabbilixxu qafas regolatorju effettiv kemm biex jiffaċilitaw kif ukoll biex jipproteġu l-informaturi;

11.    Jenfasizza li kwalunkwe pajjiż li jidħol għall-organizzazzjoni ta’ avvenimenti sportivi ewlenin irid jikkonforma bis-sħiħ mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO);

12.    Jemmen bis-sħiħ li sabiex jirkupraw il-kredibbiltà u livell ogħla ta’ etika, l-organizzazzjonijiet tal-futbol għandhom jadottaw limitu massimu fuq operazzjonijiet tas-suq tal-plejers tal-futbol u fuq is-salarji li jaqalgħu kemm id-diretturi kif ukoll il-plejers tal-futbol, filwaqt li jiġu żgurati t-trasparenza u l-fair play finanzjarju;

13.    Jitlob lill-organizzazzjonijiet sportivi kollha biex jintroduċu limitu ta' żewġ mandati fil-qadi tal-kariga ta' president u tal-membri tal-korp ta’ tmexxija u l-entità ġudizzjarja tal-organizzazzjoni;

14.    Iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet sportivi biex jadottaw u jtejbu l-programmi edukattivi billi jistabbilixxu obbligi speċifiċi għall-kampjonati u l-klabbs, b’mod partikolari fir-rigward tal-minorenni;

15.    Jistieden lill-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet sportivi biex jinfurmaw u jedukaw b'mod xieraq lill-isportivi u ċ-ċittadini, sa minn età żgħira, fil-livelli kollha tal-isport, kemm professjonali kif ukoll dilettanti, peress li l-edukazzjoni hija ta’ importanza kbira sabiex tiġi promossa l-integrità fl-isport;

16.    Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex isegwu r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport Kontra l-Korruzzjoni tal-Kummissjoni, itejbu l-qafas regolatorju li jsaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u jsaħħu l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, b’mod partikolari permezz tal-Europol, l-Eurojust u l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet ġudizzjarji;

17.    Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jinvestigaw u jħarrku kwalunkwe indikazzjoni possibbli ta’ korruzzjoni mill-uffiċjali tal-FIFA fit-territorju tal-UE;

18.    Jitlob li l-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni fl-eżekuzzjoni tal-liġijiet Ewropej permezz ta' skwadri ta' investigazzjoni konġunta u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' prosekuzzjoni; jenfasizza l-bżonn tal-introduzzjoni u l-infurzar effettiv tal-miżuri biex jiġu miġġielda l-attivitajiet illegali fl-isport u tiġi garantita l-integrità effikaċi tal-organizzazzjonijiet ta' tmexxija tagħhom;

19.    Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-ftehim reċenti rigward il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ħasil ta' flus hijiex biżżejjed biex tindirizza l-ħasil ta' flus minn entitajiet ta' tmexxija sportivi reġistrati fl-UE u mill-uffiċjali tagħhom, u jekk huwiex meħtieġ adegwament eventwali sabiex jippermetti biżżejjed skrutinju fil-kontijiet bankarji tagħhom;

20.    Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri biex jipprevedu miżuri li jappoġġjaw u jipproteġu l-informaturi li jiddenunzjaw azzjonijiet illegali, kruċjali biex jantiċipaw il-korruzzjoni u l-effetti devastanti tagħha;

21.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu aktar azzjonijiet dwar il-governanza tajba fi ħdan il-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport, u jinvolvu bis-sħiħ l-assoċjazzjonijiet u l-federazzjonijiet nazzjonali u reġjonali fil-ħidma lejn governanza aħjar fil-livell Ewropew u internazzjonali;

22.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Association Football (FIFA), l-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA), l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol, l-Assoċjazzjoni tal-Legi Ewropej tal-Futbol Professjonali (EPFL), l-Assoċjazzjoni tal-Klabbs Ewropej (ECA) u l-Federazzjoni Internazzjonali tal-Plejers Professjonisti tal-Futbol (FIFPRO).

 

(1)

ĠU C 239E, 20.8.2013, p. 46.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2013)0098.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2013)0444.

(4)

ĠU L 192, 31.7.2003, p. 54.

(5)

ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42.

(6)

ĠU C 183, 14.6.2014, p. 12.

Avviż legali - Politika tal-privatezza