Proċedura : 2015/2723(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0657/2015

Testi mressqa :

B8-0657/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 09/07/2015 - 12.11
CRE 09/07/2015 - 12.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0275

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 147kWORD 305k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0657/2015
1.7.2015
PE559.017v01-00
 
B8-0657/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi (2015/2723(RSP))


Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Geoffrey Van Orden f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi (2015/2723(RSP))  
B8‑0657/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burundi,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–       wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–       wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–       wara li kkunsidra il-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni ta' Arusha,

–       wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana (UA) tat-13 ta’ Ġunju 2015,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-28 ta' Mejju 2015 dwar is-sospensjoni tal-missjoni ta’ osservazzjoni elettorali għall-Burundi,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-kelliem tas-SEAE tal-5 u s-17 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Burundi,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Mejju u tat-22 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Burundi,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-10 ta’ Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-Burundi ilu fi stat ta’ kriżi sa mill-aħħar jiem ta’ April fuq it-tentattiv tal-President Nkurunziza biex ifittex li jikseb it-tielet mandat ta’ ħames snin bi ksur tal-Ftehim ta’ Arusha u l-Kostituzzjoni tal-Burundi;

B.     billi dan it-tentattiv biex jibqa’ ggranfat mal-poter ipprovoka firda serja kemm fis-soċjetà u kemm fil-politika; billi, anke fi ħdan il-partit fit-tmexxija CNDD-FDD, membru ewlieni, it-tieni viċi president tal-pajjiż, Gervais Rufykiri, ħeġġeġ lill-President “ipoġġi l-interessi tal-poplu tal-Burundi qabel l-interessi personali [tiegħu] u jirtira l-kandidatura presidenzjali [tiegħu], minħabba li din tikser il-Kostituzzjoni”, u fittex refuġju fil-Belġju;

C.     billi nqatlu madwar 70 ruħ matul ġimgħat ta’ protesti kontra t-tielet mandat, li ġew soppressi b’mod brutali, li kkawża esodu ta’ aktar minn 110 000 Burundjan lejn il-pajjiżi ġirien tat-Tanzanija, ir-Rwanda u r-RDK;

D.     billi d-Dipartiment tal-Għajnuna Umanitarja u Protezzjoni Ċivili tal-Kummissjoni diġà rrilaxxa EUR 1,5 miljun biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet immedjati tar-refuġjati Burundjani li qed jaslu fir-Rwanda;

E.     billi, fi stqarrija għall-istampa maħruġa fid-9 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem esprima allarm rigward l-azzjonijiet dejjem aktar vjolenti u ta’ theddid min-naħa tal-milizzji progovernattivi u ħeġġet lill-awtoritajiet jieħdu miżuri immedjati u konkreti sabiex irażżnuhom;

F.     billi l-partit fit-tmexxijia tal-Burundi bbojkottja l-bidu mill-ġdid tat-taħditiet dwar il-kriżi li tagħhom hija medjatriċi n-Nazzjonijiet Uniti;

G.     billi t-trażżin tal-midja huwa kważi totali, b’riżultat tal-għeluq f’nofs Mejju tax-xandara li jappartienu lill-privat, l-esodu tal-massa ta' ġurnalisti u t-theddid kostanti kontra dawk li għadhom fil-Burundi;

H.     billi fl-1 ta’ Ġunju 2015, il-Viċi-President u l-Kummissarju responsabbli għall-Amministrazzjoni u l-Finanzi tal-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti (INEC) irriżenjaw mill-kariga tagħhom, filwaqt li ddikjaraw li “is-sitwazzjoni politika u ta’ sigurtà prevalenti ma tipprovdix il-kundizzjonijiet neċessarji” biex isiru elezzjonijiet ħielsa, ġusti u kredibbli, u li digriet presidenzjali tat-30 ta’ Mejju 2015 introduċa bidliet fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-INEC li m’għadhomx jeħtieġu li d-deċiżjonijiet jittieħdu b’konsensus;

I.      billi l-poplu tal-Burundi mar jivvota nhar it-Tnejn 29 ta’ Ġunju 2015 fl-elezzjonijiet lokali u parlamentari, qabel ma ssir il-votazzjoni Presidenzjali fil-15 ta’ Lulju, minkejja t-twissija kemm tal-Unjoni Afrikana u kemm tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC) li “l-kundizzjonijiet għaż-żamma ta’ elezzjonijiet ma jeżistux bħalissa” u l-appell tas-Summit tal-EAC għall-posponiment tal-elezzjonijiet għal perjodu li ma jaqbiżx il-mandat kostituzzjonali tal-awtoritajiet attwali u għall-waqfien tal-vjolenza, bil-għan li jinħolqu l-kundizzjonijiet li jiffavorixxu l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet ħielsa, ġusti u kredibbli;

J.      billi s-sitwazzjoni attwali għandha impatt fuq il-ħajja ekonomika u soċjali tal-Burundjani; billi l-biċċa l-kbira tal-campuses tal-università u l-iskejjel jinsabu magħluqa minħabba d-dimostrazzjonijiet vjolenti fil-kapitali, Bujumbura, il-munita lokali sfat iddeprezzata, il-qgħad żdied u d-dħul mit-taxxa naqas, minħabba l-għeluq taċ-ċentri kummerċjali u t-tnaqqis tal-kummerċ mal-istati ġirien;

1.      Huwa tal-fehma li l-elezzjonijiet li saru fil-Burundi fid-29 ta’ Ġunju 2015 ma jistgħux jitqiesu bħala ħielsa, ġusti, kredibbli u inklużivi minħabba li l-proċess elettorali kien mgħarraq serjament minn restrizzjonijiet fuq il-midja indipendenti, użu eċċessiv tal-forza kontra d-dimostranti, klima ta’ intimidazzjoni għall-partiti tal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili u nuqqas ta’ fiduċja fl-awtoritajiet elettorali, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Burundjani jipposponu l-elezzjonijiet presidenzjali tal-15 ta’ Lulju 2015 u jinvolvu lill-partijiet interessati kollha fl-isforzi biex jinħoloq ambjent li jwassal għal proċess elettorali paċifiku, kredibbli, ħieles u ġust;

2.      Iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati tal-Burundi biex jerġgħu jaqbdu jkomplu d-djalogu dwar l-oqsma kollha ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet malajr kemm jista’ jkun, peress li huma biss id-djalogu u l-konsensus ibbażati fuq ir-rispett għall-Ftehim ta’ Arusha u l-kostituzzjoni tal-Burundi li jistgħu jwittu t-triq għal soluzzjoni politika dejjiema li tkun tikkonsolida u tippreserva l-paċi u s-sigurtà fil-Burundi u l-istabbiltà fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar, tapprofondixxi d-demokrazija u l-istat tad-dritt, u terġa’ ġġib lura ambjent paċifiku u sikur biex jiġi inkoraġġit ir-ritorn tar-refuġjati;

3.      Ifakkar fl-obbligi taħt il-Ftehim ta' Cotonou f’dawk li huma r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-valuri demokratiċi u l-istat tad-dritt, u fil-possibbiltà li jingħata bidu għall-proċeduri ta' konsultazzjoni li jiddisponi għalihom il-Ftehim, inkluż l-Artikolu 96;

4.      Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tappoġġa l-isforzi ta’ medjazzjoni magħmula mill-Unjoni Afrikana, l-EAC u n-NU;

5.      Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li d-Dipartiment tagħha tal-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili ikompli jissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni, u tikkunsidra għajnuna umanitarja addizzjonali biex jinqdew il-ħtiġijiet tar-refuġjati Burundjani fil-pajjiżi ġirien;

6.      Ifakkar fid-determinazzjoni espressa mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tat-22 ta’ Ġunju 2015 li jadotta, jekk ikun meħtieġ, miżuri restrittivi b’mira speċifika kontra dawk li azzjonijiethom setgħu wasslu jew jistgħu jwasslu għal atti ta' vjolenza u repressjoni u vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem u/jew li jistgħu jxekklu t-tfittxija għal soluzzjoni politika fil-qafas propost mill-Unjoni Afrikana u l-EAC;

7.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Gvern tal-Burundi, lill-Unjoni Afrikana, lill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan.

 

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza