Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0658/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0658/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi

1.7.2015 - (2015/2723(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Louis Michel, Gérard Deprez, Pavel Telička f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0657/2015

Proċedura : 2015/2723(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0658/2015
Testi mressqa :
B8-0658/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0658/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi

(2015/2723(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burundi,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–       wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza (ACDEG),

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni ta' Arusha tal-2000,

–       wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Burundi,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni politika preelettorali fil-Burundi,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-15 ta' April 2015,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi tas-17 ta' April 2015 u l-appell tiegħu tal-4 ta' Ġunju 2015,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-summit ta' emerġenza tal-Kapijiet ta' Stat tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi tal-31 ta' Mejju 2015,

–       wara li kkunsidra l-appell urġenti magħmul minn ex-Kapijiet ta' Stat, partiti politiċi u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Burundjani fit-28 ta' Mejju 2015 f'Bujumbura,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ tad-9 ta' Ġunju 2015,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana tat-13 ta' Ġunju 2015 u l-Ħamsa u Għoxrin Sessjoni Ordinarja tal-Assemblea tal-Unjoni Afrikana f'Johannesburg fl-14 u l-15 ta' Ġunju 2015,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Istati Membri tal-UE fit-22 ta' Ġunju 2015 fil-Lussemburgu,

–       wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE fl-14 ta' Ġunju 2015 li tissospendi l-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-Assemblea fil-Burundi minħabba s-sitwazzjoni fil-pajjiż,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi fis-26 ta' April 2015 bdew protesti kontra l-fatt li l-President Pierre Nkurunziza kkontesta l-elezzjoni għat-tielet darba; billi l-pulizija użaw forza eċċessiva fir-repressjoni ta' dimostrazzjonijiet, filwaqt li d-dimostranti kienu paċifiċi u ma ppreżentaw l-ebda theddida apparenti; billi d-dimostranti sfaw maqtula b'tiri mill-pulizija waqt id-dimostrazzjonijiet; billi ċ-ċifri tal-pulizija jindikaw li 892 ruħ ġew arrestati b'rabta mal-protesti bejn is-26 ta' April u t-12 ta' Mejju u mbagħad 568 ġew rilaxxati; billi 280 detenut ġew trasferiti lejn l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku;

B.     billi l-protesti saru aktar vjolenti u r-repressjoni kompliet, tant li mhux anqas minn 78 ruħ inqatlu matul id-dimostrazzjonijiet jew mietu minħabba l-ġrieħi li sofrew waqt l-iżvolġiment tagħhom; billi l-milizzja Imbonerakure, li għandha konnessjonijiet mal-lega taż-żgħażagħ tal-partit fil-gvern, il-Kunsill Nazzjonali għad-Difiża tad-Demokrazija – Forzi għad-Difiża tad-Demokrazija (CNDD-FDD), kienet involuta fit-tiswit ta' dimostranti u l-intimidazzjoni ta' membri tal-oppożizzjoni;

C.     billi l-inkwiet kontinwu u l-kunflitti bla waqfien bejn id-dimostranti u l-pulizija wasslu għal kolp ta' stat militari li falla fit-13 ta' Mejju 2015 waqt li l-President Nkurunziza kien qed jattendi summit straordinarju tal-Kapijiet ta' Stat tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC) f'Dar es Salaam (it-Tanzanija) dwar il-kriżi fil-Burundi;

D.     billi l-mexxej tal-oppożizzjoni Zedi Feruzi u l-gwardja tal-korp tiegħu nqatlu b'tiri li ġew sparati minn vettura li għaddiet fil-qrib fit-23 ta' Mejju 2015; billi ċ-ċirkustanzi li fihom seħħ dan il-qtil għadhom ma ġewx iċċarati; billi b'riżultat ta' dan il-qtil speċifiku mexxejja oħra tal-oppożizzjoni, attivisti u ġurnalisti li jikkritikaw ir-reġim ħassewhom imġiegħla jistaħbew; billi aktar minn 100 000 Burundjan ħarbu billi qasmu l-fruntiera minħabba l-biża' li l-vjolenza tinfirex barra mill-belt kapitali (Bujumbura); billi dan il-fluss ta' rifuġjati Burundjani qed joħloq emerġenza umanitarja inkwetanti fil-pajjiżi ġirien (ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, ir-Rwanda, it-Tanzanija);

E.     billi erba' stazzjonijiet indipendenti tat-televiżjoni jew tar-radju (Radio PA, Isanganiro, Bonesha u Radio-Télévision Renaissance) sfaw attakkati bil-granati u mill-anqas stazzjon tar-radju wieħed safa maħruq kompletament, fatt li ħalla l-midja tal-Istat bħala l-uniku sors ta' informazzjoni għal ħafna Burundjani li ma jgħixux Bujumbura; billi l-ġurnalisti li kienu xhieda tal-attakki jgħidu li dawk li wettqu l-attakki kienu uffiċjali tal-intelligence tal-gvern u pulizija;

F.     billi t-taqlib politiku ġiegħel lill-Knisja Kattolika tal-Burundi tirtira s-saċerdoti li kienet ħatret biex jgħinu fl-organizzazjoni tal-elezzjonijiet, filwaqt li qalet li "ma tistax tappoġġa elezzjonijiet li huma mimlija nuqqasijiet"; billi żewġ uffiċjali elettorali ta' livell għoli minn ħames membri tal-Kummissjoni Elettorali Indipendenti Nazzjonali (CENI), jiġifieri Spes Caritas Ndironkeye, viċi president tal-kummissjoni, u Illuminata Ndabahagamye, membru responsabbli għall-amministrazzjoni u l-finanzi, irriżenjaw u ħarbu mill-pajjiż; billi Aimé Nkurunziza, membru tal-parlament u president tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Politiċi u Barranin u għall-Governanza, ħarab huwa wkoll mill-pajjiż, u qal li ma jappoġġax it-tbagħbis elettorali tal-gvern; billi t-tieni Viċi President tal-Burundi stess, Gervais Rufyikiri, eżilja ruħu fil-Belġju fis-17 ta' Ġunju 2015;

G.     billi faċilitatur ġdid, Abdoulaye Bathily, inħatar mis-Segretarju Ġenerali tan-NU bħala sostitut għal Said Djinnit, il-Mibgħut Speċjali tan-NU fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar, li rriżenja mir-rwol tiegħu bħala faċilitatur tad-djalogu politiku bejn il-partit fil-gvern u dawk li ma jridux lil Pierre Nkurunziza joħroġ għat-tielet mandat; billi l-partit fil-gvern qed jirrifjuta li jieħu sehem fid-djalogu politiku li reġa' beda taħt l-awspiċji tal-faċilitatur il-ġdid u l-grupp ta' "ffaċilitar" li jikkonsisti minn rappreżentanti tan-NU, l-Unjoni Afrikana (UA), l-EAC u l-Konferenza Internazzjonali dwar ir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar (ICGLR);

H.     billi l-gvern qed jirrifjuta posponiment ieħor tad-dati tal-elezzjonijiet minkejja t-talbiet insistenti tal-komunità internazzjonali; billi fl-24 ta' Ġunju 2015 saret proposta finali mill-grupp ta' "ffaċilitar" li l-elezzjonijiet kollha jiġu posposti għall-31 ta' Lulju 2015;

I.      billi l-proliferazzjoni ta' attakki bil-granata u l-intensifikazzjoni tat-tensjonijiet jistgħu jilħqu livell li kapaċi joħloq ir-riskju li jitwettqu atroċitajiet, meta wieħed iqis l-istorja tal-vjolenza etnika fil-Burundi;

1.      Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi, fejn il-vjolenza li qiegħda teskala tista' tiddeterjora, minħabba l-istorja reċenti tal-pajjiż u r-riskji għoljin ta' qawmien mill-ġdid ta' diviżjonijiet etniċi fil-Burundi, fattur li jipperikola l-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni ta' Arusha tal-2000 bil-possibbiltà ta' konsegwenzi diżastrużi għas-sigurtà tar-reġjun kollu;

2.      Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-Gvern Burundjan li jipproċedi bl-elezzjonijiet minkejja l-ambjent kritiku prevalenti mil-lat politiku u dak tas-sigurtà;

3.      Jikkundanna l-elezzjonijiet li qed isiru bħalissa, li fihom ma hemm l-ebda parteċipazzjoni min-naħa tal-oppożizzjoni;

4.      Jiddispjaċih immens għan-natura mhux trasparenti, mhux demokratika u inġusta ta' dawn l-elezzjonijiet u l-eżitu tagħhom;

5.      Jappella għall-waqfien immedjat tal-atti kollha ta' vjolenza, il-ftuħ tal-ispazju tal-midja, ir-ritorn lejn il-Burundi tal-mexxejja kollha tal-oppożizzjoni eżiljati, ir-rilaxx mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha u t-tmiem immedjat tal-fastidju kontra s-soċjetà ċivili;

6.      Jikkundanna t-tentattiv ta' kolp ta' stat, filwaqt li jfakkar li t-tibdil ta' gvernijiet permezz tal-vjolenza u tal-forza militari la huwa kostituzzjonali u lanqas demokratiku, jiddenunzja bil-qawwa l-imġiba tal-milizja "Imbonerakure", li qed titterrorizza lill-popolazzjoni ċivili, u jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-armi tan-nar u l-munizzjon attiv kontra d-dimostranti; jikkundanna l-forom kollha ta' azzjonijiet vjolenti, ġejjin minn fejn ġejjin u jkun min ikun l-instigatur tagħhom; itenni li m'għandu jkun hemm l-ebda impunità għal dawk responsabbli minn ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u jappella biex isiru prosekuzzjonijiet kriminali nazzjonali u internazzjonali kontra dwan tal-aħħar;

7.      Jilqa' d-dikjarazzjonijiet tas-summit ta' emerġenza tal-Kapijiet ta' Stat tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant u s-Summit tal-Unjoni Afrikana u jappoġġa bis-sħiħ l-isforzi tan-NU, l-UA, l-EAC u l-ICGLR;

8.      Jappoġġa l-istqarrijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Burundi biex jiżgura s-sikurezza tal-osservaturi tan-NU;

9.      Iħeġġeġ lill-Gvern Burundjan biex jiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni; jinnota li n-nuqqas ta' ilħna indipendenti tal-midja mhux statali jikkontribwixxi għal tensjonijiet; ifakkar li hija r-responsabbiltà primarja tal-gvern li jħares lill-popolazzjonijiet mill-atroċitajiet;

10.    Jistieden lill-Gvern Burundjan, lill-mexxejja tal-partiti, lid-dinjitarji reliġjużi u lill-atturi ewlenin kollha tas-soċjetà ċivili, kif ukoll lis-sidien tal-midja u lill-ġurnalisti, biex jużaw l-influwenza tagħhom ħalli tiġi evitata kwalunkwe azzjoni li taf iżżid ir-riskju ta' vjolenza kontra individwi jew gruppi abbażi tal-identità etnika jew reliġjuża jew tal-affiljazzjoni politika tagħhom; jistieden lill-partijiet kollha jimpenjaw ruħhom fi djalogu miftuħ sabiex tissolva l-kriżi u jitnaqqsu t-tensjonijiet;

11.    Jenfasizza l-ħtieġa li l-ftehimiet ta' Arusha jiġu rispettati bħala l-uniku mod kif jistgħu jiġu żgurati l-paċi dewwiema u l-unità nazzjonali; ifakkar fis-supremazija tal-Kostituzzjoni, li tipprevedi li ħadd ma għandu jkun President aktar minn darbtejn;

12.    Jistieden lill-Gvern Burundjan biex jikkonforma mal-punt dwar id-diżarm tal-gruppi armati kollha taż-żgħażagħ alleati mal-partiti politiċi, b'riferiment partikolari għall-milizja "Imbonerakure", bħala fattur ewlieni għall-bini mill-ġdid ta' ambjent li jwassal biex id-djalogu jerġa' jibda paċifikament, u biex jeżamina l-kwistjonijiet kontenzjużi kollha, inkluża l-kwistjoni problematika tat-tielet mandat;

13.    Jaqbel bis-sħiħ mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-Burundi tat-18 ta' Mejju 2015 u jistieden lill-VP/RGħ tiżgura, f'konformità mal-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li se jkun hemm politika ċara fir-rigward tas-sitwazzjoni kritika fil-Burundi, li tkun imsejsa fuq prinċipji u li tindirizza l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem osservat minn mindu l-President Nkurunziza ħabbar li se joħroġ għat-tielet mandat, liema tħabbira kkawżat dimostrazzjonijiet u inkwiet;

14.    Jaqbel bis-sħiħ mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-Burundi tat-22 ta' Ġunju 2015 u jfakkar fl-obbligi eżistenti fil-qafas tal-Ftehim ta' Cotonou fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-valuri demokratiċi u l-istat tad-dritt, u l-possibbiltà li jiġu stabbiliti proċeduri ta' konsultazzjoni kif previst fil-Ftehim, inkluż fl-Artikolu 96 tiegħu;

15.    Jesprimi l-apprezzament tiegħu fil-konfront tal-pajjiżi ġirien li qed jospitaw rifuġjati mill-Burundi u l-aġenziji umanitarji għall-appoġġ tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tagħti għajnuna lill-popolazzjonijiet spustati u lir-rifuġjati fil-pajjiżi ġirien;

16.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Gvern tal-Burundi u lill-gvernijiet tal-pajjiżi tar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar, lill-Unjoni Afrikana, lill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan (PAP).