Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0664/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0664/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-prijoritajiet tal-Parlament għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016

1.7.2015 - (2015/2729(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

Martina Michels, Inês Cristina Zuber, Merja Kyllönen, Pablo Iglesias, Fabio De Masi, Neoklis Sylikiotis, Marina Albiol Guzmán, Paloma López Bermejo, Lidia Senra Rodríguez, Javier Couso Permuy, Ángela Vallina, Takis Hadjigeorgiou, Stefan Eck, Tania González Peñas, Marisa Matias f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2015/2729(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0664/2015
Testi mressqa :
B8-0664/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0664/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-Parlament għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016

(2015/2729(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2015 – Bidu ġdid" (COM(2014)0910),

–       wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea[1], b'mod partikolari l-Anness IV tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar – Aġenda tal-UE" (COM(2015)0215),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għadhom qegħdin jissieltu bl-aktar kriżi ekonomika u soċjali profonda minn mindu twaqqfet; billi l-ekonomiji li qegħdin jistaġnaw, il-livell għoli ta' qgħad, id-drittijiet soċjali u tax-xogħol f'deklin u d-disparitajiet soċjoekonomiċi dejjem ogħla jesiġu kambjament politiku fundamentali mill-politiki attwalment segwiti mill-Kummissjoni lejn politiki li jsaħħu l-isforzi tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri intiżi li joħolqu tkabbir ekonomiku sostenibbli u livell massimu ta' impjiegi u jikkuntrastaw il-faqar, l-esklużjoni soċjali u d-disparitajiet fl-introjtu;

B.     billi l-Kummissjoni Ewropea naqset li tivvaluta adegwatament il-kawżi primarji tal-kriżi attwali, inklużi d-difetti u l-objettivi arkitetturali tal-UEM; billi t-toqol tad-dejn li rriżulta minn dawn id-difetti huwa sproporzjonat immens, b'ċerti pajjiżi għadhom jagħmlu profitt filwaqt li oħrajn ġew imġiegħla jidħlu f'depressjoni gravi; billi l-Kummissjoni qiegħda tkompli ssegwi politiki neoliberali u orjentati lejn l-awsterità; billi dawn il-politiki sfaw f'żieda fil-qgħad, faqar, tnaqqis drastiku tal-pagi, età pensjonabbli ogħla u nefqa pubblika aktar baxxa f'setturi bħall-edukazzjoni, il-kultura u s-saħħa; billi din il-politika se tkompli tikkompressa d-domanda u twitti t-triq għall-introduzzjoni ta' programm radikali ta' privatizzazzjoni;

C.     billi r-risposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-kriżi ekonomika, soċjali u demokratika, bħall-qafas tal-governanza ekonomika, neħħiet b'mod permanenti l-għażliet politiċi mill-gvernijiet u mill-parlamenti nazzjonali sovrani u demokratikament eletti, tipprevjeni l-kontroll demokratiku mill-popli tal-Ewropa u tistabbilixxi awsterità permanenti;

D.     billi l-inkonċiljabilità tad-dibattitu politiku Ewropew wara l-elezzjoni ġenerali fil-Greċja tinjora l-fatt li l-poplu rrespinġa l-memoranda tat-Trojka b'mod demokratiku; billi l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jirrispettaw, mingħajr ir-rikatt inaċċettabbli li qiegħed ikun impost, id-deċiżjoni li ħa l-poplu Grieg li javvanza lejn l-iżvilupp, it-tkabbir u l-koeżjoni soċjali u jtemm il-politika ta' awsterità imposta mill-memorandum tat-Trojka li hija kontroproduċenti u soċjalment devastanti;

E.     billi r-rapport tal-Ħames Presidenti jirrappreżenta sforz koordinat għall-promozzjoni tal-istituzzjonalizzazzjoni tal-awsterità fl-UE u fl-Istati Membri;

F.     billi r-risposta tal-Kummissjoni għall-iskandlu ta' "Lux Leaks" hija kompletament insuffiċjenti; billi għad hemm bżonn tiġi indirizzata l-kwistjoni importanti tal-ġustizzja soċjali minħabba l-fatt li, filwaqt li l-poplu tal-Ewropa qiegħed ibati mill-programmi ta' awsterità u mir-riformi strutturali neoliberali, il-ftehimiet fiskali sigrieti, l-evażjoni tat-taxxa fuq livell globali u t-trasferiment tal-profitti lejn rifuġji fiskali għadu perfettament legali;

G.     billi s-sistemi tat-taxxa huma mfassla b'mod li jiffavorixxu lill-impriżi l-kbar aktar milli liċ-ċittadin ordinarju; billi l-awsterità u l-miżuri ħorox ta' dixxiplina fiskali, flimkien mat-telf kbir mid-dħul governattiv li jirriżulta mill-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, iqiegħdu pressjoni ulterjuri fuq il-baġits tal-Istati Membri u jippreġudikaw l-interessi tal-kontribwenti u tal-ħaddiema fl-Unjoni;

H.     billi aktar minn 30 000 ruħ mietu fil-baħar f'dawn l-aħħar għoxrin sena huma u jippruvaw jilħqu l-kosti Ewropej; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha qegħdin jikkontribwixxu għat-trawwim tal-affari kriminali u perikoluża tat-traffikar tal-bnedmin billi jibnu l-ħitan u jkomplu jissiġillaw il-fruntieri esterni tagħhom kontra l-migranti u r-rifuġjati, mingħajr ma joffru possibilitajiet ta' aċċess sigur u legali għall-UE;

I.      billi l-kriżi klimatika għadha theddida għall-istabbiltà, is-saħħa u l-għajxien tas-soċjetajiet tad-dinja kollha, kif ukoll għall-benessri tal-annimali u l-bijodiversità; billi l-kontribut tal-UE għall-ftehim internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima fis-COP21 huwa insuffiċjenti; billi l-bżonn ta' bidliet reali fis-sistema ta' produzzjoni mhuwiex indirizzat;

J.      billi l-UE għandha bżonn Programm ta' Ħidma ambizzjuż li bis-saħħa tiegħu tkun tista' toħloq ekonomija sostenibbli u inklużiva u jkun immirat lejn il-politiki tal-impjiegi bi drittijiet soċjali u tax-xogħol, jindirizza l-problema ta' miljuni ta' nies qiegħda jew li xogħolhom ma jisfruttax il-kapaċitajiet tagħhom fl-Unjoni Ewropea, u f'livell għoli ta' servizzi pubbliċi filwaqt li jitħares l-ambjent;

K.     billi l-għażliet baġitarja li għamlet l-UE ma jirriflettux il-prijoritajiet meħtieġa biex jiġi stimolat tkabbir sostenibbli u kwalitattiv u soċjalment ibbilanċjat;

L.     billi teżisti reżistenza popolari enormi kontra l-politiki ta' awsterità u d-defiċit demokratiku dejjem ikbar tal-proċedura deċiżjonali tal-UE u tal-istituzzjonijiet tagħha; billi, minflok ma tirrispetta l-esiġenzi tal-poplu għal kambjament radikali 'l bogħol mill-politiki neoliberali, il-Kummissjoni qiegħda tingħaqad ma' dawk il-forzi politiċi li jkomplu jimponu politiki ta' awsterità fuq l-Istati Membri;

M.    billi jeżisti l-bżonn ta' trasparenza, ftuħ u demokratizzazzjoni akbar, inkluża parteċipazzjoni aktar b'saħħitha min-naħa taċ-ċittadini;

 

PARTI 1

PRIJORITAJIET FUNDAMENTALI

1.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta Programm ta' Ħidma li jittratta l-isfidi ewlenin li qiegħda tħabbat wiċċha magħhom illum l-UE, bħall-ekonomiji li qegħdin jistaġnaw, it-theddida tad-deflazzjoni, il-livell għoli ta' qgħad, id-drittijiet soċjali tax-xogħol f'deklin u d-disparitajiet soċjoekonomiċi u l-esklużjoni soċjali dejjem ogħla, id-dejn pubbliku u estern għoli kif ukoll il-kriżi klimatika; jinsab imħasseb sew bil-fatt li l-Kummissjoni se tkompli bil-politiki ta' konsolidament fiskali, riformi strutturali u deregolamentazzjoni; isostni li l-kriżi ekonomika, soċjali, klimatika u politika tista' tingħeleb biss permezz ta' politika radikali ġdida li tqiegħed lin-nies u lill-ambjent, inkluż il-benessri tal-annimali, minflok l-interessi tas-swieq finanzjarji, fil-qalba tal-politiki kollha;

2.      Jissottolinja l-fatt li l-livell ta' dejn pubbliku u estern fil-pajjiżi periferiċi tal-UE hu fost l-akbar fid-dinja – konsegwenza tan-natura asimmetrika tal-proċess ta' integrazzjoni; ifakkar li dan id-dejn serva bħala pretest għall-impożizzjoni tal-miżuri ta' awsterità, li l-konsegwenzi reali tagħhom kienu aktar faqar u dejn; jikkunsidra li hu imperattiv li jiġi affrontat it-toqol tad-dejn, li dan jiġi nnegozjat mill-ġdid (ristrutturar u tnaqqis sostanzjali) u li jinġieb f'livelli sostenibbli, bħala kwistjoni ta' urġenza u ta' ġustizzja elementari;

3.      Jirrespinġi bil-qawwa r-rapport tal-Ħames Presidenti inkwantu ma joffri l-ebda alternattiva għan-narrattiva prevalenti favur l-awsterità iżda minflok jipproponi li jkunu approfonditi l-politiki eżistenti inklużi iżjed kompetittività u konverġenza strutturali u l-impożizzjoni ta' politiki fiskali rigorużi u awsterità; jemmen li l-proposti dwar il-koeżjoni soċjali u l-indikaturi soċjali kif ukoll dwar ir-responsabilità demokratika u t-trasparenza xejn mhuma għajr pretest biex jorbot ulterjorment lill-Istati Membri ma' mudell wieħed ta' politiki ekonomiċi u fiskali;

4.      Huwa tal-fehma li l-Patt ta' Stabbiltà, it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-UEM u l-leġiżlazzjoni dwar il-governanza ekonomika, bħas-"Six-pack" u t-"Two-pack" u l-Patt Euro Plus, jeħtieġu jkunu revokati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva ta' kambjament radikali fil-politika makroekonomika, bil-għan li tiżgura r-responsabilità demokratika, it-trasparenza u l-kapaċità tal-Istati Membri li jsegwu politiki li jittrattaw il-bżonnijiet rispettivi tagħhom, inklużi miżuri ta' stimolu fiskali soċjalment ibbilanċjati;

5.      Jilqa' pożittivament l-impenn favur l-adeżjoni mal-Karta Soċjali Ewropea mġedda; jistieden lill-Kummissjoni tressaq mill-aktar fis proposta għal adeżjoni mal-Karta bħala l-ewwel pass fit-triq tat-titjib tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol;

6.      Jiddeplora bil-qawwa t-tentattivi kontinwi min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-UE li jimponu miżuri ta' awsterità fuq il-Greċja bi sfida fil-konfront tar-rieda tal-poplu Grieg kif espress fl-elezzjonijiet ta' Jannar 2015; jinsisti li l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jirrispettaw id-deċiżjoni li ħa l-poplu Grieg li javvanza lejn l-iżvilupp, it-tkabbir u l-koeżjoni soċjali u jtemm il-politika ta' awsterità imposta mill-memoranda tat-Trojka li hija kontroproduċenti u soċjalment devastanti;

7.      Jirrespinġi l-ftehim dwar il-FEIS, billi għandu l-għan li jiffinanzja direttament is-settur privat b'fondi pubbliċi, jipprivatizza l-profitti u jinnazzjonalizza r-riskji, u huwa mingħajr kontroll demokratiku; jesprimi wkoll tħassib kbir minħabba l-fatt li l-FEIS se jwassal għal privatizzazzjoni ulterjuri tas-servizzi ta' interess ġenerali; jevidenzja li l-FEIS għandu jiġi sostitwit bi "Programm Ewropew ta' Investimenti għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Impjiegi u l-Inklużjoni Soċjali" komprensiv, li jista' jkun sottopost għall-kontroll demokratiku, biex jiġi stimolat tkabbir ta' kwalità u soċjalment ibbilanċjat, ibbażat fuq tqassim tal-ġid aktar ġust; jenfasizza li l-ebda programm ta' investimenti jista' jissostitwixxi politika ta' koeżjoni bbilanċjati mil-lat soċjali, ekoloġiku u territorjali, li ssaħħaħ il-potenzjal tar-reġjun u tippromwovi bidliet strutturali sostenibbli;

8.      Jesprimi tħassib qawwi minħabba l-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni għal Unjoni tas-Swieq tal-Kapitali ssostni anki r-ristabbiliment tat-titolizzazzjoni għall-SMEs; jenfasizza li d-deregolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji hija waħda mill-kawżi ewlenin tal-kriżi ekonomika; itenni l-bżonn li jissaħħaħ ir-rwol tas-settur finanzjarju pubbliku, anki permezz tan-nazzjonalizzazzjoni; jinsisti fuq il-fatt li s-settur bankarju għandu jippromwovi l-iżvilupp ekonomiku, b'mod partikolari l-investimenti produttivi u kapaċi joħolqu l-impjiegi, isostni l-impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju u s-settur soċjali u tal-kooperattivi;

9.      Jemmen li hemm bżonn li titjieb il-kwalità tal-proċess leġiżlattiv tal-UE; jinsisti, madankollu, fuq il-fatt li l-aġenda "Regolamentazzjoni Aħjar" u l-programm REFIT ma għandhomx jippreġudikaw il-proċess demokratiku billi jaħarbu d-drittijiet tal-Parlament Ewropew bħala koleġiżlatur, jew jintużaw bħala pretest għal deregolamentazzjoni li ddgħajjef il-protezzjoni soċjali, il-ħarsien tal-konsumatur, l-istandards ambjentali, l-istandards tal-benessri tal-annimali kif ukoll id-djalogu soċjali; jirrespinġi, għaldaqstant, il-proposta għal kumitat ta' esperti;

10.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiggarantixxi minflok li l-leġiżlazzjoni futura kollha tkun suġġetta għal valutazzjoni tal-impatt soċjali u fuq id-drittijiet fundamentali, kif ukoll tinkludi klawsoli ta' estinzjoni biex tiżgura li d-dritt tal-Unjoni jiġi rieżaminat perjodikament;

11.    Jinsisti fuq il-bżonn li l-Kummissjoni u l-Istati Membri juru determinazzjoni politika reali huma u jintaxxaw id-detenturi reali tal-ġid u jiżviluppaw strateġija komprensiva li tipprevedi miżuri leġiżlattivi konkreti u effikaċi, pereżempju l-projbizzjoni tar-rifuġji fiskali u tal-portijiet ħielsa, il-ħolqien ta' reġistru tal-ġid f'livell Ewropew u globali, it-tisħiħ tar-rekwiżiti f'termini ta' sustanzi ekonomiċi, it-tassazzjoni tal-profitti f'ras il-għajn, ir-revoka tal-liċenzji lill-banek li jibqgħu jaġevolaw il-ħrib mit-taxxa, kif ukoll l-inverżjoni tat-tendenza u t-tnaqqis fin-numru tal-impjegati tal-amministrazzjoni pubblika fil-qasam tat-taxxa;

12.    Jiddispjaċih bil-fatt li r-risposta mħabbra tal-Kummissjoni għall-iskandlu "Lux Leaks" hija insuffiċjenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi fil-pakkett dwar t-taxxa tagħha almenu l-obbligu li d-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa (tax ruling) isiru pubbliċi bil-għan li jkunu żgurati t-trasparenza u l-kontroll, u r-rapporti pajjiż pajjiż fuq il-bażi tar-regoli li jinsabu fis-CRD ID għall-banek; jiddispjaċih li l-Kummissjoni qiegħda tkompli ddgħajjef il-protezzjoni tal-informaturi u tal-impjegati permezz tad-Direttiva dwar is-Sigrieti Kummerċjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu li l-informaturi jkunu protetti mil-lat ġuridiku u materjali meta dawn jistgħu raġonevolment jiġu preżunti li qegħdin iħarsu l-interessi pubbliċi;

13.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta approċċ realment olistiku għall-politika fil-qasam tal-migrazzjoni u tipproponi f'dan ir-rigward politika totalment ġdida li tipprevedi modi ta' aċċess sikur u legali fl-UE għan-nisa, l-irġiel u t-tfal li għandhom bżonn protezzjoni jew li jitolbu r-riunifikazzjoni tal-familja, kif ukoll għall-ħaddiema migranti mhux kwalifikati, kif sostnut mill-UNHCR; jieħu nota tal-proposti tal-Kummissjoni rigward ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni ta' dawk li jfittxu l-asil, inkwantu parti mill-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni; jappella, madankollu, għal proposta aktar ambizzjuża li tkun fiha l-ħruġ immedjat ta' viżi umanitarji lil dawk li jfittxu l-asil għand l-ambaxxati u l-uffiċċji konsulari tal-Istati Membri, kif ukoll l-introduzzjoni ta' programm ta' risistemazzjoni obbligatorju f'livell tal-UE, minflok tal-programm, ineffiċjenti, ta' risistemazzjoni volontarju attwali;

14.    Jopponi l-ftehimiet TTIP, CETA u TiSA u jesprimi tħassib kbir dwar l-orjentament ġenerali mogħti mill-Kummissjoni lill-politika kummerċjali internazzjonali tal-UE, b'mod partikolari minħabba n-nuqqas ta' koerenza mal-objettivi kruċjali tal-ħolqien ta' impjiegi, il-ġlieda kontra l-faqar, il-garanzija ta' ekonomija sostenibbli, il-kontroll tal-ispekulazzjoni (partikolarment fis-settur tal-ikel), il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, tas-saħħa u tal-benessri tal-annimali, tal-agrikolutra sostenibbli u tal-ambjent, kif ukoll garanzija tad-diversità kulturali;

15.    Jilqa' favorevolment l-objettiv tal-Kummissjoni li tkun fuq quddiem nett tar-rivoluzzjoni diġitali; jenfasizza, madankollu, li l-Internet mhuwiex sempliċement strument biex jattwa l-istrateġija għas-suq uniku; jevidenzja li d-diġitalizzazzjoni biddlet is-soċjetà kollha kemm hi, il-mod kif tipproduċi, tikkomunika, tgħix u tiggverna, kif ukoll is-setturi kollha, mis-sistemi ta' netwerk intelliġenti tal-enerġija sas-sistema tal-assistenza tas-saħħa; jenfasizza li r-rivoluzzjoni diġitali hija anki kwistjoni kulturali u politika li tirrigwarda l-mod li bih id-diġitalizzazzjoni tista' twassal għal mudell demokratiku ġdid ibbażat fuq il-kondiviżjoni tal-konoxxenzi u l-inklużjoni, u għaldaqstant ma jistax jitqies sempliċement kwistjoni ta' infrastrutturi, poter u manipolazzjoni ekonomiċi; jemmen b'konvinzjoni li n-newtralità tan-netwerk, il-protezzjoni tad-data u sistema komuni għad-drittijiet tal-awtrur u għad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali għandhom jikkostitwixxu l-elementi prinċipali li jagħmlu r-rivoluzzjoni diġitali rivoluzzjoni demokratika;

16.    Jissottolinja finalment il-fatt li l-kriżi ekonomika u soċjali attwali hi wkoll ir-riżultat tal-politiki neoliberali tal-Kummissjoni għall-promozzjoni tad-deregolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji, tal-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-prodotti u tas-servizzi u għall-finanzjarizzazzjoni dejjem akbar tal-ekonomija, kif ukoll għat-tnaqqis tal-investimenti pubbliċi u għad-deregolamentazzjoni dejjem akbar tas-suq tax-xogħol; jenfasizza l-bżonn assolut ta' politiki soċjali u ekonomiċi alternattivi li jaffrontaw l-għażliet taċ-ċittadini għall-iżvilupp;

PARTI 2

POŻIZZJONIJIET TA' POLITIKA SPEĊIFIĊI GĦAL KULL SETTUR DWAR IL-PROGRAMM TA' ĦIDMA TAL-KUMMISSJONI GĦALL-2016

Politika soċjalment ibbilanċjata għall-impjiegi, it-tkabbir u l-investimenti

17.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi "Programm Ewropew ta' Investimenti għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Impjiegi u l-Inklużjoni Soċjali" li jkun jista' jerġa' jġib ekonomija sostenibbli u inklużiva li bħala t-tir tagħha jkollha l-politiki fil-qasam tal-impjiegi li jiggarantixxu d-drittijiet soċjali u tax-xogħol u jaffrontaw il-problema tal-miljuni ta' nies qiegħda jew li xogħolhom ma jisfruttax il-kapaċitajiet tagħhom fl-UE;

18.    Jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni tressaq mill-aktar fis proposta leġiżlattiva li tippermetti aktar investimenti pubbliċi fl-UE ta' almenu 2 % tal-PDG fis-sena, abbażi tal-programmi ta' investiment nazzjonali;

19.    Jiddispjaċih bl-approċċ b'miżuri ta' nofs sajran fuq żmien qasir li segwiet il-Kummissjoni fl-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni tintervjeni dwar il-fatturi li jiddeterminaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ fuq żmien twil, b'enfasi qawwija fuq il-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli ta' kwalità għaż-żgħażagħ, inkluż permezz ta' approċċ determinat ibbażat fuq id-drittijiet;

20.    Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b'mod li tippermetti intervent statali biex jissaħħu l-proġetti ta' benefiċċju soċjali u ambjentali, u biex tingħata għajnuna lill-impriżi żgħar u ta' daqs medju u lill-industriji li jinsabu f'diffikultà permezz ta' kontribut għall-bini mill-ġdid tal-kapaċitajiet ta' produzzjoni tagħhom, li ntlaqtu b'mod qawwi mill-kriżi;

21.    Jenfasizza li l-politika reġjonali hija strument indispensabbli għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, u li l-objettivi ewlenin tagħha huma t-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali, partikolarment tal-ifqar reġjuni u tar-reġjuni ultraperiferiċi, il-promozzjoni tal-konverġenza reali u ż-żieda tat-tkabbir u tal-impjiegi; jirrifjuta l-approċċ tal-Kummissjoni li tissubordina l-politika ta' koeżjoni għall-governanza ekonomika Ewropea, kif ukoll l-użu tal-kondizzjonalità makroekonomika fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir bħala rekwiżit għall-aċċess għall-fondi tal-politika ta' koeżjoni u ta' żvilupp reġjonali; jinsisti fuq il-fatt li l-politika ta' koeżjoni ma għandhiex tintuża bħala strument ta' penalizzazzjoni finanzjarja meta reġjun jew Stat Membru jirrifjuta l-politika ta' deregolamentazzjoni u ta' privatizzazzjoni;

22.    Jitlob li l-programm ta' investimenti ta' Orizzont 2020 ma għandux jiffinanzja l-implimentazzjoni tal-FEIS;

Politika diġitali li tħares l-interessi u d-drittijiet taċ-ċittadini

23.    Jisħaq fuq il-fatt li l-Internet hu ta' dominju pubbliku u li l-garanzija tal-prinċipju tan-newtralità tal-Internet irid ikun fil-qalba tal-politika tal-UE;

24.    Jinnota li l-fiduċja taċ-ċittadini fl-Internet tħoll u torbot fir-rigward tas-suċċess tas-soċjetà u l-ekonomija diġitali; jemmen li s-sigurtà informatika hija importanti, iżda li l-assenza ta' suspetti hija daqstant importanti għaċ-ċittidini; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, jiżguraw li l-privatezza u d-data privata fuq l-Internet ikunu protetti kemm minn korpi pubbliċi kif ukoll minn dawk privati;

25.    Huwa tal-fehma, fid-dawl ta' kundizzjonijiet tax-xogħol fl-ekonomija diġitali li diġà qed ikunu dejjem aktar prekarji, li hemm bżonn li l-Unjoni Diġitali tiġi kkomplementata b'miżuri ta' salvagwardja sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol dinjitużi f'dan is-settur; jemmen li tikketta ta' "xogħol ġust" għal prodotti ta' software (bħal logħob u applikazzjonijiet ta' software) tista' sservi bħala pass inizjali lejn dan l-għan;

Politika sostenibbli ġdida fil-qasam tal-klima u Unjoni tal-Enerġija soċjalment ġusta

26.    Jemmen li l-kriżi klimatika hija r-riżultat ta' sistema ta' produzzjoni difettuża b'intensità enerġetika għolja u li s-soluzzjoni għall-problema tat-tibdil fil-klima ma tistax titħalla f'idejn is-suq iżda tesiġi bidla radikali fil-metodi ta' produzzjoni u fil-konsumi; jappella lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid il-politika tagħha fil-qasam tal-klima u tintegra l-politika dwar it-tibdil fil-klima fil-politiki kollha tagħha;

27.    Jiddispjaċih bin-nuqqas ta' ambizzjoni murija s'issa mill-Kummissjoni għal dak li għandu x'jaqsam mal-objettivi vinkolanti, speċjalment fir-rigward tas-COP 21 ta' Pariġi; jemmen li hija neċessarja u urġenti żieda gradwali tal-ambizzjonijiet fil-qasam tal-klima sabiex l-Unjoni Ewropea tibqa' fi rwol ta' gwida fin-negozjati fil-qasam tat-tibdil fil-klima kif ukoll fl-użu tal-enerġiji rinnovabbli, fil-promozzjoni tal-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi u tikkontribwixxi b'sehem ġust fl-azzjoni globali intiża li tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra;

28.    Jieħu nota tal-wegħda li l-proposti leġiżlattivi għall-implimentazzjoni tal-pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija għall-2030 jitressqu sa tmiem l-2015; ifakkar lill-President Juncker bl-impenn li jimplimenta l-objettiv ta' tnaqqis tal-emissjoni ta' gassijiet b'effett ta' serra b'40 %, l-objettiv ta' effiċjenza enerġetika bi 30 % u s-sehem tal-enerġiji rinnovabbli bi 30 % fit-taħlita enerġetika;

29.    Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi kriterji ta' sostenibilità vinkolanti għall-użu tal-enerġija u l-bijomassa; jitlob ulterjorment lill-Kummissjoni tressaq proposti li jindirizzaw l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mis-settur tat-trobbija intensiva tal-bhejjem, peress li dawn ikollhom impatt ferm ikbar fuq it-tibdil fil-klima minn gassijiet b'effett ta' serra ta' tip ieħor;

30.    Itenni l-oppożizzjoni tiegħu għall-proposta għal Unjoni tal-Enerġija, peress li din se tippromwovi l-privatizzazzjoni u żżid l-inugwaljanzi; jemmen li l-enerġija għandha tkun beni pubbliku u li l-kontroll pubbliku huwa fundamentali biex jiggarantixxi rivoluzzjoni "ħadra" fis-settur tal-enerġija;

31.    Jieħu nota tal-wegħda li titressaq proposta leġiżlattiva aktar ambizzjuża relatata mal-pakkett dwar l-enerġija ċirkolari sa tmiem l-2015;

32.    Jenfasizza r-rwol tad-Direttiva dwar il-Ħabitats u l-Għasafar u jirrespinġi kwalunkwe tentattiv li jikkompromettihom; jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe rieżami tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ għandu jimmira biex jaġġornaha u jsaħħaħha u mhux idgħajjifha;

Ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema f'suq intern ibbilanċjat mil-lat soċjoekonomiku

33.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża r-rieżami imminenti mmirat tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta' Ħaddiema bħala opportunità biex jissaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema kontra d-dumping soċjali;

34.    Jemmen li l-mobilità għandha tkun għażla u mhux neċessità; itenni li l-Kummissjoni għandha tikkonċentra ruħha fuq il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, inklużi d-drittijiet soċjali u tax-xogħol, fil-postijiet fejn jgħixu n-nies pjuttost milli fuq iż-żieda tal-mobilità; jinsisti biex il-pakkett dwar il-mobilità imminenti jħares id-drittijiet soċjali u tax-xogħol kollha tal-ħaddiema;

35.    Jikkundanna l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirtira d-Direttiva dwar il-Leave tal-Maternità; jiddispjaċih ħafna bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirtira l-ftehim tas-sħab soċjali dwar is-saħħa u s-sikurezza tal-parrukkiera billi dan jikkomprometti d-djalogu soċjali fl-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tmexxi 'l quddiem dawn il-proposti u taġġorna mill-aktar fis il-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol;

36.    Jindika li huwa essenzjali li jingħata aktar appoġġ lill-kooperattivi u lill-impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju sabiex tingħata spinta lill-attivitajiet tagħhom fi ħdan kuntest kummerċjali stabbli, jitnaqqas kemm jista' jkun l-effett tal-pożizzjonijiet dominanti fis-suq okkupati minn kumpaniji kbar u konglomerati u tingħata għajnuna biex jiġu stabbiliti u jikbru l-impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju u l-kooperattivi;

37.    Jappella għal approċċ reġjonali bbilanċjat fir-rigward tal-politika industrijali sabiex tinħoloq bażi industrijali diversifikata fl-Istati Membri u r-reġjuni kollha, li hija kruċjali biex jiġu garantiti livelli għoljin ta' impjiegi u ta' attività fl-UE kollha;

Politiki ekonomiċi u monetarji demokratiċi

38.    Jemmen bil-qawwa li l-arkitettura tal-governanza ekonomika u tal-UEM ftit li xejn hija trasparenti u demokratika; jinsisti biex il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir attwali jiġi sostitwit b'Patt reali ta' Impjiegi u Żvilupp, imsejjes fuq kriterji soċjali u ambjentali għall-ġid tal-persuni kollha fl-UE; jagħmel barra minn dan appell biex issir konferenza intergovernattiva bil-għan li tabroga l-Patt Fiskali u jinvoka s-sospensjoni immedjata tiegħu sa ma ssir din il-konferenza;

39.    Iqis li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Bankarja sservi biss l-interessi tal-kapital finanzjarju l-kbir fl-UE u tikser il-prinċipji demokratiċi bażiċi; jiddefendi l-abrogazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Bankarja u l-ħtieġa li jiġi żgurat kontroll pubbliku demokratiku fuq is-sistema bankarja;

40.    Jitlob bidla radikali tal-istatut u tal-mandat tal-BĊE bl-iskop li jkun garantit il-kontroll politiku u demokratiku tiegħu min-naħa tal-Istati Membri f'kundizzjonijiet ta' parità; iqis bħala fundamentali li lill-Istati Membri jitroddilhom l-poter deċiżjonali fuq kwistjonijiet ekonomiċi fundamentali bħall-politika monetarja; iqis barra minn hekk neċessarju li l-BĊE jkun trasformat f'mutwanti primarju li jaġixxi bħala bank ċentrali normali u b'hekk jistimola l-ekonomija f'perjodi ta' deflazzjoni u ta' reċessjoni; jinsisti, f'dan il-kuntest, li l-BĊE u l-BEI għandhom jiffinanzjaw direttament l-investment pubbliku biex jappoġġaw l-ekonomija reali pjuttost milli l-bżieżaq spekulattivi l-ġodda fil-prezzijiet tal-attiv;

41.    Itenni l-appell tiegħu biex tintemm minnufih is-sistema tat-Trojka fil-pajjiżi fejn għadha fis-seħħ, peress li jonqsilha l-leġittimità; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel evalwazzjoni bir-reqqa u trasparenti tal-varji miżuri ta' governanza ekonomika, inklużi l-programmi ta' aġġustament makroekonomiku imposti mit-Trojka, filwaqt li tqis il-kritika espressa mill-ekonomisti kif ukoll mill-istess membri tat-Trojka;

42.    Jiddeplora l-politiki inġusti fil-qasam tat-taxxa u jitlob li jintemmu minnufih, anki għal dawk li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi inġusti u regressivi fuq l-ilma, applikati fl-Istati Membri suġġetti għal programmi ta' aġġustament fiskali, li jiksru l-prinċipju ta' ugwaljanza proporzjonali u ta' tassazzjoni progressiva, billi huma partikolarment il-familji b'introjtu baxx li jintlaqtu b'mod sproporzjonat minn tali miżuri;

Politika ġdida ta' kummerċ ġust

43.    Jesprimi tħassib profond rigward l-orjentament ġenerali mogħti mill-Kummissjoni fil-konfront tal-politika tal-kummerċ internazzjonali tal-UE, b'mod partikolari n-nuqqas ta' koerenza mal-miri ewlenin li toħloq l-impjiegi, tindirizza l-faqar, tiżgura ekonomija sostenibbli, tikkontrolla l-ispekulazzjoni (speċjalment l-ispekulazzjoni fuq l-ikel), tipproteġi s-saħħa pubblika, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-agrikoltura sostenibbli u l-ambjent, u tiżgura d-diversità kulturali;

44.    Jopponi l-mandati mogħtija mill-Kunsill lill-Kummissjoni għan-negozjar ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles komprensivi (FTAs) bħal pereżempju s-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP), il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA), kif ukoll il-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA), li joħolqu theddida serja għas-sigurtà tal-ikel, inter alia, u li jipprevedi l-inklużjoni ta’ Soluzzjoni tat-Tilwim bejn l-Investitur u l-Istat (ISDS); iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex twaqqaf dawn in-negozjati tal-kummerċ internazzjonali;

45.    Ifakkar li l-istudji tal-impatt ikkummissjonati mill-Kummissjoni, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw it-TTIP, it-TISA u s-CETA, li jwiegħdu impjiegi u ġid għal kulħadd, jippreżentaw nuqqasijiet serji u nuqqas ta’ kredibilità għax il-mudelli ekonomiċi użati ma għadhomx validi; jistieden lill-Kummissjoni tuża mudelli ekonomiċi aktar kredibbli, u biex tivverifika r-riżultati tal-FTAs li diġà daħlu fis-seħħ, u tqabbilhom mal-istudji tal-valutazzjoni tal-impatt;

46.    Jenfasizza l-fatt li kwalunkwe ftehim kummerċjali jrid ikun kundizzjonali għas-salvagwardja ta' livelli attwali tar-regolazzjoni tax-xogħol, il-protezzjoni ambjentali u tad-drittijiet soċjali u s-salvagwardji dwar l-akkwist pubbliku u l-forniment ta' servizzi ta' interess pubbliku, inkluż id-dritt li l-istati jadottaw standards ogħla f’dawn l-oqsma fil-ġejjieni; jinsisti li kwalunkwe forma ta' ISDS għandha tiġi eskluża min-negozjati tal-ftehim kummerċjali, sabiex jinżamm kontroll demokratiku fuq ir-regolazzjonijiet imsemmija;

47.    Jirrifjuta s-segretezza fi ftehimiet kummerċjali internazzjonali, u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel id-dokumenti kollha ta' negozjar pubbliċi għall-membri parlamentari u għaċ-ċittadini kollha interessati; jitlob li jsir dibattitu pubbliku u demokratiku mal-partijiet interessati relevanti kollha, b'mod partikolari t-trejdunjins u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, biex jiġi żgurat monitoraġġ xieraq tal-implikazzjonijiet tal-aġenda tal-Kummissjoni dwar il-kummerċ ħieles;

48.    Iqis li t-tnedija aċċelerata ta' ftehimiet ġodda ta' kummerċ ħieles hija mmirata biex jiġu evitati approċċi reali biex tissolva l-kriżi, bħat-tnaqqis ta' inugwaljanzi ekonomiċi fi ħdan l-UE, il-limitazzjoni ta' abbużi minn kumpaniji u investituri korporattivi, il-verifika u t-tnaqqis ta' dejn pubbliku, u l-ġlieda meħtieġa kontra l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa;

49.    Ifakkar, li b’segwitu għall-pożizzjoni tal-Istati Membri u tal-Parlament, il-Kummissjoni qablet dwar il-prinċipju tal-“eċċezzjoni kulturali”, kif imniżżel fil-konvenzjoni tan-NU dwar id-diversità kulturali, li jgħid li l-kultura għandha tiġi ttrattata b’mod differenti minn prodotti kummerċjali oħra, u l-prodotti u s-servizzi kulturali għandhom prinċipalment jitħallew barra min-negozjati; huwa tal-fehma li dan għandu jinkludi s-Servizzi Awdjoviżivi tal-Midja (AVMS) u l-kwistjonijiet ewlenin dwar id-Direttiva AVMS, is-sussidji pubbliċi, l-obbligi ta’ finanzjament għax-xandara (speċjalment biex jappoġġaw il-produzzjonijiet u d-distribuzzjoni tal-films Ewropej), ftehimiet ta’ koproduzzjoni, miżuri ta’ politika lingwistika, il-funzjonament ta’ stazzjonijiet investiti b’mandat ta’ servizz pubbliku, l-eżistenza ta’ limiti massimi ta’ ħżin fi stazzjonijiet u netwerks, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-isfera kulturali, ġurnalistika u xjentifika u s-sistemi tas-sigurtà soċjali speċifiċi;

Politika reali ta' ġustizzja u drittijiet fundamentali

50.    Jistieden lill-Kummissjoni tassumi rwol attiv fl-insistenza għall-adozzjoni tad-direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni f'konformità mal-pożizzjoni tal-Parlament, u fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, inklużi l-attakki kontra r-Rom, il-migranti u dawk li jfittxu asil u gruppi vulnerabbli oħra;

51.    Jitlob lill-Kummissjoni tevalwa l-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom (NRIS) u r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri ta' integrazzjoni effettiva tar-Rom fl-Istati Membri, u biex tipproponi miżuri addizzjonali jekk meħtieġa għall-inklużjoni effettiva tar-Rom;

52.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq pjan ta' azzjoni biex l-Istati Membri jsaħħu l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni, speċjalment minħabba l-użu wiesa' tad-detenzjoni preventiva, inkluż f'każijiet tal-Mandat ta' Arrest Ewropew (MAE); jistieden lill-Kummissjoni tieħu kont sħiħ tal-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-kundizzjonijiet tal-ħabsijiet;

53.    Jinsab ferm iddiżappuntat bin-nuqqas ta' azzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tar-rapport leġiżlattiv fuq inizjattiva proprja dwar ir-reviżjoni tal-Mandat ta' Arrest Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni sabiex toħroġ bi proposta ġdida, waqt li tikkunsidra r-rapport tal-Parlament dwar din il-kwistjoni, b'mod speċjali l-kwistjoni tat-testijiet ta' proporzjonalità;

54.    Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kummissjoni ma inkludietx fl-inizjattivi ġodda tagħha proposta aġġornata mġedda għal aċċess pubbliku għad-dokumenti, li jirrifletti l-qbil fl-ewwel qari milħuq mill-Parlament fl-2011;

55.    Jinsab ferm dispjaċut dwar l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà reċenti tal-Kummissjoni, li hija reġgħet kienet iffukata ħafna, b’mod dimensjonali wieħed, fuq politiki ripressivi u li testendi l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-UE;

56.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex twieġeb għat-talbiet mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar it-trasport allegat u ż-żamma illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA, b'mod partikolari wara r-rapport tas-Senat tal-Istati Uniti dwar it-tortura mwettqa mis-CIA;

57.    Jilqa' l-impenn imġedded favur l-aċċess għall-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB); iqis, madankollu, l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ) dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-KEDB bħala pass kbir lura għad-drittijiet tal-bniedem;

58.    Jistieden lill-Kummissjoni tieħu kont sħiħ tad-deċiżjoni tal-QtĠ-UE fil-Kawżi Magħquda C 293/12 u C 594/12 tat-8 ta' April 2014; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex f'dan il-kuntest iżżomm lura milli tipproponi kwalunkwe miżura bbażata fuq iż-żamma ta' data b'mod ġeneriku;

59.    Iqis li s-sentenza tal-QtĠ dwar iż-żamma ta' data hija relevanti għall-ġbir ta' data tar-reġistri tal-ismijiet tal-passiġġieri għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tirtira l-proposta dwar il-PNR tal-UE; jinsisti li l-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew b’valutazzjoni tal-impatt fuq is-sentenza dwar il-proposti legali kollha li fihom il-ġbir tal-massa u l-ħżin ta’ data personali;

60.    Jistieden lill-Kummissjoni tagħti bidu għal impenji serji biex tipproteġi ċ-ċittadini minn sorveljanza tal-istat li dejjem qed tiżdied;

Politika dwar il-migrazzjoni bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem

61.    Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-2015 tiżviluppa proposti ambizzjużi għal modi sikuri u legali biex ikun hemm aċċess għall-protezzjoni fl-UE għan-nisa, l-irġiel u t-tfal kollha fil-bżonn ta’ protezzjoni, sabiex il-persuni ma jibqgħux sfurzati jirriskjaw ħajjithom fil-Mediterran jew fid-deżert fi triqthom lejn l-Ewropa;

62.    Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tistabbilixxi miżuri provviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja bħala l-ewwel pass; jistieden, madankollu, lill-Kummissjoni Ewropea biex tippreżenta sal-aħħar tal-2015 proposta aktar ambizzjuża li tirrifletti aktar il-wasliet miżjuda fl-2015 kemm fil-Greċja kif ukoll fl-Italja; ifakkar li l-pajjiż ta’ allokazzjoni għandu jkun ibbażat fuq il-familja, ir-rabtiet lingwistiċi u dawk kulturali tar-refuġjati; jitlob għas-sospensjoni tar-Regolament ta’ Dublin;

63.    Jikkundanna l-fokus qawwi tal-Kummissjoni, fl-Aġenda dwar il-Migrazzjoni Ewropea tagħha, fuq il-prevenzjoni u r-ripressjoni tal-migrazzjoni irregolari, inkluż permezz tad-detenzjoni, mingħajr ma tagħti kas tal-għadd dejjem jikber ta' dawk li jfittxu l-asil u li qegħdin jaħarbu mill-gwerer, mill-persekuzzjoni u d-diżastri klimatiċi; għalhekk jikkundanna bil-qawwa l-multiplikazzjoni ta’ proposti ripressivi magħmula mill-Kummissjoni Ewropea fl-2014, bħal pereżempju l-operazzjoni EUNAVFOR MED maħsuba biex timmira fuq id-dgħajjes tal-kuntrabandisti, iż-żieda fil-baġit tal-FRONTEX, l-aċċelerazzjoni fir-ritorni ta’ migranti u l-inkoraġġiment biex tintuża l-forza u d-detenzjoni sabiex ikunu infurzati t-teħid tal-marki tas-swaba’ tal-migranti; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex talloka mill-ġdid dan il-finanzjament lejn l-attivitajiet ta’ tiftix u salvataġġ, ċentri ta’ akkoljenza miftuħin, programmi ta’ risistemazzjoni u rilokazzjoni, u l-integrazzjoni;

Attur globali paċifiku

64.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex isaħħu r-relazzjoni tal-UE ma’ sħab strateġiċi f’oqsma rilevanti, inkluż il-Mediterran, ir-Russja, iċ-Ċina u atturi globali u reġjonali emerġenti ġodda;

65.    Jirrifjuta l-politiki tal-PESK u tal-PSDK li huma f’allinjament sħiħ man-NATO u r-relazzjoni transatlantika, li jimmilitarizzaw iktar ir-relazzjonijiet internazzjonali, u jsostnu favur l-interventi u jappoġġjaw attivament il-kumpless industrijali-militari; jitlob ir-rispett tal-liġi internazzjonali u ritorn lejn mezzi politiċi-diplomatiċi għar-riżoluzzjoni ta' kunflitti;

66.    Huwa tal-fehma li l-prijorità trid tkun li jinżammu l-paċi u l-istabilità u d-drittijiet fundamentali u tal-bniedem permezz ta' politika barranija paċifika u ċivili, f'konformità mal-liġi internazzjonali u applikata b'mod mhux diskriminatorju, u billi jittieħed rwol ewlieni fir-riżoluzzjoni diplomatika u paċifika tal-kunflitti, inklużi l-inizjattivi ta' medjazzjoni u l-programmi ta' diżarm, demobilizzazzjoni u reintegrazzjoni (DDR), f'konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, Jisħaq fuq l-importanza ta’ sforzi biex jitjieb u jissaħħaħ ir-reġim ta’ kontroll fuq l-esportazzjoni tal-armi internazzjonali (Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi – ATT) u tal-UE, biex jiġi appoġġjat ir-reġim tat-TNP u d-diżarm nukleari, u ta’ miżuri dwar l-eradikazzjoni tal-faqar, l-għajnuna umanitarja, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli u l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju li jiffavorixxi relazzjonijiet ekonomiċi bilanċjati, il-kummerċ ġust u d-distribuzzjoni ġusta tar-riżorsi u l-ġid fil-viċinat tal-UE u fid-dinja;

67.    Jenfasizza l-importanza u l-puntwalità tar-reviżjoni tal-PEV; jenfasizza li l-PEV riveduta għandha tkun kapaċi tipprovdi rispons malajr u adegwat għas-sitwazzjoni fuq il-post, filwaqt li tressaq viżjoni fit-tul għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien u billi tqis l-assimetriji bejn il-partijiet; huwa tal-fehma li jeħtieġ li jinħoloq qafas ġdid għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-PEV u r-reġjuni, ibbażat fuq il-konformità stretta mal-liġi internazzjonali u l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u fuq in-nuqqas ta’ intervent fl-affarijiet interni tagħhom u fuq ir-rispett għas-sovranità tagħhom, u bl-għan li jiġi appoġġjat l-iżvilupp tar-reġjuni tal-viċinat u jitħeġġu l-impjieg u l-edukazzjoni, minflok it-tħeġġiġ ta’ ftehimiet ta’ assoċjazzjoni orjentati biss lejn it-twaqqif ta’ żoni ta’ kummerċ ħieles li jkunu ta’ ħsara għan-nies u l-istati tal-PEV u li jkunu biss ta’ benefiċċju għall-interessi tal-kumpaniji fuq in-naħa Ewropea u l-klassi privileġġjata fl-istati tal-PEV;

68.    Jirrifjuta l-pjanijiet biex jitħaffu d-dispożizzjonijiet għall-finanzjament ta’ missjonijiet ċivili u l-pjanijiet biex ikunu ssimplifikati l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet u ta’ implimentazzjoni, peress li n-natura purament ċivili ta’ missjonijiet bħal dawn hija ħafna drabi dubjuża minħabba li l-aspetti ċivili u militari huma dejjem aktar imċajpra u magħquda, b’mod partikolari fil-qasam tar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà (SSR) u l-missjonijiet ta’ taħriġ;

69.    Jenfasizza n-nuqqas ta’ kontroll parlamentari, u riżervi dwar missjonijiet tal-PSDK, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali; jenfasizza li d-defiċit demokratiku jissaħħaħ permezz ta’ “akkomunament u kondiviżjoni” u l-hekk imsejjaħ approċċ komprensiv, kif ukoll il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE, in-NATO, il-mekkaniżmu ATHENA, u l-iskjerament ta’ Gruppi Tattiċi tal-UE jżid b’mod ċar dan id-defiċit;

70.    Jirrifjuta l-implimentazzjoni ta’ proġett pilota dwar ir-riċerka tal-PSDK meħuda konġuntament mill-Kummissjoni u l-EDA, li jkopri fost l-oħrajn sistemi ta’ inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS); jopponi bil-qawwa kull finanzjament minn fondi ta’ Orizzont 2020, jew il-baġit tal-UE b’mod ġenerali, li jintużaw għal riċerka ta’ sigurtà, militari jew ċivili-militari b’mod ġenerali u għall-iżvilupp tal-RPAS b’mod partikolari;

It-tisħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadini

71.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-proposta mwiegħda għal ftehim interistituzzjonali dwar reġistru ta’ trasparenza mandatorju għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li tissaħħaħ id-demokrazija rappreżentattiva u parteċipatorja bl-implimentazzjoni tal-Artikoli 9 sa 12 tat-Trattat ta’ Lisbona;

72.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal reviżjoni tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ibbażata fuq il-konklużjonijiet fir-rapport ta’ implimentazzjoni li jmiss tal-Parlament Ewropew;

73.    Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibilità ta’ veto soċjali taċ-ċittadini bħala mekkaniżmu li jista’ jipprevjeni d-dħul fis-seħħ ta’ leġiżlazzjoni tal-UE li tkun ta’ ħsara għall-ifqar persuni, li żżid l-inugwaljanza jew li tnaqqas id-drittijiet soċjali;

Prijoritajiet politiċi oħra

Il-politika tas-sajd

74.    Jitlob għal Politika Komuni tas-Sajd (KPS) deċentralizzata li tippromwovi l-modernizzazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd, fejn tiġi żgurata l-vijabilità soċjoekonomika tagħha, is-sostenibilità tar-riżorsi, iż-żamma u l-ħolqien tal-impjiegi u t-titjib fil-kundizzjonijiet ta' għajxien tal-ħaddiema tas-sajd;

75.    Jitlob miżuri għat-titjib fil-prezz tal-ewwel bejgħ tal-ħut u fl-introjtu tal-ħaddiema fis-settur tas-sajd, fuq mekkaniżmi ta' sussidju jew kumpens għall-ħaddiema fis-settur tas-sajd milquta mir-riperkussjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-pjanijiet ta' rkupru, mill-ġestjoni multiannwali u minn miżuri għall-protezzjoni tal-ekosistemi;

76.    Jitlob li jittieħdu miżuri biex tiġi żgurata s-sovranità nazzjonali fuq iż-Żoni Ekonomiċi Esklussivi tal-Istati Membri u r-riżorsi tas-sajd tagħhom, filwaqt li tiġi permessa l-ġestjoni tal-prossimità; huwa tal-fehma li għandhom jinżammu tnax-il mil bħala żona ta' aċċess esklussiv għall-flotta nazzjonali ta' kull Stat Membru, u jipproponi li tiġi kkunsidrata l-possibilità tal-estensjoni tagħha għal żoni fil-qrib, f'konformità mal-blati kontinentali;

77.    Jitlob li tiġi ssalvagwardjata l-bijodiversità f'ambjenti marini, billi jiġu żgurati kundizzjonijiet favorevoli biex il-popolazzjonijiet tal-ħut jerġgħu jikbru; iħeġġeġ f’dan ir-rigward l-implimentazzjoni ta’ prattiki ta’ ġestjoni sostenibbli adegwati, li jistgħu jinkludu l-ħolqien ta’ żoni ħielsa mis-sajd f’żoni fejn l-istokkijiet tal-ħut u l-bijodiversità huma mhedda, skont l-għarfien xjentifiku l-aktar reċenti;

78.    Jiddikjara mill-ġdid il-bżonn li l-PKS tirrikonoxxi l-karatteristiċi speċifiċi tas-sajd fuq skala żgħira u dak kostali u li tanalizza l-punt safejn l-istrumenti eżistenti huma adattati għall-ħtiġijiet tas-settur, filwaqt li tadattahom b'mod adegwat;

79.    Jistieden il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) biex jappoġġja lis-sajd fuq skala żgħira biex jindirizza l-problemi speċifiċi ta' dan is-settur u biex jiffavorixxi l-ġestjoni ta' prossimità, is-sajd sostenibbli u l-iżvilupp tal-komunitajiet kostali;

80.    Jiddispjaċih li l-PKS approvata u l-organizzazzjoni komuni għal swieq agrikoli (OKS) għadhom lura sew mill-ħtiġijiet reali tas-settur tas-sajd, u jitlob reviżjoni ta' dawn iż-żewġ regolamenti malajr kemm jista' jkun;

81.    Jikkritika dak li tnaqqis drastiku u intensiv żejjed fil-qabda totali permissibbli (TAC) jista’ jagħmel lis-settur, lill-għajxien u lill-komunitajiet rurali, u jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel l-almu tagħha biex dan ma jerġax iseħħ fil-ġejjieni;

Politiki agrikoli

82.    Jemmen li l-agrikoltura hija waħda mis-setturi li jistgħu jżommu ċertu ħolqien tal-valur minkejja l-effetti tal-kriżi: jinnota, madankollu, li hemm nuqqas ta’ bdiewa, b’mod partikolari bdiewa żgħażagħ u bdiewa nisa; jistieden lill-UE biex tagħmel analiżi profonda tal-fatturi li jikkawżaw dan bil-għan li timplimenta miżuri sinifikanti li jaħdmu kontriha; jiddispjaċih li dan il-fenomenu qed ipoġġi fir-riskju l-patrimonji agrikoli u rurali ta’ importanza dinjija, filwaqt li, fl-istess ħin, il-kumpaniji agrokummerċjali kbar qed jespandu l-marġini tagħhom u jimponu l-mudell tagħhom ta' sistema ta' ikel globali li tinvolvi effetti ambjentali distruttivi; jenfasizza, għalhekk, li l-bdiewa, u mhux in-negozji l-kbar, għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-politiki Ewropej tal-agrikoltura u l-ikel sabiex verament tingħata spinta lit-tkabbir u l-impjiegi fir-reġjuni kollha tal-UE; jinnota li l-politiki preżenti qed iwasslu għad-deċimazzjoni tal-azjendi agrikoli tradizzjonali b'ġestjoni familjari madwar l-UE u sussegwentement għat-tnaqqis tal-attivitajiet soċjali u ekonomiċi fiż-żoni rurali;

83.    Jenfasizza li l-UE għandha taħdem favur distribuzzjoni ġusta tad-dritt ta’ tkabbir fost il-produtturi u tiżviluppa strumenti pubbliċi li jadattaw il-provvista u d-domanda sabiex jinżamm l-introjtu tal-bdiewa u l-livelli tal-produzzjoni tal-ikel biex il-bdiewa jkunu protetti kontra l-volatilità tal-prezzijiet; jitlob għalhekk għal rieżami ta' nofs it-terminu li jkun b'saħħtu u effettiv biex jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli għall-kwistjonijiet inerenti fi ħdan il-PAK;

84.    Jenfasizza li l-UE għandha tagħti prijorità lill-protezzjoni ta’, u l-aċċess għal, art agrikola u tevita l-ħtif tal-art, kwistjoni kruċjali ta’ importanza globali fid-difiża tal-bdiewa, il-ħamrija u l-ambjent;

85.    Jenfasizza, bil-għan li jipproteġi l-art agrikola fit-tul, il-ħtieġa li l-prevenzjoni tat-tibdil fil-klima u l-istrateġiji ta' mitigazzjoni effettivi jiġu applikati madwar l-Ewropa sabiex is-settur agrikolu jiġi dekarbonizzat filwaqt li jinżamm l-objettiv li l-produttività tal-farms Ewropej tiġi protetta;

86.    Jistieden lill-UE tipprojbixxi l-awtorizzazzjoni, il-kultivazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' GMOs u biex tieħu impenn qawwi fis-settur tal-biedja organika Ewropea, l-uniku wieħed li qed jikber f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin;

87.    Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tirtira l-proposti tagħha dwar l-ikklonjar u tippreżenta oħrajn ġodda li jirriflettu l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, u tippermetti wkoll l-applikazzjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja; joġġezzjona għall-għażla tal-proċedura ta' approvazzjoni għad-direttiva dwar it-tqegħid fis-suq tal-ikel mill-kloni tal-annimali, peress li dan iċaħħad lill-Parlament mid-dritt tiegħu li jemenda l-proposta;

88.    Jistieden lill-Unjoni Ewropea tipprojbixxi kull forma ta’ brevettar ta’ żrieragħ sabiex tipproteġi il-bdiewa minn kompetizzjoni inġusta u burokrazija żejda, u biex tipproteġi l-varjetajiet/il-bijodiversità lokali u l-patrimonju kulturali u ġenetiku tagħna;

89.    Jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ konformità attwali ma’ standards tal-benessri tal-annimali f’azjendi Ewropej tat-trobbija tal-bhejjem u jitlob bil-ħerqa lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-leġiżlazzjoni eżistenti tiġi infurzata b’mod adegwat fl-Istati Membri kollha filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu l-ispejjeż ta’ konformità għall-bdiewa, b’mod partikolari bdiewa żgħar mingħajr ekonomiji ta’ skala; Ikompli jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb ir-regoli tal-benessri tal-annimali fil-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar il-biedja organika u biex tneħħi kwalunkwe eċċezzjoni għal regoli dwar il-benessri tal-annimali, bħal pereżempju l-użu ta' razez mhux xierqa, irbit ta' bhejjem u l-kastrazzjoni bla bżonn;

90.    Jilqa’ l-inizjattiva riċenti mill-Pajjiżi l-Baxxi, il-Ġermanja u d-Danimarka li jillimitaw it-tul ta' żmien massimu għat-trasport tal-annimali ħajjin għal tmien sigħat; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi b'urġenza r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat- 22 ta' Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati, u b'hekk tqassar iż-żmien massimu ta' trasport għall-annimali ħajjin;

91.    Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika r-rapport tagħha "Il-Bini ta' Sistema tal-Ikel Sostenibbli Ewropea" (Building a Sustainable European Food System), li diġà ġie approvat minn tliet Kummissarji preċedenti, u biex tippreżenta pjan ta' azzjoni li jqis il-konklużjonijiet ta' dan ir-rapport; f’dan ir-rigward huwa favur trasformazzjoni mill-biedja tat-trobbija intensiva tal-bhejjem lejn soluzzjoni ġusta, sostenibbli u forma ta’ produzzjoni tal-proteini bbażata fuq il-pjanti fl-agrikoltura fl-UE, u li l-Kummissjoni tappoġġja u tippromwovi swieq lokali u l-konsum ta’ prodotti lokali, staġjonali u organiċi; jitlob għar-reviżjoni u l-istimolu tas-settur tal-ortikultura ekoloġika fl-Istati Membri sabiex jiġi assigurat livell minimu ta' mili għat-trasport tal-ikel nutrittiv;

92.    Jitlob li jinfetaħ id-dibattitu biex tiġi żviluppata politika agrikola u tal-ikel ġdida tal-UE li tirrispondi għall-interess tas-soċjetà kollha kemm hi; f’dan il-kuntest jitlob li tiġi mnedija konsultazzjoni pubblika dwar is-sovranità tal-ikel u l-konsum responsabbli;

93.    Jikkritika bil-qawwa l-eżisitenza kontinwa ta' rifużjonijiet tal-esportazzjoni agrikola ta' kull tip; jitlob l-abolizzjoni immedjata tagħhom;

Il-politika ta' żvilupp

94.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżviluppa strateġija komprensiva u pjan ta’ azzjoni b’rakkomandazzjonijiet qawwija biex jiġu indirizzati l-flussi ta’ kapital illegali u l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, u li tittejjeb il-kooperazzjoni tat-taxxa u t-trasparenza finanzjarja biex tipprevjeni l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa transkonfinali minn kumpaniji multinazzjonali u li tissaħħaħ il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi bħala sors prevedibbli ta’ finanzjament għall-iżvilupp għal pajjiżi li qed jiżviluppaw;

95.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja, permezz ta’ Komunikazzjoni li tistabbilixxi l-bażi għal azzjoni konċertata tal-UE, il-proċess kontinwu tal-iżvilupp, taħt il-patroċinju tan-NU, strument legalment vinkolanti dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali, u biex tipprevedi t-twaqqif ta’ rimedji effikaċi għall-vittmi f’każijiet fejn il-ġurisdizzjoni domestika tidher b’mod ċar li mhux kapaċi tipproċessa l-multinazzjonali b’mod effettiv;

96.    Jistieden lill-Kummissjoni, fi sħubija mal-UN Women, biex tqiegħed enfasi qawwija fuq l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-awtonomija tan-nisa fil-proposti kollha tagħha, filwaqt li tirrikonoxxi li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija parti indispensabbli tal-proċess tat-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli;

97.    Jitlob għal oqsma ta’ politika li jkollhom impatt fuq l-iżvilupp, inkluż il-kummerċ, il-migrazzjoni, l-enerġija, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, il-politika agrikola u tas-sajd, biex jirrispondu għall-prinċipju tal-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp u biex jiġu allinjati mal-objettivi tal-iżvilupp;

98.    Jisħaq fuq il-fatt li l-ODA tibqa' strument kruċjali fil-finanzjament għall-iżvilupp; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jerġgħu jikkommettu ruħhom mingħajr dewmien għall-mira tal-GNI ta’ 0.7 % għall-ODA billi jippreżentaw skedi ta’ żmien tal-baġit pluriennali sabiex jiżdied għal dawn il-livelli sal-2020 u biex jistabbilixxu skeda ta’ żmien ċara biex jissodisfaw l-impenji tagħhom dwar l-effikaċja tal-iżvilupp, inklużi l-impenji biex iħollu l-irbit tal-għajnuna filwaqt li tissaħħaħ is-sjieda tal-pajjiżi sħab, l-allinjament mal-istrateġiji ta’ żvilupp tal-pajjiżi sħab, ir-responsabbiltà reċiproka u l-armonizzazzjoni tad-donaturi billi titnaqqas il-frammentazzjoni tal-għajnuna permezz ta’ aktar koordinament bejn diversi mekkaniżmi tal-għajnuna u donaturi;

99.    Jitlob għal approċċ ibbażat fuq il-ħtiġijiet tal-bniedem għas-sostenibilità tad-dejn permezz ta’ sett ta’ standards vinkolanti li jiddefinixxu l-għoti u t-teħid ta’ self responsabbli, l-awditi tad-dejn u mekkaniżmu ġust tar-ristrutturazzjoni tad-dejn, li għandha tivvaluta l-leġittimità u s-sostenibbiltà tal-piż tad-dejn tal-pajjiżi u l-kanċellazzjoni possibbli ta’ dejn insostenibbli u inġust; iħeġġeġ lill-UE biex tinvolvi ruħha b’mod kostruttiv fin-negozjati tan-NU li jwasslu għal qafas legali multilaterali għall-proċessi tar-ristrutturar tad-dejn sovran bil-għan li ttaffi l-piż tad-dejn; iħeġġeġ ukoll lill-UE biex tinkoraġġixxi l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-UNCTAD ta' tranżazzjonijiet ta' dejn sovran responsabbli kemm għal min jissellef kif ukoll għal min isellef;

100.  Itenni li l-pagamenti mid-DCI u l-FEŻ ma jistgħux jintużaw għal programmi militari u ta’ sigurtà, il-kooperazzjoni politika u r-riforma tal-armata; jenfasizza li l-azzjonijiet umanitarji kollha għandhom ikunu ta’ natura purament ċivili;

Id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi

101.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iressqu proposta għal strateġija komprensiva tal-UE dwar il-vjolenza kontra n-nisa, inkluża leġiżlazzjoni dwar standards minimi kontra l-vjolenza kontra n-nisa, huwa tal-fehma li ma għandux ikun hemm pjan ta’ azzjoni separat, pereżempju, għall-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa, il-vjolenza domestika jew il-vjolenza sesswali, imma li l-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa għandhom ikunu inkwadrati fi strateġija globali u effettiva bbażata fuq perspettiva ta’ ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż sforzi favur l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul, iffirmata fl-2011 għall-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika u l-ġlieda kontrihom; f’dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni biex tiddikjara l-2016 is-Sena Ewropea għat-Tmiem tal-Vjolenza Kontra n-Nisa u biex talloka ammont sostanzjali ta’ riżorsi sabiex iżżid is-sensibilizzazzjoni u tappoġġja l-azzjonijiet fil-livelli kollha, b’appoġġ partikolari għall-NGOs tad-drittijiet tan-nisa; jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta u timplimenta l-istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2015-2020;

102.  Jiddispjaċih dwar l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirtira d-Direttiva dwar il-Liv tal-Maternità fl-eżerċizzju “REFIT”; jitlob għal inizjattiva leġiżlattiva biex tirrevedi d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, li toffri l-istess livell ta’ protezzjoni kif ġie approvat fir-riżoluzzjoni tal-2008 tal-Parlament, bħala azzjoni immedjata biex jitjiebu s-saħħa u s-sikurezza ta’ ħaddiema nisa tqal jew ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu; jitlob biex isir progress f’dispożizzjonijiet dwar il-liv tal-ġenituri fil-livell tal-UE, inklużi dispożizzjonijiet speċifiċi għal liv tal-paternità;

103.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivverifika l-programm ta’ għajnuna għall-iżvilupp tagħha biex jiġi żgurat li l-finanzjament tal-UE ma jkunx suġġett għal restrizzjonijiet imposti minn donaturi sħab oħra fir-rigward ta’ kura medika neċessarja, inkluż aċċess għal abort sikur għal nisa u bniet li jkunu vittmi ta’ stupru f’kunflitti armati, f’konformità mal-Artikolu 3 komuni tal-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra li jiggarantixxi l-kura medika kollha meħtieġa minn dawk midruba u morda; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tiggarantixxi u tinkludi aċċess universali għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi fl-oqsma kollha ta’ politika relatati fl-UE u lil hinn minnha;

104.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa punti ta’ tħassib ewlenin fil-politiki ta’ żvilupp tagħha; huwa konvint li l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-bniet huma essenzjali għall-kisba tal-għanijiet ta’ żvilupp internazzjonali; jitlob għal politika ta’ żvilupp tal-UE femminista, anti-militarista u li tfittex il-paċi;

_____________________

105.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-Programm ta' Ħidma tagħha f'konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Parlament, inklużi l-pożizzjonijiet speċifiċi għas-settur stabbiliti fit-Tieni Parti ta' din ir-riżoluzzjoni;

106.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.