Proċedura : 2015/2723(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0665/2015

Testi mressqa :

B8-0665/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 09/07/2015 - 12.11
CRE 09/07/2015 - 12.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0275

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 146kWORD 308k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0657/2015
1.7.2015
PE559.028v01-00
 
B8-0665/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-Burundi (2015/2723(RSP))


Maria Heubuch, Judith Sargentini, Heidi Hautala, Barbara Lochbihler, Igor Šoltes, Davor Škrlec f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Burundi (2015/2723(RSP))  
B8‑0665/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burundi,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2015 dwar il-Burundi,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-17 ta’ Ġunju 2015 mill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta UE-AKP dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta’ Ġunju 2015 mill-kelliem tal-VP/RGħ dwar il-Burundi,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Summit tal-Unjoni Afrikana tat-13 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Burundi,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Summit tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant tat-13 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Burundi,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Cotonou tat-23 ta’ Ġunju 2000 kif rivedut,

–       wara li kkunsidra il-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni ta' Arusha tat-28 ta’ Awwissu 2000,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–       wara li kkunsidra il-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–       wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza (ACDEG),

–       wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali tal-Burundi ta’ Marzu 2013,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-Burundi għandu storja reċenti ta’ gwerra ċivili, vjolenza politika mifruxa, sottożvilupp u faqar;

B.     billi l-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni ta' Arusha tas-sena 2000 ta bidu għal proċess ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali u wassal għal perjodu ta’ stabbiltà relattiva, minkejja mumenti ta’ vjolenza politika mifruxa;

C.     billi l-President Pierre Nkurunziza bħalissa jinsab għaddej jikkontesta għat-tielet leġiżlatura presidenzjali, li ġeneralment meqjusa li tmur kontra l-Ftehim ta’ Arusha u l-Kostituzzjoni tal-Burundi;

D.     billi t-tħabbir tal-kandidatura tiegħu u l-perjodu ta’ qabel l-elezzjonijiet kienu kkaratterizzati b’oppressjoni serja tal-oppożizzjoni, ta’ attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, tal-atturi tas-soċjetà ċivili u l-midja, inkluż il-qtil tal-mexxej tal-oppożizzjoni Zedi Feruzi;

E.     billi fid-29 ta’ Ġunju 2015 seħħew elezzjonijiet leġiżlattivi u lokali fil-Burundi u fil-15 ta’ Lulju 2015 għandhom iseħħu elezzjonijiet presidenzjali, it-tnejn li huma bbojkottjati mill-oppożizzjoni;

 

F.     billi f’Ġunju xi postijiet tal-votazzjoni sfaw attakkati, li wera l-instabbiltà tal-qagħda li fiha seħħew l-elezzjonijiet;

G.     billi konfronti bejn il-forzi tal-puluzija u attivisti tal-oppożizzjoni mis-26 ta’ April 2015 ’l hawn wasslu għall-mewt ta’ 27 persuna;

H.     billi gruppi ta’ żgħażagħ armati marbuta mal-partit fil-gvern sistematikament jitterrorizzaw u jheddu persuni meqjusa li jappoġġaw l-oppożizzjoni jew li jkunu kritiċi fil-konfront tal-Gvern;

I.      billi madwar elf dimostrant sfaw arrestati u ma ġewx illiberati mill-ħabs jew minn ċentri oħra ta' detenzjoni;

J.      billi kważi 100 000 persuna mill-Burundi ħarbu lejn pajjiżi ġirien;

K.     billi r-reġjun tal-Lagi l-Kbar ilu mifni b’instabbiltà politika u kunflitti armati għal aktar minn għoxrin sena u hemm riskju konsiderevoli li l-kunflitti domestiċi jaffettwaw il-pajjiżi ġirien;

L.     billi ħafna ilħna kritiċi marru f’eżilju, inklużi l-Viċi President Gervais Rufyikiri, l-ispeaker tal-Parlament tal-Burundi Pie Ntavyohanyuma, il-Viċi President tal-Qorti Kostituzzjonali Sylvere Nimpagaritse kif ukoll Maggy Barnkitse, il-fundatriċi ta’ Maison Shalom, l-ikbar NGO tal-Burundi, peress li kollha rċevew theddid wara li tkellmu kontra t-tielet mandat tal-President Nkurunziza;

M.    billi l-midja mmexxija mill-istat rrikorriet għal diskors ta’ mibegħda etnika, f’reġjun li għadu affettwat mill-ġenoċidju fir-Rwanda tal-1994;

N.     billi n-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Afrikana (UA) u l-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC), kollha appellaw biex l-elezzjonijiet jiġu posposti, minħabba s-sitwazzjoni attwali ta’ instabbiltà u l-impossibbiltà li l-forzi tal-oppożizzjoni jikkampanjaw liberament;

O.     billi l-UE rtirat il-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tagħha mill-Burundi, u billi l-EAC u l-UA waqfu milli jibagħtu missjonijiet;

P.     billi l-Unjoni Afrikana esprimiet ir-rieda tagħha li tibgħat osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem u esperti militari fil-Burundi, iżda l-awtoritajiet tal-Burundi rrifjutawlhom l-aċċess;

Q.     billi EUR 432 miljun huma allokati għall-Burundi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp għall-perjodu 2014-2020;

1.      Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi, li għal darb’oħra qed tissugra li twassal għal gwerra ċivili u destabbilizzazzjoni ulterjuri tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar li diġà jinsab f'qagħda diffiċli;

2.      Iqis li l-elezzjonijiet li saru fid-29 ta’ Ġunju 2015 ma kinux ħielsa u ġusti, li l-awtoritajiet tal-Burundi sistematikament xekklu l-kampanja tal-forzi tal-oppożizzjoni bl-impediment ta' dimostrazzjonijiet pubbliċi u b’theddid fil-konfront ta’ politiċi tal-oppożizzjoni u ta’ atturi tas-soċjetà ċivili, li wassal biex għadd ta’ persuni telqu f’eżilju, u li l-awtoritajiet tal-Burundi, immexxija mill-President Nkurunziza, kisru b’mod evidenti l-Kostituzzjoni tal-Burundi f’okkażjonijiet ripetuti waqt l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet;

3.      Iqis li l-fatt li l-President Nkurunziza qed jikkontesta għat-tielet mandat jikser b’mod ċar il-Ftehim ta’ Arusha, li jiddikjara li l-President “huwa elett għal terminu ta' ħames snin li jista' jiġġedded darba. Ħadd ma jista’ jservi iktar minn żewġ mandati bħala president”;

4.      Jikkundanna l-oppressjoni severa kontra l-forzi tal-oppożizzjoni fil-Burundi, it-terrur mifrux mill-milizzja taż-żgħażagħ tal-Imbonerakure tal-partit fil-gvern u l-miżuri restrittivi imposti fuq il-midja;

5.      Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Burundi biex jiżguraw li dawn l-avvenimenti jiġu investigati bis-sħiħ, u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

6.      Jitlob għad-diżarm immedjat tal-milizzja tal-Imbonerakure;

7.      Iqis li President Pierre Nkurunziza huwa primarjament responsabbli għad-deterjorament serju tas-sitwazzjoni politika fil-Burundi u jistiednu jinvolvi ruħu immedjatament fi djalogu serju mal-forzi tal-oppożizzjoni fil-Burundi sabiex tinstab soluzzjoni għall-kriżi attwali; tali soluzzjoni għandha tiġi bbażata fuq il-Ftehim ta’ Paċi u Rikonċiljazzjoni ta’ Arusha;

8.      Jistieden lill-President Nkurunziza u l-awtoritajiet tal-Burundi biex jipposponu immedjatament l-elezzjonijiet presidenzjali;

9.      Ifakkar l-obbligi tal-Burundi taħt il-Ftehim ta’ Cotonou firrigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-valuri demokratiċi u l-istat tad-dritt; ifakkar li dawn id-drittijiet huma mnaqqxa wkoll fil-Kostituzzjoni tal-Burundi;

10.    Jistieden lill-awtoritajiet tal-Burundi biex jirrispettaw u jipproteġu d-drittijiet fundamentali tal-Burundjani kollha, inklużi l-libertà ta’ espressjoni u l-libertà ta’ assemblea tal-partitarji tal-oppożizzjoni, biex il-midja jkollha aċċess mingħajr dewmien, biex il-mexxejja tal-oppożizzjoni f'eżilju jitħallew jirritornaw lejn il-pajjiż, biex jinħelsu l-priġunieri politiċi kollha mingħajr kundizzjonijiet u biex jieqaf il-fastidju fil-konfront ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

11.    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Burundjani biex l-osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem u l-esperti militari maħtura mill-UA jitħallew jidħlu fil-pajjiż immedjatament u biex ma jkun hemm ebda att li jfixkel il-ħidma tagħhom;

12.    Jilqa’ t-tħabbira tad-29 ta’ Ġunju 2015 min-naħa tas-SEAE li fiha jhedded li jimplimenta miżuri kontra l-awtoritajiet Burundjani taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Cotonou, u jistieden lis-SEAE u lill-Kunsill biex jipproċedu malajr bid-deċiżjoni tagħhom u l-implimentazzjoni tagħha;

13.    Jitlob li dawn il-miżuri jinkludu miżuri restrittivi mmirati bħalma huma l-projbizzjonijiet tal-ivvjaġġar u l-iffriżar ta’ assi fil-konfront ta' dawk li l-azzjonijiet tagħhom setgħu wasslu, jew jistgħu jwasslu, għal atti ta’ vjolenza u repressjoni kif ukoll ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, u/jew jistgħu jfixklu l-isforzi li tinstab soluzzjoni politika fi ħdan il-qafas propost mill-UA u EAC;

14.    Jistieden lill-UE, l-EAC u l-UA biex ma jirrikonoxxux il-leġittimità tal-gvern, li se jirriżulta minn proċess elettorali kollu problemi;

15.    Jilqa' u jappoġġa l-isforzi ta' medjazzjoni min-Nazzjonijiet Uniti, mill-Unjoni Afrikana u mill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant;

16.    Jinsab imħasseb ħafna dwar l-issoktar tal-eżodu ta’ refuġjati lejn il-pajjiżi ġirien filwaqt li jtenni l-appoġġ tiegħu lill-organizzazzjonijiet umanitarji preżenti fir-reġjun, li qed jittrattaw il-bżonnijiet immedjati tar-refuġjati, u jfaħħar lill-awtoritajiet tal-pajjiżi ospitanti għall-attitudni miftuħa u ospitanti tagħhom lejn dawk li qed ifittxu refuġju fi ħdan il-fruntieri tagħhom;

17.    Jinsab imħasseb ħafna dwar l-itfaċċar mill-ġdid ta’ diskors ta’ mibegħda f’ċerti midja li huma qrib il-gvern u jżomm lill-President Nkurunziza responsabbli għal dan u għall-konsegwenzi possibbli; jistieden lill-prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali biex jimmonitorja mill-qrib dawn il-midja għall-inċitament u l-mibegħda etnika, kif ukoll għal diskorsi mill-mexxejja politiċi;

18.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-Unjoni Afrikana u lill-gvernijiet tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar u tal-Afrika t’Isfel.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza