Proċedura : 2015/2723(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0666/2015

Testi mressqa :

B8-0666/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 09/07/2015 - 12.11
CRE 09/07/2015 - 12.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0275

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 154kWORD 90k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0657/2015
1.7.2015
PE559.029v01-00
 
B8-0666/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi (2015/2723(RSP))


Gianni Pittella, Maria Arena, Linda McAvan, Elena Valenciano, Marlene Mizzi, Kati Piri, Alessia Maria Mosca, Goffredo Maria Bettini, Doru-Claudian Frunzulică, Victor Negrescu, Viorica Dăncilă f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi (2015/2723(RSP))  
B8‑0666/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burundi,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-10 ta' April 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Arusha għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Burundi,

–       wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Burundi,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa mill-Kapijiet ta' Stat tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant fil-31 ta' Mejju 2015 f'Dar es Salaam, fit-Tanzanija,

–       wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi adottati fis-Summit tal-Unjoni Afrikana tat-13 ta' Ġunju 2015,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Burundi tat-22 ta' Ġunju 2015,

–       wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Linji gwida dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-UE dwar il-Libertà tal-Espressjoni, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Ġunju 2014 li fihom impenjat ruħha li tintensifika l-ħidma tagħha rigward id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–       wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza (ACDEG),

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–       wara li kkunsidra il-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-Kostituzzjoni tal-Burundi u l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Arusha għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni jistipulaw li president jista' jibqa' fil-kariga għal żewġ mandati biss, u billi l-President Pierre Nkurunziza ilu fil-kariga mill-2005, wara li ġie elett mill-ġdid fl-2010 f'elezzjoni li l-oppożizzjoni bbojkottjat wara li akkużat lill-gvern b'intimidazzjoni;

B.     billi l-President Nkurunziza ħabbar, fis-26 ta' April 2015, li se jikkontesta biex jiġi elett għat-tielet darba, u qal li huwa intitolat li jagħmel dan peress li kien inħatar minn leġiżlaturi għall-ewwel mandat tiegħu;

C.     billi, wara din l-aħbar, 17-il uffiċjal ġew arrestati fl-14 ta' Mejju 2015 wara li falla tentattiv ta' kolp ta' stat immexxi mill-ex Maġġur Ġenerali tal-armata Godefroid Niyombare, li ħarab mill-pajjiż, u wara dan it-tentattiv aktar minn 70 ruħ inqatlu fi vjolenza u f'sensiela ta' attakki bil-granati;

D.     billi żewġ membri anzjani tal-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti (CENI) ħarbu mill-pajjiż, hekk kif ħarbu wkoll imħallef anzjan tal-Qorti Kostituzzjonali bl-inkarigu li jagħti deċiżjoni dwar il-legalità tat-tielet mandat tal-President, u l-Ispeaker tal-Assemblea Nazzjonali, minħabba l-biża' għas-sikurezza tagħhom stess; billi fil-25 ta' Ġunju 2015 il-Viċi President tal-Burundi Gervais Rufyikiri ħarab ukoll mill-pajjiż wara li tefa' dubju fuq l-eliġibbiltà tal-President għat-tielet mandat;

E.     billi l-partiti tal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili bbojkottjaw l-elezzjonijiet minħabba l-użu partiġjan tal-istituzzjonijiet tal-istat, il-vjolenza u l-intimidazzjoni mill-milizja taż-żgħażagħ (l-Imbonerakure) tas-CNDD-FDD (Kunsill Nazzjonali għad-Difiża tad-Demokrazija – Forzi għad-Difiża tad-Demokrazija), nuqqas ta' fiduċja fis-CENI, u l-istrateġiji tal-gvern maħsuba biex inaqqsu l-inklussività tal-proċess elettorali, inklużi d-diffikultajiet fir-reġistrazzjoni tal-votanti u t-tfassil mill-ġdid tal-konfini elettorali, li jiffavorixxu l-partit fil-gvern;

F.     billi l-komunità internazzjonali għandha rwol sinifikanti fir-reġjun bħala l-garanti tal-Ftehimiet ta' Arusha, u billi istituzzjonijiet bħall-Qorti Kriminali Internazzjonali huma ta' importanza kbira fit-twettiq ta' inkjesti indipendenti dwar il-vjolenza u d-delitti mwettqa fil-Burundi;

G.     billi, minkejja appelli mill-komunità internazzjonali u minn partijiet ikkonċernati fil-Burundi biex l-elezzjonijiet jiġu posposti, l-elezzjonijiet leġiżlattivi saru fid-29 ta' Ġunju 2015 u l-elezzjonijiet presidenzjali huma skedati għall-15 ta' Lulju 2015;

H.     billi, minħabba s-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà fil-pajjiż, l-UE ddeċidiet li tissospendi l-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tagħha;

I.      billi l-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC) u l-Unjoni Afrikana (UA) iddikjaraw li kundizzjonijiet favorevoli għall-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet mhumiex attwalment fis-seħħ u li mhux se jkun possibbli li tali kundizzjonijiet jiddaħħlu fis-seħħ fiż-żmien previst fil-Kostituzzjoni tal-Burundi;

J.      billi l-Aġenzija tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR) tgħid li madwar 127 000 ruħ ħarbu mill-Burundi lejn stati ġirien, inkluża t-Tanzanija, fejn ġiet rrappurtata tifqigħa ta' kolera;

K.     billi l-impass politiku fil-Burundi u s-sitwazzjoni ekonomika u tas-sigurtà li qed tiddeterjora għandhom konsegwenzi serji għall-popolazzjoni u huma ta' riskju għar-reġjun kollu kemm hu, filwaqt li l-Burundi qed jaffaċċja l-agħar kriżi tiegħu mill-gwerra ċivili bi sfond etniku ta' 12-il sena li fiha huwa stmat li mietu 300 000 ruħ sal-2005;

L.     billi, b'reazzjoni għal riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament Ewropew u b'mod partikolari r-referenzi fihom għall-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, ir-rappreżentanti tal-UE insistew dwar il-ħtieġa ta' parteċipazzjoni inklużiva fil-proċess elettorali mill-forzi politiċi kollha tal-pajjiż, bi qbil mal-pjan direzzjonali tal-elezzjoni u l-Kodiċi ta' Kondotta fi Kwistjonijiet Elettorali (Code de bonne conduite en matière électorale);

M.    billi l-UE qed iżżomm EUR 2 miljun f'għajnuna lill-Burundi fost tħassib dejjem akbar dwar it-trażżin vjolenti tal-gvern ta' dimostranti li jopponu t-tentattivi tal-President Nkurunziza biex jiżgura t-tielet mandat;

N.     billi l-Belġju ħabbar ukoll is-sospensjoni ta' għajnuna elettorali, u għażel li jżomm nofs l-EUR 4 miljun li kien alloka għall-elezzjonijiet filwaqt li rtira minn ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-pulizija ta' EUR 5 miljun iffinanzjat b'mod konġunt mal-Pajjiżi l-Baxxi; billi Franza ssospendiet ukoll il-kooperazzjoni rigward is-sigurtà mal-Burundi, u l-Ġermanja ħabbret is-sospensjoni ta' kull kooperazzjoni bilaterali li tinvolvi lill-Gvern tal-Burundi;

O.     billi d-dritt għal-libertà tal-espressjoni huwa ggarantit mill-Kostituzzjoni tal-Burundi u minn trattati internazzjonali u reġjonali ratifikati mill-Burundi, huwa inkluż fl-Istrateġija Nazzjonali għal Governanza Tajba u l-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni, u huwa kundizzjoni essenzjali għal elezzjonijiet liberi, ġusti, trasparenti u paċifiċi li jippermettu lill-pajjiż, li għadu f'sitwazzjoni ta' wara kunflitt, li joħroġ mill-impass politiku li qed jaffaċċja;

P.     billi l-UE reċentement allokat EUR 432 miljun lill-Burundi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp 2014-2020, inter alia biex tassisti bit-titjib tal-governanza u s-soċjetà ċivili;

1.      Jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni politika u umanitarja li sejra għall-agħar fil-Burundi u r-reġjun usa'; jitlob li jintemmu minnufih il-vjolenza fuq l-avversarji u l-intimidazzjoni tagħhom; jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-vittmi tal-vjolenza u lil dawk li tilfu ħajjithom, u jappella għal għajnuna umanitarja immedjata għal dawk li ġew sfurzati jaħarbu minn djarhom;

2.      Jistieden lil dawk kollha involuti fil-proċess elettorali, inklużi l-korpi responsabbli mill-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet u s-servizzi tas-sigurtà, biex jonoraw l-impenji li ħadu fil-Ftehim ta' Arusha, u jfakkar li dan il-ftehim temm il-gwerra ċivili u huwa l-pedament li fuqha hija mibnija l-Kostituzzjoni tal-Burundi; jissottolinja l-importanza ta' ftehim kunsenswali dwar il-kalendarju elettorali fuq il-bażi ta' valutazzjoni teknika li għandha ssir min-NU;

3.      Jenfasizza għal darb'oħra li huwa biss permezz ta' djalogu u kunsens, li jinvolvu lill-Gvern tal-Burundi, l-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili b'konformità mal-Ftehim ta' Arusha u l-Kostituzzjoni tal-Burundi, li tista' tinstab soluzzjoni politika dejjiema fl-interess tas-sigurtà u d-demokrazija għall-poplu kollu tal-Burundi; jistieden lill-partijiet ikkonċernati tal-Burundi jerġgħu jibdew id-djalogu dwar l-oqsma kollha fejn hemm nuqqas ta' qbil; jappoġġa, għalhekk, l-isforzi ta' medjazzjoni li qed isiru mill-UA, l-EAC u n-NU, u lest li jappoġġa l-implimentazzjoni tal-miżuri speċifiċi mħabbra reċentement mill-UA;

4.      Ifakkar li s-sħubija tal-UE mal-Burundi hija rregolata bil-Ftehim ta' Cotonou, u li l-partijiet kollha marbuta li jirrispettaw u jimplimentaw it-termini ta' dak il-ftehim, b'mod partikolari r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; jinnota li l-Burundi ffirma u rratifika wkoll il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, u għalhekk huwa obbligat li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem universali u l-libertà tal-espressjoni; jistieden lill-Gvern tal-Burundi, għalhekk, biex jippermetti li jseħħ dibattitu politiku ġenwin u miftuħ mingħajr biża' ta' intimidazzjoni, u biex iżomm lura milli juża ħażin il-ġudikatura biex jeskludi lir-rivali politiċi;

5.      Jieħu nota tad-djalogu li sar bejn l-UE u l-awtoritajiet tal-Burundi skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou; jemmen, madankollu, li hemm ksur kontinwu tal-elementi essenzjali u fundamentali tal-Ftehim ta' Cotonou, b'mod partikolari r-rispett għall-prinċipji fundamentali demokratiċi u tal-bniedem, u jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tibda proċeduri skont l-Artikolu 96 bil-ħsieb li jittieħdu miżuri xierqa;

6.      Jistieden ukoll lill-Kummissjoni, għal dan l-għan, biex tivvaluta mill-ġdid l-għajnuna tal-UE b'urġenza bl-għan li tiddevjaha, li żżid l-appoġġ finanzjarju għas-soċjetà ċivili u li tiffoka fuq l-għajnuna umanitarja pjuttost milli fuq l-appoġġ baġitarju ċentrali, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu r-rwol ta' min ifaħħru tal-armata tal-Burundi fil-missjoni ta' żamma tal-paċi fis-Somalja;

7.      Jingħaqad mal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-22 ta' Ġunju 2015 fl-istedina lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) biex tħejji lista ta' miżuri restrittivi mmirati u ta' projbizzjonijiet tal-viża u l-ivvjaġġar kontra dawk responsabbli għal atti ta' vjolenza, repressjoni u ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, flimkien ma' dawk li attivament jimpedixxu soluzzjoni politika fil-qafas propost mill-UA u l-EAC, u jitlob ukoll lill-VP/RGħ tieħu l-miżuri meħtieġa biex jiġu ffriżati l-assi ta' dawn l-individwi kollha fl-Istati Membri tal-UE;

8.      Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar in-numru ta' vittmi u n-numru ta' każijiet ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtati sa mill-bidu tal-kriżi, b'mod partikolari dawk l-abbużi attribwiti lill-membri tal-Imbonerakure; jinnota l-intimidazzjoni u r-riskji li jħabbtu wiċċhom magħhom id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti politiċi u l-ġurnalisti u l-arrest arbitrarju ta' membri tal-partiti tal-oppożizzjoni; jitlob għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjoni ta' dawk kollha li ġew arrestati b'riżultat tal-eżerċizzju tad-dritt tagħhom ta' għaqda paċifika u ta' espressjoni;

9.      Jitlob b'insistenza li l-vjolenza u l-intimidazzjoni mwettqa mill-Imbonerakure jintemmu minnufih; jistieden lis-CNDD-FDD jieħu azzjoni immedjata biex jiddiżarma l-milizzja taż-żgħażagħ u biex il-membri tagħha ma jibqgħux jintimidaw u jattakkaw l-avversarji, u jiżgura li dawk responsabbli mill-abbużi jitressqu l-qorti; jitlob li ssir investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar affermazzjonijiet li s-CNDD-FDD jarma u jħarreġ it-taqsima taż-żgħażagħ tiegħu; bl-istess mod, iħeġġeġ lill-mexxejja tal-partiti tal-oppożizzjoni biex jevitaw li sseħħ vjolenza kontra l-avversarji tagħhom;

10.    Itenni li m'għandux ikun hemm impunità għal dawk responsabbli minn ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, li jridu jinżammu individwalment responsabbli u jagħtu rendikont f'qorti tal-ġustizzja; iqis li huwa ta' importanza partikolari li l-iskjerament ta' osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem u esperti militari mħabbar mill-UA jibda minnufih;

11.    Jinnota li tentattivi ta' ċerti forzi li jittrasformaw l-irvellijiet f'kunflitt etniku qed ifallu, u li d-diviżjonijiet politiċi fil-Burundi mhumiex espliċitament etniċi; jemmen li dan juri s-suċċess tal-Ftehimiet ta' Arusha fl-istabbiliment ta' armata u forza tal-pulizija etnikament bilanċjata;

12.    Itenni, f'dan il-kuntest, l-importanza tar-rispett tal-Kodiċi ta' Kondotta fi Kwistjonijiet Elettorali u tal-pjan direzzjonali elettorali nnegozjat min-NU li ġie ffirmat mill-atturi politiċi fl-2013, u jappoġġa bis-sħiħ l-isforzi reġjonali u tan-NU għall-prevenzjoni ta' żieda ulterjuri fil-vjolenza politika;

13.    Jitlob li jitneħħew minnufih ir-restrizzjonijiet fuq il-media u l-aċċess għall-internet, u jiddenunzja għal darb'oħra l-attakki ripetuti fuq Radio Publique Africaine, li jservi bħala wieħed mis-sorsi prinċipali ta' aħbarijiet tal-pajjiż; iqis li ma jistgħux isiru elezzjonijiet leġittimi sakemm il-kumpaniji tal-media ma jkunux jistgħu joperaw mingħajr restrizzjonijiet, u l-ġurnalisti ma jkunux jistgħu jirrappurtaw mingħajr intimidazzjoni;

14.    Ifaħħar ir-rwol tal-organizzazzjonijiet umanitarji u tal-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-viċinat li qed jindirizzaw il-bżonnijiet ta' dawk li qed jaħarbu mill-kriżi u qed joffru protezzjoni lir-refuġjati; jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni ta' EUR 1.5 miljun addizzjonali biex tittaffa s-sitwazzjoni umanitarja; iwissi, madankollu, li l-impenji jridu jiġu rduppjati b'urġenza kemm mill-UE kif ukoll mill-Istati Membri tagħha, minħabba l-influss enormi ta' refuġjati f'reġjun li diġà huwa fraġli, b'tifqigħat irrappurtati ta' kolera u b'rapporti allarmanti ta' vjolenza sesswali; jissottolinja l-importanza ta' strateġija fit-tul mhux biss għall-assistenza medika u nutrizzjonali iżda anke għall-assistenza psikoloġika u ta' reintegrazzjoni għal dawk li ġew imġiegħla jaħarbu;

15.    Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex iwettqu l-impenji kollha li ħadu fir-rigward tal-Pjan ta' Reazzjoni Reġjonali għar-Rifuġjati tal-Burundi tan-NU, li jirrikjedi USD 207 miljun sa Settembru 2015 sabiex jassisti lill-200 000 refuġjat mistennija mill-Burundi, anke permezz ta' żieda fl-għotjiet eżistenti lir-reġjun;

16.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Gvern tal-Burundi u lill-gvernijiet tal-pajjiżi tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar, lill-gvernijiet tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, lill-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza