Proċedura : 2015/2723(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0667/2015

Testi mressqa :

B8-0667/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 09/07/2015 - 12.11
CRE 09/07/2015 - 12.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0275

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 148kWORD 86k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0657/2015
1.7.2015
PE559.030v01-00
 
B8-0667/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi (2015/2723(RSP))


Rolandas Paksas, Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi (2015/2723(RSP))  
B8‑0667/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burundi,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Arusha għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Burundi tal-2000,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kelliem dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi tas-27 ta’ April 2015, il-5 ta’ Ġunju 2015 u s-17 ta’ Ġunju 2015,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President/Rappreżentant Għoli Mogherini dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi tat-13 ta’ Mejju 2015,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-Burundi tat-18 ta' Mejju 2015 u tat-22 ta’ Ġunju 2015,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi tal-10 ta' April 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President/Rappreżentant Għoli Mogherini dwar is-sospensjoni tal-MOE fil-Burundi tat-28 ta’ Mejju 2015,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Summit tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC) tal-31 ta’ Mejju 2015,

–       wara li kkunsidra l-komunikat tal-515-il laqgħa tal-Kunsill għall-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana fil-livell tal-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern dwar il-Burundi tat-13 ta’ Ġunju 2015,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–       wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza (ACDEG),

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–       wara li kkunsidra il-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-President Pierre Nkurunziza ħabbar fil-25 ta’ April li kien se joħroġ għat-tielet mandat fl-elezzjonijiet li għall-ewwel kienu skedati għas-26 ta’ Mejju; billi wara t-tħabbir, eluf ta’ dimostranti sfidaw il-projbizzjoni tal-gvern fuq il-protesti u ħarġu fit-toroq; billi bħala reazzjoni l-gvern uża għadd kbir ta’ forzi tas-sigurtà u l-forzi tal-pulizija allegatament sparaw fuq id-dimostranti;

B.     billi l-Kostituzzjoni tal-Burundi, kif ukoll il-Fftehim ta Paċi u Rikonċiljazzjoni ta’ Arusha għall-Burundi tal-2000, tistipula li l-President “għandu jiġi elett għal mandat ta’ ħames snin, li jista’ jiġġedded darba biss. Ħadd ma jista’ jservi iktar minn żewġ mandati presidenzjali”;

C.     billi nqatlu mill-inqas 70 persuna, l-iktar ċivili iżda wkoll forzi tal-pulizija u tas-sigurtà, mijiet oħra ġew midruba u huwa stmat li madwar 600 dimostrant ġew arrestati fix-xhur ta’ inkwiet politiku fil-pajjiż li segwew; billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) qal li l-vjolenza fil-Burundi ġiegħlet lil aktar minn 150 000 persuna biex jaħarbu lejn pajjiżi ġirien (it-Tanzanija, ir-Rwanda u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo) fejn huma f’riskju ta’ mard infettiv, inkluża l-kolera;

D.     billi l-milizja Imbonerakure, il-lega taż-żgħażagħ tal-partit fil-gvern il-Kunsill Nazzjonali għad-Difiża tad-Demokrazija – Forzi għad-Difiża tad-Demokrazija (CNDD-FDD), kienet involuta fil-użu tal-vjolenza, l-intimidazzjoni, attakki, it-tiswit u l-qtil bil-lejl fid-djar u rejds ta’ serq;

E.     billi fil-5 ta’ Mejju l-Ċorti Kostituzzjonali tal-Burundi ddeċidiet li Nkurunziza kien awtorizzat joħroġ għat-tielet mandat għar-raġuni li l-ewwel mandat tiegħu ma kienx jgħodd peress li ġie elett mill-Parlament u mhux direttament mill-poplu; billi l-viċi president tal-qorti ħarab mill-pajjiż wara li rrifjuta li jiffirma d-deċiżjoni, għax qal li l-imħallfin kienu soġġetti għal theddid tal-mewt; billi żewġ membri anzjani tal-kummissjoni elettorali wkoll ħarbu mill-pajjiż minħabba l-biża’ għas-sikurezza tagħhom stess;

F.     billi fit-13 ta’ Mejju attentat ta’ kolp ta’ stat seħħ fil-Burundi fl-assenza tal-President Nkurunziza, meta l-Ġeneral tal-Armata tal-Burundi Godefroid Niyombare ħabbar li kien keċċa Pierre Nkurunziza bħala President għax kien qed jipprova joħroġ għat-mandat tiegħu li jmur kontra l-kostituzzjoni; billi fil-15 ta’ Mejju, fost ġlied, il-President Nkurunziza rritorna lejn il-pajjiż;

G.     billi għadd ta’ mexxejja ċivili ġew arrestati, xi stazzjonijiet tar-radju ngħalqu u l-aċċess għal siti tal-midja soċjali permezz tal-mowbajls ġie mblukkat; billi l-Gvern tal-Burundi nieda ripressjoni fuq il-mezzi tax-xandir indipendenti wara l-attentat ta’ kolp ta’ stat, fejn ġurnalisti kienu soġġetti għal theddid, ġew arrestati jew sfurzati jaħarbu mill-pajjiż;

H.     billi l-komunità internazzjonali, inkluża l-Unjoni Afrikana u n-Nazzjonijiet Uniti, talbet lill-gvern biex l-elezzjonijiet jiġu posposti minħabba l-instabbiltà kontinwa u n-nuqqas ta’ kondizzjonijiet minimi għal elezzjonijiet demokratiċi; billi l-elezzjonijiet leġiżlattivi saru fid-29 ta’ Ġunju, minkejja li kienu soġġetti għal bojkott mis-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni, u l-elezzjonijiet Presidenzjali għadhom mistennija jsiru fil-15 ta’ Lulju;

I.      billi l-Belġju u n-Netherlandswaqqfu parzjalment l-għajnuna barranija tagħhom fil-Burundi minħabba s-sitwazzjoni attwali, l-Istati Uniti ssospendiet it-taħriġ tas-suldati tal-Burundi għal missjonijiet Afrikani taż-żamma tal-paċi minħabba tħassib li l-vjolenza politika fil-pajjiż tista’ tfixkel l-abbiltà tagħhom li jipparteċipaw f’dawn l-operazzjonijiet, u Franza ssospendiet il-kooperazzjoni tas-sigurtà tagħha tal-Burundi;

J.      billi fl-24 ta’ Mejju l-mexxej tal-partit tal-oppożizzjoni u l-kap tal-Unjoni għall-Paċi u l-Iżvilupp, Zedi Feruzi, inqatel b’tiri flikien mal-bodyguard tiegħu waqt li kienu mexjin lejn id-dar f’Bujumbura;

K.     billi fil-15 ta’ Ġunju l-mexxejja Afrikani f’summit fl-Afrika t’Isfel iddeċidew dwar l-iskjerament fil-Burundi ta’ esperti militari u osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem biex jissorveljaw is-sitwazzjoni fil-pajjiż, biex jagħtu parir lill-uffiċjali tal-pulizija u biex jiddiżarmaw lill-gruppi militanti;

L.     billi l-Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE ġiet sospiża minħabba n-nuqqas ta’ kundizzjonijiet minimi għal elezzjonijiet demokratiċi; billi l-EOM se terġa’ tibda meta u jekk il-kundizzjonijiet għat-twettiq ta’ elezzjonijiet demokratiċi jiġu maqbula bejn il-partijiet kollha interessati;

M.    billi fil-25 ta’ Ġunju t-tieni Viċi President tal-Burundi Gervais Rufyikiri ħarab mill-pajjiż wara li ħeġġeġ lill-President biex jirriżenja u biex ipoġġu l-interessi tan-nies tal-Burundi qabel l-interessi personali tiegħu billi jirtira l-offerta presidenzjali tiegħu; billi fit-28 ta’ Ġunju l-Kelliem tal-Assemblea Nazzjonali Pie Ntavyohanyuma ħarab lejn il-Belġju lejliet l-elezzjonijiet, fejn stqarr li l-offerta tal-President għat-tielet mandat kienet illegali; billi l-Unjoni Afrikana kien waqqaf lill-osservaturi tal-elezzjoni fil-Burundi, għax qalet li l-elezzjonijiet parlamentari la kienu ħielsa u lanqas ġusti;

N.     billi l-Unjoni Ewropea tiffinanzja madwar nofs il-baġit annwali tal-Burundi, wieħed mill-ifqar pajjiżi fid-dinja; billi l-Kummissjoni Ewropea ħarġet EUR 3 miljun addizzjonali għall-assistenza u l-protezzjoni tan-numru dejjem jiżdied ta’ refuġjati mill-Burundi fil-pajjiż ġar it-Tanzanija;

1.      Jikkundanna l-attentat ta’ kolp ta’ stat fil-Burundi, l-attakki bil-granati kontra l-popolazzjoni ċivili u l-pulizija u kwalunkwe vjolenza mwettqa mill-partijiet kollha; jesprimi simpatija profonda u solidarjetà mal-popolazzjoni tar-Repubblika tal-Burundi f’dan iż-żmien diffiċli; jistenna li l-atturi kollha fil-Burundi juru trażżin u jirrimarka li huma s-setturi l-aktar dgħajfa tal-popolazzjoni, speċjalment it-tfal u n-nisa, li jbatu l-iktar mill-vjolenza;

2.      Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-awtoritajiet tal-Burundi li jagħlqu l-fruntieri tal-pajjiż tard nhar il-Ħadd u biex ikomplu jirsistu fuq l-elezzjonijiet minkejja s-sitwazzjoni attwali u l-appelli numerużi li jipposponuhom, u huwa konvint li mingħajr l-parteċipazzjoni tal-oppożizzjoni fil-proċess, l-eżitu mhux se jkun ġust u lanqas demokratiku;

3.      Itenni l-importanza tal-Ftehim ta’ Arusha għall-paċi dejjiema u l-unità fil-Burundi; jistieden lill-forzi politiċi kollha biex jirrispettaw dan u biex isibu soluzzjonijiet konformi mal-Ftehim;

4.      Jitlob lill-gvern tal-Burundi biex jipposponi l-elezzjonijiet presidenzjali sakemm jerġa’ jiġi stabbilit minimu ta’ kundizzjonijiet favorevoli għall-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet demokratiċi; jirrimarka li elezzjonijiet inklussivi, kredibbli u trasparenti li jsiru f’ambjent politiku mingħajr intimidazzjoni jew vjolenza huma elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Arusha;

5.      Ma jemminx li d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali li tippermetti lill-President Nkurunziza jiddekorri għat-tielet mandat hija ġusta, għaliex din id-deċiżjoni tidher li kienet imċappsa b’theddid ta’ mewt u intimidazzjoni ta’ imħallfin; jistieden lill-President biex jindirizza din il-kwistjoni fi spirtu ta’ rikonċiljazzjoni u fl-interess tal-pajjiż, u biex jerġa’ jeżamina d-deċiżjoni tiegħu biex joħroġ għat-tielet mandat, peress li dan imur kontra l-kostituzzjoni u l-Ftehim ta’ Arusha;

6.      Iħeġġeġ lill-forzi politiċi kollha, lill-awtoritajiet u lis-soċjetà ċivili jieħdu sehem fi djalogu politiku inklużiv u trasparenti li jwassal għal gvern ta’ unità li jista’ jiddeċiedi dwar skeda għall-elezzjonijiet presidenzjali ġodda sabiex in-nies jitħallew jagħżlu mexxej kostituzzjonali u leġittimu;

7.      Jikkundanna l-attivitajiet tal-milizja Imbonerakure u l-użu ta’ vjolenza kontra persuni ċivili, l-użu ta’ armi tan-nar u ta’ granati u kwalunkwe att ta’ vjolenza mwettaq minn kwalunkwe Parti; itenni li dawk li huma direttament jew indirettament involuti f’atti vjolenti u ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem għandhom jinżammu responsabbli individwalment u jħallsu ta’ għemilhom quddiem qorti tal-ġustizzja;

8.      Jikkundanna l-użu eċċessiv tal-forza kontra d-dimostranti u l-atmosfera ta’ intimidazzjoni kontra l-partiti tal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili, kif ukoll ir-restrizzjonijiet imposti fuq mezzi tal-informazzjoni ħielsa; jenfasizza li l-libertajiet fundamentali, u b’mod partikolari l-libertajiet tal-opinjoni, tal-espressjoni, tal-istampa u ta’ protesta paċifika, huma l-pedamenti ta’ demokrazija li tiffunzjona; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet mill-awtoritajiet ta’ dawk kollha li ġew arrestati għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet;

9.      Jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi ta’ medjazzjoni li qed isiru mill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, l-Unjoni Afrikana u n-Nazzjonijiet Uniti; jilqa’ l-ħatra ta’ Abdoulaye Bathily, ir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Afrika Ċentrali, bħala faċilitatur fil-kriżi tal-Burundi, u jappella lill-partijiet kollha biex jaħdmu miegħu u lir-rappreżentanti tal-Unjoni Afrikana u l-Komunità tal-Afrika tal-Lvant sabiex jerġa’ jinbeda djalogu dwar il-kwistjonijiet kontroversjali kollha, inkluż kalendarju ġdid għall-elezzjonijiet presidenzjali;

10.    Jesprimi tħassib kbir dwar l-ispostamenti enormi tal-popolazzjoni kkaġunati mit-tensjonijiet politiċi; jifraħ lill ġirien tal-Burundi dwar l-attitudni miftuħa u akkoljenti tagħhom lejn ir-refuġjati u jistieden lill-atturi internazzjonali u l-aġenziji umanitarji biex jappoġġawhom fl-isforzi tagħhom;

11.    Jilqa’ u jappoġġa l-konklużjonijiet tal-Unjoni Afrikana (UA) tat-13 ta’ Ġunju 2015 u l-pjan direzzjonali għal djalogu bejn il-partijiet kollha tal-Burundi, kif ukoll id-deċiżjoni li jiġu skjerati osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem tal-UA u esperti militari tal-UA biex jivverifikaw il-proċess tad-diżarm tal-milizji; jitlob lill-Gvern tal-Burundi biex jestendi l-kooperazzjoni sħiħa tiegħu għal dan il-proċess;

12.    Jieħu nota tas-sospensjoni ta’ EUR 2 miljun ta’ għajnuna fil-Burundi u jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tipprovdi EUR 1.5 miljun biex jintlaħqu l-ħtiġijiet umanitarji immedjati għall-assistenza u l-protezzjoni ta’ numri kbar ta’ niex mill-Burundi li qed jaħarbu lejn il-pajjiżi ġirien; jemmen li l-għajnuna tal-UE għandha tkun diretta mill-ġdid lejn is-soċjetà ċivili u l-għajnuna umanitarja;

13.    Ifakkar li s-sħubija tal-UE mal-Burundi hija rregolata mill-Ftehim ta’ Cotonou u li dan il-ftehim jinkludi obbligi għall-partijiet, b’mod partikolari fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

14.    Jappoġġja l-proposta tal-Kunsill li timponi sanzjonijiet fuq dawk responsabbli mill-vjolenza u r-rieda tagħha li tikkunsidra passi oħra fil-qafas tal-Ftehim ta’ Cotonou, inkluż l-użu tal-Artikolu 96; jenfasizza, madankollu, li kwalunkwe azzjoni m’għandhiex tagħmel ħsara lill-popolazzjoni kollha kemm hi iżda biss lejn dawk li huma direttament responsabbli għal ksur;

15.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjonim lill-Istati Membri, lill-Gvern tal-Burundi u lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Lagi l-Kbar, lill-Unjoni Afrikana, lill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u tal-Parlament Pan-Afrikan (PAP).

 

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza