Proċedura : 2015/2723(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0668/2015

Testi mressqa :

B8-0668/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 09/07/2015 - 12.11
CRE 09/07/2015 - 12.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0275

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 145kWORD 308k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0657/2015
1.7.2015
PE559.028v01-00
 
B8-0668/2015

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi (2015/2723(RSP))


Marie-Christine Vergiat, Malin Bjork, Pablo Iglesias, Lola Sánchez Caldentey, Sabine Lösing, Paloma Lopez Bermejo, Merja Kyllönen f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi (2015/2723(RSP))  
B8‑0668/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou u l-klawsola tiegħu dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem,

–       wara li kkunsidra r-rendikonti tal-missjonijiet u l-linji prijoritarji ta' azzjoni tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) u l-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF) fil-Burundi, b'mod partikolari dwar il-kwistjoni tal-ġlieda kontra l-ġuħ u l-malnutrizzjoni,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Arusha tat-28 ta' Awwissu 2000, speċjalment l-Artikolu 7(3) tiegħu,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet differenti tar-rappreżentanti tan-Nazzjonjiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi fil-perspettiva tal-elezzjoni tal-president prevista fl-2015,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-suġġett, b'mod partikolari dawk tat-18 ta' Settembru 2014 u tal-11 ta' Frar 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-Burundi waqa' żewġ postijiet lura fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem (UNDP) u għadda mil-178 post fl-2013 għall-180 post fl-2014; billi erba' persuni minn kull ħamsa jgħixu b'anqas minn USD 1,25 u billi 66,9 % tal-popolazzjoni jgħixu taħt is-soll tal-faqar; billi l-introjtu gross nazzjonali per capita fl-2013 kien ta' USD 280, l-aktar wieħed baxx fid-dinja wara l-Malawi;

B.     billi tal-anqas wieħed minn kull żewġ Burundjani jinsab f'sitwazzjoni ta' malnutrizzjoni kronika u billi kważi żewġ terzi, jew 58 %, tat-tfal kollha taħt il-ħames snin ibatu minn malnutrizzjoni kronika; billi l-pajjiż għandu l-ogħla rata ta' ġuħ fost il-120 pajjiż fejn ġie kkalkulat l-Indiċi tal-Ġuħ Dinji fl-2012;

C.     billi l-Burundi għadu mmarkat mill-gwerra ċivili li seħħet bejn l-1993 u l-2005 u li ħalliet 300 000 persuna mejta; billi sar progress minn tmiem il-gwerra 'l hawn, speċjalment fl-oqsma tal-edukazzjoni u s-saħħa, iżda s-sitwazzjoni reġgħet saret mimlija tensjoni mill-2010 'l hawn;

D.     billi s-sitwazzjoni politika matul il-perjodu 2013-2015 ġiet influwenzata mill-elezzjonijiet leġiżlattivi li għandhom isiru f'Lulju u Awwissu 2015;

E.     billi t-tensjoni politika fil-Burundi intensifikat ruħha minn mindu l-President Nkurunziza qed jagħmel pressjoni biex jikseb it-tielet mandat presidenzjali tiegħu; billi, diġà fl-2010, kważi l-oppożizzjoni kollha kienet ibbojkottjat l-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi u b'hekk ippermettiet rebħa vasta tal-partit fil-gvern, is-CNDD-FDD; billi l-oppożizzjoni mill-ġdid qed tiddikjara li beħsiebha tibbojkottja l-elezzjonijiet fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali;

F.     billi, minkejja l-pressjoni nazzjonali u internazzjonali, fil-25 ta' April, Pierre Nkurunziza ngħata l-mandat uffiċjali mill-partit CNDD-FDD biex joħroġ għat-tielet darba għall-elezzjoni u billi ressaq l-applikazzjoni tiegħu fit-8 ta' Mejju;

G.     billi, minn dak iż-żmien 'l hawn, id-dimostrazzjonijiet organizzati mill-oppożizzjoni u mill-partit fil-gvern qed jikbru fid-daqs u ddeġeneraw fi rvelli fis-26, 27 u 28 ta' April; billi ġiet skjerata l-armata; billi, minn April 'l hawn, ir-radjijiet ġew ipprojbiti milli jirrappurtaw dwar id-dimostrazzjonijiet u mbagħad sfaw magħluqa; billi minn dak iż-żmien 'l hawn id-dimostrazzjonijiet għadhom għaddejjin;

H.     billi, sa mill-bidu tad-dimostrazzjonijiet, inqatlu madwar 78 ruħ, aktar minn 500 sfaw midruba, 800 ġew arrestati u aktar minn 100 000 kellhom jaħarbu mill-pajjiż;

I.      billi l-vjolenza qed tiġi aggravata mill-azzjonijiet tal-milizzji marbutin mal-poter; billi bosta NGOs u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qed jiddenunzjaw l-infiltrazzjoni tal-forzi tal-pulizija u tal-armata mill-milizzji tas-CNDD-FDD; billi jeżistu bosta allegazzjonijiet ta' kollużjoni bejn dawn il-milizzji u dik Hutu tal-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tar-Rwanda (FDLR); billi l-milizzji u s-servizzi sigrieti ilhom involuti snin f'każijiet ta' qtil extraġudizzjarju;

J.      billi hemm riskju li s-sitwazzjoni attwali terġa' tagħti bidu għall-gwerra ċivili, peress li l-fatt li Pierre Nkurunziza qed jipprova jikseb it-tielet mandat ta' president jikkostitwixxi ksur tal-Ftehim ta' Arusha, li l-Artikolu 7(3) tiegħu jipprevedi li l-President tar-Repubblika "huwa elett għal mandat ta' ħames snin li jista' jiġġedded darba biss" u li "ħadd ma jista' jaqdi aktar minn żewġ mandati bħala president"; billi r-repressjoni kontra l-partiti tal-oppożizzjoni qed tiħrax u qed tagħmilha impossibbli li ssir kwalunkwe kampanja elettorali;

K.     billi l-komunità internazzjonali kollha kemm hi kkundannat l-attitudni tal-poter u s-sospensjoni tal-missjonijiet elettorali ppjanati mill-Unjoni Afrikana (UA) u mill-Unjoni Ewropea fil-pajjiż;

L.     billi l-elezzjonijiet leġiżlattivi u muniċipali saru nhar it-Tnejn 29 ta' Ġunju f'kuntest ta' tensjoni kbira u ta' bojkott mill-oppożizzjoni;

1.      Jistqarr it-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi hekk kif qed joqorbu l-elezzjonijiet li jmiss u jissottolinja li din is-sitwazzjoni jista' jkollha konsegwenzi drammatiċi għar-reġjun kollu;

2.      Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' dawk kollha li ġew arrestati fl-eżerċizzju tad-drittijiet demokratiċi tagħhom;

3.      Jappoġġa t-talba tar-Rapporteur Speċjali dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-Afrika, is-Sinjura Reine Alapini-Gansou, li tinfetaħ inkjesta dwar l-allegazzjonijiet li jikkonċernaw "l-eżistenza ta' ċentri ta' taħriġ għaż-żgħażagħ Burundjani fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo" u jitlob li din l-inkjesta titwettaq taħt l-awspiċji tan-NU u l-UA; jitlob ukoll li ssir inkjesta dwar allegazzjonijiet ta' qtil extraġudizzjarju irrappurtati għal bosta snin minn NGOs nazzjonali u internazzjonali;

4.      Jitlob ukoll li jinxteħet id-dawl fuq l-integrazzjoni tal-milizzji tas-CNDD-FDD fil-forzi armati u fil-forzi tal-pulizija u fuq l-allegazzjonijiet ta' kollużjoni bejn dawn tal-aħħar u l-FDLR tar-Rwanda;

5.      Iħeġġeġ lill-Gvern Burundjan biex itemm il-vjolenza, biex jimpenja ruħu fi djalogu politiku ġenwin dwar il-kwistjonijiet ewlenin nazzjonali u biex jirrevoka l-liġijiet li jirrestrinġu l-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda sabiex tkun żgurata klima favorevoli għall-espressjoni tad-demokrazija; jissottolinja, f'dan il-kuntest, li huwa essenzjali li jiġi awtorizzat il-ftuħ mill-ġdid tal-istazzjonijiet tar-radju magħluqa u meqruda f'April 2015 sabiex kulħadd ikollu aċċess għall-informazzjoni;

6.      Jappoġġa s-sejħa għall-issoktar immedjat tad-djalogu li saret min-naħa tal-UA, in-NU, il-Komunità tal-Afrika tal-Lvant u l-Konferenza Internazzjonali dwar ir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar (ICGLR); jappoġġa r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-UA dwar il-Burundi li jitolbu li d-data tal-elezzjoni tiġi stabbilita permezz ta' kunsens bejn il-partijiet u li l-milizzji jiġu diżarmati mill-aktar fis possibbli;

7.      Jissottolinja l-illeġittimità tal-elezzjonijiet li saru nhar it-Tnejn; jappoġġa t-talba għall-annullament ta' dawn l-elezzjonijiet; jemmen li l-kundizzjonijiet mhumiex issodisfati wkoll għaż-żamma tal-elezzjonijiet presidenzjali u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu posposti sakemm tintemm it-tensjoni u sakemm l-istat tad-dritt jerġa' lura fil-pajjiż;

8.      Iqis li l-kriżi attwali tista' tingħeleb biss permezz ta' djalogu politiku fil-livell nazzjonali u reġjonali u taħt l-ebda ċirkostanza m'għandha tintuża bħala skuża għal intervent militari ġdid fir-reġjun;

9.      Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali li l-popolazzjoni tal-Burundi kollha kemm hi qed tiffaċċja, b'mod partikolari dik tar-rifuġjati u l-persuni spostati, li se jkomplu jiżdiedu minħabba l-problemi ta' sigurtà interna fil-pajjiż u t-tensjoni fil-pajjiżi ġirien;

10.    Jinsab partikolarment inkwetat dwar id-diskriminazzjoni u l-kriminalizzazzjoni tal-omosesswalità fil-Burundi; itenni l-fatt li l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru huma kwistjonijiet li jaqgħu fl-isfera tad-dritt tal-individwu għall-privatezza, kif iggarantit mid-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, li bis-saħħa tiegħu l-prinċipji tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni għandhom jiġu protetti, filwaqt li l-libertà tal-espressjoni għandha tiġi ggarantita; jistieden, għalhekk, lill-Parlament u lill-Gvern tal-Burundi jħassru l-artikoli tal-Kodiċi Penali li jippreġudikaw lill-persuni LGBTI;

11.    Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jirrilaxxaw il-fondi meħtieġa sabiex is-sitwazzjoni umanitarja f'din il-parti tad-dinja tiġi indirizzata u jaħdmu b'kollaborazzjoni mal-korpi tan-NU, b'mod partikolari dwar is-sitwazzjoni ta' malnutrizzjoni kronika;

12.    Iqis li l-problemi tal-Burundi jistgħu jissolvew fil-pajjiż biss billi jiġu żgurati l-istess drittijiet għaċ-ċittadini kollha, billi jiġu indirizzati l-problemi li jinvolvu l-kontroll tal-art agrikola għammiela, il-qgħad u l-faqar, billi jiġu miġġielda l-korruzzjoni, il-faqar, l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni, kif ukoll billi jiġu promossi riformi soċjali, politiċi u ekonomiċi sabiex jinħoloq Stat liberu, demokratiku u stabbli;

13.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tal-Burundi, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana u tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan (PAP).

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza