Proċedura : 2015/2723(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0669/2015

Testi mressqa :

B8-0669/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 09/07/2015 - 12.11
CRE 09/07/2015 - 12.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0275

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 154kWORD 307k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0657/2015
1.7.2015
PE559.032v01-00
 
B8-0669/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi (2015/2723(RSP))


Davor Ivo Stier, Cristian Dan Preda, Joachim Zeller, Lorenzo Cesa, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Mariya Gabriel, Francesc Gambús, Michael Gahler, Maurice Ponga, Tokia Saïfi, Lara Comi f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi (2015/2723(RSP))  
B8‑0669/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burundi,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-4 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–       wara li kkunsidra il-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni ta' Arusha,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President/Rappreżentant Għoli Federica Mogherini dwar is-sospensjoni tal-missjoni ta’ osservazzjoni elettorali (MOE) għall-Burundi tat-28 ta’ Mejju 2015 u d-dikjarazzjoni mill-kelliem tal-VP/RGħ dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi tad-29 ta’ Ġunju 2015,

–       wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tas-summit ta' emerġenza tal-Kapijiet ta' Stat tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi tal-31 ta' Mejju 2015,

–       wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana (UA) tat-13 ta’ Ġunju 2015,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2015 dwar il-Burundi,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–       wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza (ACDEG),

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–       wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-Burundi ilha li sabet ruħha f’taqlib sa minn April 2015, meta l-President Pierre Nkurunziza vara l-kandidatura kontroversjali tiegħu għat-tielet mandat konsekuttiv ta’ ħames snin, li wassal għal protesti mifruxa u kolp ta’ stat militari f’Mejju li ma rnexxiex;

B.     billi l-oppożizzjoni ħabbret li qed jibbojkottjaw l-elezzjonijiet, billi qed jallegaw li mhuwiex possibbli li ssir votazzjoni ġusta;

C.     billi saru l-elezzjonijiet lokali u parlamentari fil-Burundi fid-29 ta’ Ġunju 2015, u l-elezzjonijiet presidenzjali huma skedati għall-15 ta’ Lulju, minkejja l-appell mis-Summit tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC) “biex l-elezzjonijiet jiġu posposti sabiex jitħalla żmien biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet neċessarji għal elezzjonijiet paċifiċi, inklużivi u kredibbli;

D.     billi l-proċess elettorali għadu serjament mgħarraq minn restrizzjonijiet fuq il-midja indipendenti, użu eċċessiv ta’ forza kontra d-dimostranti, klima ta’ intimidazzjoni għall-partiti tal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili, u nuqqas ta’ fiduċja fl-awtoritajiet elettorali, sitwazzjoni li wasslet biex l-UE tissospendi Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tagħha;

E.     billi l-Kummissjoni tal-UA (l-Unjoni Afrikana) nhar il-Ħadd 28 ta’ Ġunju ħabbret li ma kinitx se tosserva elezzjonijiet lokali u parlamentari, filwaqt li nnotat li l-kundizzjonijiet neċessarji ma kinux issodisfati għall-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet ħielsa, ġusti, trasparenti u kredibbli;

F.     billi fl-istess jum il-President tal-Parlament tal-Burundi qal li kien ħarab, wara theddid, filwaqt li nstema’ jidwi sparar qawwi fil-belt kapitali kollha;

G.     billi fid-29 ta’ Ġunju 2015 l-UE irtirat b’mod permanenti l-Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tagħha għall-Burundi, billi kien tal-fehma li jekk jiġu organizzati elezzjonijiet leġislattivi mingħajr ma jkun hemm fis-seħħ il-kundizzjonijiet minimi biex jiġu żgurati l-kredibilità, it-trasparenza u l-inklussività tagħhom, dan seta’ biss jaggrava l-kriżi;

H.     billi bħalissa l-Burundi qed jiffaċċa l-agħar kriżi politika tiegħu minn meta ħareġ minn gwerra ċivili ta' 12-il sena fl-2005, u billi din għal darb'oħra qed toħloq theddid mhux biss għall-istabilità interna tal-pajjiż, iżda wkoll għal dik tal-ġirien tiegħu f'reġjun tal-kontinent Afrikan li huwa diġà volatili;

I.      profondament imħasseb bil-għadd ta’ vittmi u każijiet ta’ vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem li ġew irrappurtati sa mill-bidu tal-kriżi, b’mod partikolari dawk l-abbużi attribwiti lill-forzi tas-sigurtà u lill-membri tal-Imbonerakure;

J.      profondament imħasseb minħabba l-esodu kontinwu ta’ refuġjati lejn pajjiżi ġirien;

K.     billi huwa biss permezz tad-djalogu u l-konsensus, b’rispett għall-Ftehim ta’ Arusha u l-Kostituzzjoni tal-Burundi, li tista’ tinstab soluzzjoni politika dejjiema fl-interess tas-sigurtà u tad-demokrazija għall-poplu kollu tal-Burundi;

1.      Jikkundanna l-insistenza tal-Gvern tal-Burundi li jibqa’ għaddej bl-elezzjonijiet lokali u parlamentari fid-29 ta’ Ġunju minkejja l-ambjent politiku u ta’ sigurtà prevalenti;

2.      Jikkundanna l-vjolazzjonijiet kollha tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi, u jistieden lill-partijiet kollha jwaqqfu l-vjolenza u biex jeżerċitaw trażżin matul dan il-perjodu;

3.      Jitlob għad-diżarm urġenti tal-gruppi taż-żgħażagħ armati kollha li marbuta ma’ partiti politiċi;

4.      Jitlob lill-mexxejja jwaqqfu l-azzjonijiet kollha li huma l-għerq ta’ din il-vjolenzi, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Burundjani jiżguraw li dawn il-ġrajjiet jiġu investigati bis-sħiħ u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

5.      Itenni li ma għandu jkun hemm l-ebda impunità għal dawk responsabbli għal vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem, u li dawn il-persuni għandhom jinżammu individwalment responsabbli u jitressqu quddiem qorti tal-ġustizzja biex jagħtu rendikont; f'dan il-kuntest, iqis li hu ta’ importanza partikolari li l-osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem u l-esperti militari mħabbra mill-UA jiġu skjerati immedjatament;

6.      Jesprimi l-appoġġ tiegħu għal isforzi kontinwi li qed tagħmel l-EAC, u jenfasizza r-rilevanza tal-miżuri li sar qbil dwarhom fis-summits saru f’Dar es Salaam fit-13 u l-31 ta’ Mejju 2015, inkluża t-talba għall-posponiment tal-elezzjonijiet u l-waqfien immedjat tal-vjolenza, id-diżarm tal-gruppi taż-żgħażagħ affiljati ma’ partiti politiċi, il-bidu ta’ djalogu fost il-partijiet interessati Burundjani, u l-impenn min-naħa tar-reġjun li ma joqogħdux passivi jekk is-sitwazzjoni tmur għall-agħar, li jipprovdu qafas għal soluzzjoni politika u kunsenswali għall-kriżi;

7.      Jinnota b’diżappunt li d-djalogu politiku li nbeda mill-Mibgħut Speċjali tan-NU għar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar, bil-parteċipazzjoni tal-EAC, il-Konferenza Internazzjonali dwar ir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar (ICGLR) u l-UA, ma tax ir-riżultati mistennija;

8.      Jenfasizza li s-sitwazzjoni attwali tista’ tipperikola l-kisbiet importanti li ġew irreġistrati wara l-iffirmar tal-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni ta' Arusha fil-Burundi u l-Ftehim Globali ta’ Waqfien mill-Ġlied tal-2003, u b’hekk tiġi affettwata l-istabilità tar-reġjun;

9.      Jitlob li jiġu rispettati bis-sħiħ il-kondizzjonijiet identifikati mill-UA u l-EAC, li huma vitali għall-kredibbiltà u l-andament bla xkiel tal-proċess elettorali b'mod li jkun paċifiku, inklużiv u trasparenti u li ma jiksirx il-libertajiet politiċi, inkluża l-libertà ta' espressjoni.

10.    Jafferma mill-ġdid il-konvinzjoni tiegħu li huma biss id-djalogu u l-kunsensus, ibbażati fuq ir-rispett tal-Ftehim ta’ Arusha u l-Kostituzzjoni tal-Burundi,li se jagħmluha possibbli li tinstab soluzzjoni politika dejjiema, li tkun tiżgura l-preservazzjoni u l-konsolidazzjoni tal-paċi, kif ukoll it-tisħiħ tad-demokrazija u l-istat tad-dritt; għal dan il-għan, jistieden lill-partijiet interessati Burundjani kollha jerġgħu jibdew id-djalogu dwar l-oqsma kollha ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet, u jqiegħdu l-interess nazzjonali fuq il-kunsidrazzjonijiet l-oħra kollha;

11.    Itenni t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni diffiċli tar-refuġjati Burundjani li ħarbu minn pajjiżhom lejn l-istati ġirien; ifaħħar lill-pajjiżi ospitanti (ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, ir-Rwanda u t-Tanżanija), kif ukoll lill-aġenziji umanitarji, għall-appoġġ tagħhom għall-popolazzjonijiet ikkonċernati, u jistieden lill-komunità internazzjonali tipprovdi l-għajnuna umanitarja meħtieġa;

12.    Itenni li l-Burundi huwa marbut bil-klawżola tad-drittijiet tal-bniedem tal-Ftehim ta' Cotonou, bil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u bil-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, u għalhekk huwa obbligat li jirrispetta d-drittijiet univerali tal-bniedem, inkluża l-libertà ta' espressjoni;

13.    Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-UE u lill-Istati Membri jissoktaw jaħdmu lejn politika tal-UE ċara u bbażata fuq prinċipji vis-à-vis l-Burundi li tindirizza l-vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem li qed iseħħu bħalissa, skont il-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

14.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissospendu – fejn dan mhux diġà l-każ – kull appoġġ għall-istrutturi tal-pulizija, tal-militar u tal-gvern;

15.    Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra tvarax konsultazzjonijiet mal-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou bil-ħsieb tal-possibilità li l-pajjiż jiġi sospiż mill-Ftehim, u tieħu kwalunkwe miżuri xierqa waqt li jkunu qed jitmexxew il-konsultazzjonijiet;

16.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Gvern tal-Burundi, lill-gvernijiet tal-pajjiżi tar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar, lill-Unjoni Afrikana, lill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, lill-Konferenza Internazzjonali dwar ir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan.

Avviż legali - Politika tal-privatezza