ABBOZZ TA' MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen
6.7.2015 - (2015/2760(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao f'isem il-Grupp EFDD
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tas-SEAE dwar il-possibbiltà li jerġgħu jibdew it-taħditiet dwar il-Jemen taħt it-tmexxija tan-NU f'Ġinevra fl-14 ta' Ġunju 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-11 ta' Mejju 2015 tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli, Federica Mogherini, u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, dwar it-tregwa proposta fil-Jemen,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-1 ta' April 2015 tal-VP/RGħ Mogherini u l-Kummissarju Stylianides dwar l-impatt tal-ġlied fil-Jemen,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' April 2015 dwar il-Jemen,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 2014 (2011), 2051 (2012), 2140 (2014), 2201 (2015) u 2216 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Paċi u Sħubija Nazzjonali tal-21 ta' Settembru 2014,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-24 ta' Mejju 2015 tal-Kopresidenti tal-24 Laqgħa Konġunta Ministerjali u tal-Kunsill bejn il-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-ftehim ta' tranżizzjoni għall-Jemen tal-2011,
– wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fil-Jemen għaddejja gwerra ċivili li tinvolvi diversi fazzjonijiet: il-forzi tal-Houthis, li qalgħu 'l barra lill-ex President tal-Jemen Ali Abdullah Saleh u li huma leali lejn il-gvern preċedenti, u separatisti min-Nofsinhar li huma bbażati fl-inħawi ta' Aden, fin-naħa t'isfel tal-Jemen u fil-Gvernaturat ta' Ad Dali; billi gruppi terroristiċi Iżlamiċi bħal Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija (AQAP) u milizzji leali lejn l-Istat Iżlamiku/id-Daesh ukoll qed jieħdu vantaġġ mill-kriżi; billi l-forzi tas-sigurtà tal-Jemen għandhom lealtajiet differenti;
B. billi l-president tal-pajjiż, Abd-Rabbu Mansour Hadi, fil-25 ta' Marzu 2015 kien imġiegħel jaħrab wara li r-ribelli u l-alleati tagħhom daħlu fir-rifuġju tiegħu fin-Nofsinhar tal-Jemen, ħatfu l-ajruport u offrew somma għal min jaqbdu; billi Hadi u l-gvern tiegħu issa qegħdin eżiljati fl-Arabja Sawdija;
C. billi f'Marzu 2015 is-Summit tal-Lega Għarbija approva operazzjoni militari mmexxija mill-Arabja Sawdija kontra r-ribelli tal-moviment Houthi; billi fis-26 ta' Marzu l-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija u appoġġjata mill-Istati Uniti bdiet attakki mill-ajru kontra r-ribelli, u dak li hu prattikament imblokk tal-portijiet tal-Jemen qed jagħmilha ferm diffiċli biex titwassal l-għajnuna umanitarja;
D. billi nhar l-Erbgħa l-1 ta' Lulju n-NU ddikjarat emerġenza umanitarja tat-tielet livell (l-ogħla) f'dan il-pajjiż mifni mill-kunflitt, u l-uffiċjali tan-NU qalu li l-Jemen hu pass 'il bogħod minn karestija; billi d-WHO wissiet li s-sistema tal-kura tas-saħħa Jemenita tinsab f'xifer kollass;
E. billi l-kunflitt fil-Jemen ħalla madwar 21 miljun ruħ, jew 80 % tal-popolazzjoni, fil-bżonn ta' xi tip ta' għajnuna umanitarja; billi, skont l-aħħar ċifri tan-NU, nofs il-popolazzjoni tal-Jemen issa qed tiffaċċja sitwazzjoni ta' insigurtà tal-ikel minħabba l-imblokk navali impost mill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija;
F. billi l-għadd ta' mwiet ikkawżati minn mard u malnutrizzjoni aktarx dalwaqt jaqbeż l-għadd ta' persuni li nqatlu fil-kunflitt, u s'issa f'Aden ġew rapportati total ta' 8 000 każ ta' deni dengue u 590 vittma; billi mard ieħor bħall-malarja u mard li jittieħed mill-ilma qiegħed jiżdied ukoll, filwaqt li l-faċilitajiet tas-saħħa qed ikollhom jitħabtu biex jibqgħu jiffunzjonaw;
G. billi 70 % tal-Jemeniti għandhom inqas minn 30 sena u l-parti l-kbira minnhom qatt ma marru skola; billi ż-żgħażagħ iħossu li biex jibqgħu jgħixu ma għandhomx għażla oħra ħlief li jidħlu fl-armata;
H. billi l-Jemen hija fortizza tal-AQAP u, aktar ma jgħaddi ż-żmien, tal-Istat Iżlamiku/id-Daesh; billi fid-29 ta' Ġunju seħħet splużjoni ta' karozza bomba fil-belt kapitali, San'a, li kienet immirata għal folla li nġabret biex tfakkar l-imwiet ikkawżati minn karozza bomba oħra l-ġimgħa ta' qabel (li ħalliet ukoll 28 persuna midruba); billi l-Istat Iżlamiku fil-Jemen assuma r-responsabbiltà għaż-żewġ attakki;
I. billi r-riżoluzzjoni 2216 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU imponiet embargo fuq l-armi u sanzjonijiet immirati oħra fil-konfront tal-mexxej tal-Houthis u individwi oħra li azzjonijiethom imorru kontra l-paċi u l-istabbiltà fil-Jemen;
J. billi f'Ġunju 2015 f'Ġinevra saru negozjati dwar il-kriżi fil-Jemen, bin-NU bħala intermedjarja, iżda t-taħditiet ta' paċi bejn il-fazzjonijiet rivali naqsu milli jipproduċu ftehim ta' waqfien mill-ġlied; billi l-kelliem tan-NU Stéphane Dujarric qal li ma ġiet iffissata ebda data għal rawnd ieħor ta' taħditiet;
K. billi l-koalizzjoni ta' Stati Għarab appoġġjata mill-Istati Uniti u mmexxija mill-Arabja Sawdija ilha tibbumbardja lill-Houthis u lill-alleati tagħhom sa minn Marzu; billi, skont in-NU, minn meta bdew il-bumbardamenti nqatlu aktar minn 3 000 persuna u ndarbu aktar minn 14 000;
L. billi d-dritt umanitarju internazzjonali jgħid b'mod ċar li l-partijiet f'kunflitt għandhom jieħdu l-passi kollha possibbli biex jevitaw jew inaqqsu kemm jista' jkun l-għadd ta' vittmi ċivili; billi ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-koalizzjoni militari mmexxija mill-Arabja Sawdija għamlet xi ħaġa biex tevita jew tirrimedja għal dan il-ksur;
M. billi, fit-28 ta' Ġunju, f'attakk mill-ajru nltaqtet il-bażi tal-UNDP f'Aden, attentat li kkawża ħsarat u wassal għall-mewt ta' gwardja tas-sigurtà; billi, sa mill-bidu tal-kunflitt, iż-żoni residenzjali u l-infrastruttura ċivili sfaw regolarment fil-mira tal-partijiet fil-kunflitt, direttament jew b'mod kollaterali;
N. billi, s'issa, is-sensiela ta' attakki mill-ajru mmexxija mill-Arabja Sawdija naqset milli trażżan lill-Houthis, kif kien il-ħsieb, u l-kunflitt issa qed jiġi miġġieled f'mill-inqas sitt żoni differenti madwar il-pajjiż;
O. billi l-għadd totali ta' persuni ċivili li nqatlu f'dan l-istat tal-Golf issa qabeż l-1 400; billi huwa stmat li l-għadd totali ta' nies spostati internament laħaq aktar minn 300 000;
P. billi l-Jemen huwa affettwat direttament mill-kriżi umanitarja fil-Qarn tal-Afrika wkoll, hekk kif aktar minn 250 000 rifuġjat, l-aktar mis-Somalja, huma maqbudin fil-pajjiż u qed jgħixu f'kundizzjonijiet prekarji; billi, barra minn hekk, il-Jemen qed jospita madwar miljun migrant Etjopjan, skont il-kalkoli tal-gvern;
Q. billi l-Jemen għandu ħafna żejt, speċjalment fin-Nofsinhar, u billi fl-istrett ta' Bab el-Mandeb jingħaqdu l-aktar rotot marittimi importanti tad-dinja, inklużi dawk għat-trasport ta' madwar 4 % tal-provvista globali taż-żejt;
R. billi l-wirt arkeoloġiku u storiku estensiv tal-pajjiż jinsab dejjem aktar f'periklu wara mewġa ta' bumbardamenti mill-ajru fuq il-belt l-antika ta' San'a;
1. Jinsab imħasseb profondament dwar is-sitwazzjoni umanitarja u tas-sigurtà fil-Jemen, li qed teħżien rapidament u qed ikollha effett destabilizzanti fuq ir-reġjun kollu; jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi u jesprimi s-simpatija tiegħu mal-popolazzjoni Jemenita;
2. Jikkundanna l-azzjonijiet destabilizzanti tal-Houthis u tal-unitajiet militari leali lejn l-ex President Saleh u l-atti kollha ta' vjolenza mwettqa mill-partijiet kollha; jitlob lill-partijiet kollha jwaqqfu immedjatament l-użu tal-vjolenza u jappella għal pawża umanitarja sabiex tkun tista' titwassal l-assistenza lil dawk fi bżonn estrem;
3. Jikkundanna bil-qawwa l-attakki min-naħa tal-AQAP u l-Istat Iżlamiku/id-Daesh, li qed iseħħu f'sitwazzjoni li hi diġà drammatika; jinsab imħasseb ħafna li organizzazzjonijiet terroristiċi bħal dawn jistgħu jieħdu vantaġġ mis-sitwazzjoni attwali, u jilqa' l-fatt li l-UE tenniet l-impenn u d-determinazzzjoni tagħha li tindirizza t-theddida tal-gruppi estremisti u terroristiċi;
4. Jinsab imħasseb minħabba l-fatt li l-kunflitt fil-Jemen jeħtieġ jitqies fil-kuntest tal-ġlieda reġjonali għall-poter; jistieden lill-Iran u lill-Arabja Sawdija jappoġġjaw il-miżuri għall-bini tal-fiduċja, li jistgħu jbaxxu t-tensjonijiet, u jaġixxu b'mod kostruttiv billi jappoġġjaw ir-ritorn tal-partijiet fil-kunflitt madwar il-mejda tan-negozjati, filwaqt li jikkunsidra l-fehma li soluzzjoni paċifika vijabbli fit-tul tista' mhux neċessarjament tkun ibbażata fuq l-unità tal-Jemen kif definita mill-fruntieri uniti attwali tiegħu;
5. Jemmen li hija biss soluzzjoni politika aċċettabbli reċiprokament li tista' tiżblokka s-sitwazzjoni; jemmen li soluzzjoni bħal din għandha tkun ibbażata fuq l-Inizjattiva tal-GCC u l-Ftehim ta' Paċi u Sħubija Nazzjonali, li, minkejja li ma tistax tistabbilizza l-pajjiż, tibqa' l-unika għażla vijabbli;
6. Jinsab konvint li hu biss permezz ta' kunsens politiku wiesa' u negozjati paċifiċi f'atmosfera mingħajr biża' fost il-gruppi politiċi ewlenin, bil-parteċipazzjoni ta' delegati li jirrappreżentaw b'mod ġenwin lill-organizzazzjonijiet politiċi li f'isimhom ikunu qed jippruvaw jinnegozjaw, u li jkollhom l-appoġġ tagħhom, li tista' tinstab soluzzjoni sostenibbli, tinġieb fi tmiemha l-vjolenza, jerġa' jkun hemm il-paċi, u tiġi ppreservata l-unità, is-sovranità, l-indipendenza, u l-integrità territorjali tal-Jemen;
7. Jappoġġja bil-qawwa l-appell li għamel il-Mibgħut tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Jemen, Ismail Ould Cheikh Ahmed, biex il-partijiet kollha fil-kunflitt jaqblu dwar pawża umanitarja matul ix-xahar tar-Ramadan, li hu sagru għall-Musulmani, sabiex l-għajnuna urġenti meħtieġa tkun tista' titwassal b'mod ugwali fuq iż-żewġ naħat tal-Jemen mill-portijiet ta' Aden u Hodeidah;
8. Jilqa' l-allokazzjoni għall-2015, min-naħa tal-Kummissjoni, ta' EUR 25 miljun f'għajnuna umanitarja biex tgħin lill-popolazzjonijiet kollha madwar il-pajjiż milquta minn malnutrizzjoni akuta, kif ukoll mill-kunflitt u l-ispostament furzat, iżda jemmen li għandu jsir aktar; jappella biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni aktar fondi, f'koordinament ma' donaturi internazzjonali oħrajn, biex tkun evitata kriżi umanitarja u tingħata għajnuna essenzjali lil dawk fil-bżonn;
9. Jilqa' l-kontribut prezzjuż tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li qed jagħmlu ħafna mix-xogħol prattiku fil-Jemen, mit-tqassim tal-ilma u l-ikel f'villaġġi iżolati għat-twaqqif ta' kliniċi f'postijiet remoti, kollox b'finanzi limitati;
10. Ma jappoġġjax l-attakki mill-ajru fuq il-pajjiż min-naħa tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija, peress li dawn wasslu għal ħafna mwiet u ferimenti fost il-popolazzjoni ċivili, u jemmen li dawn imorru kontra d-dritt umanitarju internazzjonali, billi l-attakki li ma jiddistingwux bejn persuni ċivili u suldati jew li jikkawżaw ħsara sproporzjonata fuq ħwejjeġ ċivili huma pprojbiti; jistieden lill-Arabja Sawdija u lis-sħab tagħha fil-koalizzjoni josservaw id-dritt umanitarju internazzjonali, jinvestigaw fil-pront il-ksur kollu allegat, u jagħtu kumpens lill-vittmi ċivili;
11. Jinsab imħasseb serjament dwar l-imblokk de facto tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija fuq l-art u fil-baħar, li qed isir bi ksur tal-liġijiet tal-gwerra, peress li jhedded direttament is-sopravivenza tal-popolazzjoni; jinsab imħasseb partikolarment dwar in-nuqqas ta' fjuwil, li jfisser li l-ikel, l-ilma u l-provvisti mediċi ma jistgħux jiġu ttrasportati u li l-pompi tal-ilma u l-ġeneraturi ma jistgħux jitħaddmu, u b'hekk jinħoloq ir-riskju li s-servizzi bażiċi għall-popolazzjoni jieqfu kompletament;
12. Jinsab imħasseb ħafna li jekk ma jkunx hemm waqfien mill-ġlied u ma tinstabx soluzzjoni politika, il-kunflitt kontinwu u l-imblokk fuq l-art, fil-baħar u fl-ispazju tal-ajru x'aktarx li jkollhom impatt drammatiku fuq is-sitwazzjoni umanitarja, b'konsegwenzi fit-tul f'termini ta' għajxien, sigurtà tal-ikel u nutrizzjoni tat-tfal;
13. Jistieden lill-koalizzjoni timplimenta miżuri li jippermettu d-dħul rapidu ta' trasportaturi biex il-popolazzjoni ċivili tingħata l-fjuwil li għandha bżonn, b'mod partikolari għall-isptarijiet u l-pompi tal-ilma; jistieden fl-istess ħin lill-Houthis u lil gruppi armati oħra jippermettu t-trasferiment ta' dan il-fjuwil lill-popolazzjoni ċivili u lill-aġenziji tan-NU u l-organizzazzjonijiet umanitarji;
14. Jenfasizza l-ħtieġa ta' azzjoni umanitarja koordinata taħt it-tmexxija tan-NU; jistieden lill-komunità internazzjonali timpenja ruħha favur żieda mdaqqsa fl-għajnuna umanitarja;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-GCC, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, u lill-Gvern tal-Jemen.