MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kommemorazzjoni ta’ Srebrenica
7.7.2015 - (2015/2747(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Igor Šoltes, Terry Reintke, Ulrike Lunacek, Davor Škrlec f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0716/2015
B8‑0716/2015
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kommemorazzjoni ta’ Srebrenica
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2009 dwar Srebrenica[1],
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, iffirmat fil-Lussemburgu fis-16 ta' Ġunju 2008 u rratifikat mill-Istati Membri tal-UE kollha,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-Bożnija-Ħerzegovina tas-16 ta' Marzu 2015,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 827 (1993), 1551 (2004) u 1575 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-15 ta' Novembru 1999 tas-Segretarju Ġenerali skont ir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali 53/35 dwar il-waqgħa ta' Srebrenica,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, fil-11 ta' Lulju 1995, il-belt ta' Srebrenica fil-Lvant tal-Bożnija, li kienet iddikjarata Żona Protetta mir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 819 (1993), waqgħet f'idejn il-forzi mmexxija mill-Ġeneral Ratko Mladić u bl-ordni tal-ex President tar-Repubblika Srpska, Radovan Karadžić;
B. billi, matul bosta ġranet ta' qtil bla rażan wara l-waqgħa ta' Srebrenica, aktar minn 8 000 raġel u tifel Musulman, li fittxew rifuġju f'din iż-żona taħt il-protezzjoni tal-Forza ta' Protezzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (UNPROFOR), inqatlu sommarjament mill-forzi Serbi Bożnijaċi mmexxija mill-Ġeneral Mladić u minn unitajiet paramilitari, inklużi unitajiet tal-pulizija irregolari li daħlu fit-territorju Bożnijaku mis-Serbja u wkoll l-hekk imsejħa volontiera mill-Istati Membri tal-UE; billi kważi 30 000 nisa, tifel u tifla u anzjan tkeċċew bil-forza f'kampanja ta' tindif etniku fuq skala enormi, u għalhekk din il-ġrajja tirrappreżenta l-akbar delitt tal-gwerra li seħħ fl-Ewropa minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija;
C. billi din it-traġedja, li ġiet iddikjarata att ta' ġenoċidju mit-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja (ICTY), u mill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) seħħet f'żona li kienet iddikjarata bħala post sikur min-NU, u għalhekk tibqa' simbolu tal-impotenza tal-komunità internazzjonali li tintervjeni fil-kunflitt u tipproteġi lill-popolazzjoni ċivili innoċenti;
D. billi fl-1999 is-Segretarju Ġenerali tan-NU fir-rapport tiegħu dwar il-waqgħa' ta' Srebrenica ddikjara li n-NU fallew fl-implimentazzjoni tal-mandat tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni tal-hekk imsejħa "żoni sikuri" u għaldaqstant taqsam ukoll ir-responsabilità;
E. wara li kkunsidra l-ksur ripetut tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra mwettaq mit-truppi Serbi Bożnijaċi kontra l-popolazzjoni Musulmana ċivili ta' Srebrenica, inklużi d-deportazzjonijiet ta' eluf ta' nisa, tfal u anzjani u l-istupru ta' għadd kbir ta' nisa;
F. billi, minkejja l-isforzi li saru biex jinstabu u jiġu eżumati oqbra individwali u tal-massa, l-iġsma ta' kważi 1 200 raġel u tifel minn Srebrenica għadhom ma nstabux u ma ġewx identifikati;
G. billi, fit-30 ta' Jannar 2015 l-ICTY ikkonferma s-sentenzi ta' ħames uffiċjali għoljin tal-armata Serba Bożnijaka li nstabu ħatja tal-involviment tagħhom fil-ġenoċidju ta' Srebrenica tal-1995 u b'hekk ikkonferma l-ewwel sentenza finali għal ġenoċidju; billi wħud mill-uffiċjali li nstabu ħatja rrapportaw direttament lill-ex mexxej tal-armata Serba Bożnijaka Ratko Mladić, li attwalment għaddej proċess kontrih fl-ICTY għal reati inkluż il-ġenoċidju;
H. billi n-nuqqasijiet tal-mekkaniżmi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE u n-nuqqas ta' politika barranija u ta' sigurtà komuni ġenwina kellhom ukoll rwol negattiv fil-mod kif żvolġew il-ġrajjiet;
1. Ifakkar u jonora l-vittmi kollha tal-ġenoċidju ta' Srebrenica u tal-atroċitajiet imwettqa matul il-gwerra fl-ex Jugoslavja; jagħti l-kondoljanzi u s-solidarjetà tiegħu lill-familji tal-vittmi;
2. Jenfasizza li l-prevenzjoni f'waqtha u l-ikkastigar effikaċi ta' ġenoċidji u delitti kontra l-umanità għandhom ikunu fost il-prijoritajiet ewlenin tal-UE;
3. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu dak kollu possibbli fis-setgħa tagħhom biex jipprevjenu tali atti ta' barbariżmu mostruż milli jerġgħu jseħħu fl-Ewropa u biex jinvestigaw jekk iċ-ċittadini tal-UE iffaċilitawx jew wettqux atti ta' ġenoċidju, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra fit-territorju tal-Bożnija-Ħerzegovina bejn l-1992 u l-1995;
4. Jistieden lill-Assemblea Parlamentari tal-Bożnija-Ħerzegovina tadotta riżoluzzjoni dwar il-ġenoċidju ta' Srebenica; jilqa' l-inizjattiva tar-Renju Unit rigward riżoluzzjoni tan-NU dwar din il-kwistjoni;
5. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħall-Assoċjazzjoni tal-Ommijiet ta' Srebrenica u l-enklavi ta' Žepa minħabba fir-rwol ċentrali tagħhom biex iżidu s-sensibilizzazzjoni u jibnu bażi usa' għar-rikonċiljazzjoni fost iċ-ċittadini kollha tal-pajjiż; jistieden liċ-ċittadini kollha tal-Bożnija-Ħerzegovina biex jużaw l-20 anniversarju tal-massakru ta' Srebrenica bħala opportunità biex itejbu r-rikonċiljazzjoni u l-kooperazzjoni, li huma prerekwiżiti ewlenin sabiex il-pajjiżi kollha tar-reġjun jimxu 'l quddiem fit-triq tagħhom lejn l-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Viċi President / ir-Rappreżentant Għoli jirrikonoxxu l-importanza ta' politiki ta' rikonċiljazzjoni, u jenfasizza r-rwol importanti tal-awtoritajiet reliġjużi, il-midja u s-sistemi tal-edukazzjoni f'dan il-proċess diffiċli;
6. Ifakkar li l-UNPROFOR, il-forza għaż-żamma tal-paċi tan-NU naqset milli tipproteġi ż-żoni sikuri stabbiliti; ifakkar li xi Stati Membri tal-UE kkontribwixxew numru kbir ta' truppi tal-UNPROFOR u għaldaqstant kellhom u għandhom jaċċettaw sehem qawwi tal-piż tar-responsabilità;
7. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex, f'lejliet l-anniversarju tat-traġedja ta' Srebrenica-Potočari, itennu l-impenn tal-UE favur il-prospettiva Ewropea tal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent u l-appoġġ għall-proċess ta' adeżjoni, anke billi jiffaċilitaw żieda fil-kooperazzjoni reġjonali;
8. Jinnota li l-Ftehim ta' Dayton kien strument importanti għall-kisba tal-paċi fir-reġjun, iżda jista' jenfasizza li l-konsolidazzjoni ta' sistema politika vijabbli fil-Bożnija-Ħerzegovina qed issir sfida; jinnota li ċ-ċittadini kollha għandhom jassumu responsabilità sabiex jinkiseb ftehim kostituzzjonali ġdid u fil-ħolqien ta' stat vijabbli għal kulħadd; ifakkar li d-diplomatiċi mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri tagħha assistew fit-tfassil tal-Kostituzzjoni ta' Daytona u li għalhekk, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom responsabilità speċjali għar-riforma tal-pajjiż;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bożnija-Ħerzegovina u lill-entitajiet tiegħu, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.
- [1] ĠU C 46 E, 24.2.2010, p. 111.