Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0834/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0834/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-migrazzjoni u r-rifuġjati fl-Ewropa

7.9.2015 - (2015/2833(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Guy Verhofstadt, Cecilia Wikström, Angelika Mlinar, Gérard Deprez, Filiz Hyusmenova, Louis Michel, Frédérique Ries, Ramon Tremosa i Balcells, Marielle de Sarnez, Hilde Vautmans, Marian Harkin f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0832/2015

Proċedura : 2015/2833(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0834/2015
Testi mressqa :
B8-0834/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0834/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-migrazzjoni u r-rifuġjati fl-Ewropa

(2015/2833(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 u l-protokoll tagħha,

–       wara li kkunsidra r-rapport ta' April 2012 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) bit-titolu "Tittieħed azzjoni biex jiġu ġestiti aħjar il-flussi migratorji",

–       wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Migranti ta' April 2013 dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea u l-impatt tagħha fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2013 dwar miżuri tal-UE u tal-Istati Membri biex jindirizzaw il-fluss ta' rifuġjati b'riżultat tal-kunflitt fis-Sirja[1],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-flussi migratorji fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi ftit 'il barra minn Lampedusa[2],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni[3],

–       wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni f'għaxar punti dwar il-migrazzjoni adottat fil-laqgħa konġunta tal-Kunsill Affarijiet Barranin u l-Kunsill Affarijiet Interni tal-20 ta' April 2015,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Summit Speċjali tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' April 2015 dwar il-kriżi tar-rifuġjati fil-Mediterran,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' April 2015 dwar l-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil[4],

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Aġenda Ewropea dwar il-migrazzjoni" COM(2015)0240,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi, skont data mill-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), f'Lulju 2015 l-għadd ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali fil-pajjiżi tal-UE kif ukoll fin-Norveġja u l-Iżvizzera kien ta' 123 294, u b'hekk qabeż il-100 000 għall-ewwel darba u, b'kollox, żdied bi 28 % meta mqabbel ma' Ġunju 2015[5];

B.     billi f'Lulju 2015 kien hemm żieda ta' 59 % fl-għadd ta' applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali minn Sirjani meta mqabbel max-xahar preċedenti, l-għadd ta' applikanti Afgani żdied b'44 % minn Ġunju sa Lulju 2015 filwaqt li l-għadd ta' applikanti Albaniżi żdied bi 33 %;

C.     billi s-sajf tal-2015 wera li l-migrazzjoni mhijiex kwistjoni temporanja – ix-xejriet globali li wasslu għal żieda f'daqqa fl-għadd ta' rifuġjati jidhru li se jkomplu minħabba kunflitti fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika Sub-Saħarjana kif ukoll żieda fit-tibdil fil-klima;

D.     billi, skont statistika tal-2015 mill-Frontex, il-maġġoranza tar-rifuġjati fl-UE huma nies li qed jaħarbu minn kunflitt jew minn persekuzzjoni fis-Sirja, fl-Eritrea, fl-Afganistan u fl-Iraq; billi aktar minn żewġ terzi minnhom għandhom id-dritt għall-asil jew għal protezzjoni sussidjarja;

E.     billi riċerka mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) turi li l-Ewropa hija l-aktar destinazzjoni perikoluża tad-dinja għall-immigranti "irregolari"[6], fatt li għal darba oħra jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jsir dak kollu li huwa possibbli biex jiġu salvati l-ħajjiet tan-nies li jinsabu f'periklu u biex jiġu ssodisfati l-obbligi ta' protezzjoni internazzjonali;

F.     billi skont il-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 persuni jistgħu jfittxu asil fi stat ieħor irrispettivament mill-pajjiż ta' oriġini tagħhom dment li jkollhom biża' motivat li jiġu persegwitati minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjoni politika tagħhom;

G.     billi fil-Kunsill Ewropew tal-25 u s-26 ta' Ġunju fi Brussell, il-Kapijiet ta' Gvern tal-UE naqsu milli jaqblu dwar mekkaniżmi vinkolanti dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni tar-rifuġjati;

H.     billi inċidenti li jinvolvu gruppi ta' rifuġjati fis-sajf tal-2015 f'għadd ta' Stati Membri enfasizzaw in-nuqqas ta' kwalunkwe koordinament u azzjoni koerenti bejn l-Istati Membri; billi n-nuqqas ta' koordinament u approċċ ad hoc ta' "tifi tan-nar" wasslu għal kaos u għad-deterjorament ta' din is-sitwazzjoni kritika;

I.      billi din ir-riżoluzzjoni hija reazzjoni għaż-żieda kbira fl-għadd ta' nies li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali fl-Istati Membri li seħħet matul is-sajf tal-2015; billi r-rapport strateġiku dwar approċċ olistiku għall-migrazzjoni mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern se jindirizza l-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil tal-UE fl-intier tagħha;

1.      Jesprimi dispjaċir u niket kbar għat-telf traġiku rikorrenti tal-ħajjiet ta' nies li jfittxu asil fl-UE; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jagħmlu kulma jistgħu sabiex jimpedixxu aktar imwiet;

2.      Itenni l-appoġġ tiegħu għar-riżoluzzjoni tiegħu ta' April 2015 dwar l-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jużaw dik ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-ħidma fuq rapport strateġiku dwar approċċ olistiku għall-migrazzjoni mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala bażi għal soluzzjoni komprensiva u globali li tittratta kemm il-politika tal-migrazzjoni ekonomika kif ukoll dik tal-asil;

3.      Itenni l-ħtieġa li l-UE tibbaża r-reazzjoni tagħha għas-sitwazzjoni attwali tar-rifuġjati fuq is-solidarjetà u l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà, kif iddikjarat fl-Artikolu 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u li tadotta approċċ Ewropew komprensiv;

4.      Jiddeplora l-azzjonijiet meħuda minn ċerti Stati Membri kontra gruppi ta' persuni li jfittxu asil u l-fatt li l-Kunsill Ewropew naqas milli jimplimenta l-inizjattivi diġà mnedija mill-Kummissjoni li huma mmirati lejn l-istabbiliment ta' mekkaniżmu kredibbli u vinkolanti fl-UE kollha għas-solidarjetà bejn l-Istati Membri li jkun jinkludi skema obbligatorja ta' risistemazzjoni kif ukoll rilokazzjonijiet ta' emerġenza;

5.      Ifaħħar l-azzjonijiet taċ-ċittadini li mmobilizzaw ruħhom biex jilqgħu u jgħinu lin-nies li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali fl-UE;

6.      Jinnota l-użu tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill għall-adozzjoni ta' skemi ta' rilokazzjoni ta' emerġenza għal dawk li għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali;

7.      Itenni l-istedina tiegħu fil-konfront tal-Kummissjoni biex temenda r-Regolament ta' Dublin eżistenti bil-għan li jkun jinkludi sistema permanenti u vinkolanti ta' distribuzzjoni ta' persuni li jfittxu asil bejn it-28 Stat Membru, bl-użu ta' proċedura obbligatorja ta' allokazzjoni bbażata fuq data kemm kwantitattiva kif ukoll kwalitattiva b'kont meħud tal-prospetti ta' integrazzjoni;

8.      Ifakkar li d-dritt ta' applikazzjoni għall-asil huwa dritt fundamentali tal-bniedem garantit mil-liġijiet u obbligi internazzjonali li jorbtu lill-Istati Membri kollha; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar proposti mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri biex ċerti pajjiżi terzi ta' oriġini jiġu definiti bħala sikuri u b'hekk ċittadini ta' dawk il-pajjiżi terzi ma jitħallewx jitfgħu applikazzjonijiet għall-asil;

9.      Jappella għall-ħolqien b'urġenza ta' rotot legali u sikuri lejn l-UE għall-persuni li jfittxu asil permezz ta' miżuri bħalma huma l-ħruġ ta' viżi umanitarji fl-ambaxxati u l-uffiċċji konsulari tal-UE fil-pajjiżi terzi u skemi fuq skala kbira ta' rilokazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE sabiex tiffaċilita l-passaġġ sikur lejn l-UE tal-persuni li li jfittxu asil;

10.    Ifakkar li l-migrazzjoni hija fenomenu globali u kumpless li jeħtieġ ukoll approċċ fuq terminu twil li jindirizza l-kawżi fundamentali tagħha, bħall-faqar, l-inugwaljanza, l-inġustizzja u l-kunflitt armat; jissottolinja l-ħtieġa ta' approċċ komprensiv tal-UE li jsaħħaħ il-koerenza tal-politiki interni u esterni tagħha u b'mod partikolari l-politika estera u ta' sigurtà komuni tagħha kif ukoll il-politiki tagħha dwar l-iżvilupp u l-migrazzjoni;

11.    Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jimplimentaw soluzzjoni komprensiva u globali; ifakkar li l-iskop ta' din ir-riżoluzzjoni huwa li jiġu implimentati l-inizjattivi diġà mħabbra mill-Kummissjoni bil-għan li jsaħħu s-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri;

12.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.