Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0836/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0836/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-rwol tal-UE fil-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani

7.9.2015 - (2015/2685(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Charles Tannock, Bas Belder, Anna Elżbieta Fotyga, Ryszard Antoni Legutko, Zdzisław Krasnodębski, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba, Angel Dzhambazki, Geoffrey Van Orden, Raffaele Fitto, Arne Gericke f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0836/2015

Proċedura : 2015/2685(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0836/2015
Testi mressqa :
B8-0836/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0836/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rwol tal-UE fil-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani

(2015/2685 (RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani tas-17 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani tat-22 ta' Lulju 2014,

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1701 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina għandu jitqies fil-kuntest aktar estensiv tal-kunflitt Iżraeljan-Għarbi;

B.     billi kull bidla fl-istatus quo li taffettwa l-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina jista’ jkollha effetti destabilizzanti;

1.      Jilqa’ l-ħatra tas-Sur Fernando Gentilini bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani (RSUE PPLN) u jappoġġa lir-RSUE PPLN fl-isforzi tiegħu li jerġa’ jibda l-PPLN f’kooperazzjoni mal-Kwartett, l-Awtorità Palestinjana u l-gvern Iżraeljan;

2.      Itenni l-appoġġ kontinwu tiegħu għal soluzzjoni nnegozjata ta’ żewġ stati għal żewġ popli abbażi tar-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jilqa’, għalhekk, l-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi u l-Paradigma l-Ġdida għall-Proċess Politiku bejn l-Iżrael u l-Palestina abbażi ta’ soluzzjoni dejjiema għall-kunflitt Iżraeljan-Għarbi, u jappoġġja r-ritorn għal negozjati ta’ paċi diretti mingħajr dewmien;

3.      Jilqa’ r-rwol pożittiv u s-sostenn neċessarju li l-UE tixtieq tipprovdi fil-faċilitazzjoni tar-riżoluzzjoni tal-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina u l-kunflitt usa’ Iżraeljan-Għarbi permezz ta’ mezzi paċifiċi u kostruttivi, li jaqdu l-interessi tal-UE fir-rigward tas-sigurtà, l-istabilità u l-prosperità fil-Lvant Nofsani; jistieden lill-UE biex tfassal pakkett ta’ inċentivi pożittivi kemm għall-Palestinjani kif ukoll għall-Iżraeljani, li għandu jiġi implimentat mill-partijiet kollha, inklużi l-atturi reġjonali bħal-Lega tal-Istati Għarab, fil-bidu tan-negozjati, bħala l-uniku mezz għall–ħolqien b’suċċess ta’ atmosfera pożittiva li fiha l-proċess ta’ paċi bejn l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana jista’ jitnieda mill-ġdid u terġa’ tinbena l-fiduċja; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u lill-Istati Membri, għalhekk, biex jinkoraġġixxu r-relazzjonijiet kummerċjali, kulturali, xjentifiċi, enerġetiċi, idriċi u ekonomiċi bejn l-Iżrael u l-ġirien tiegħu fir-reġjun, inkluż kummerċ trilaterali bejn l-Istati Membri, l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana;

4.      Jinnota li avvenimenti reċenti fir-reġjun usa' tal-Lvant Nofsani jippreżentaw theddidiet serji lill-UE, kif ukoll lill-ġirien l-aktar qrib tagħha; itenni l-impenn fundamentali tal-UE għas-sigurtà tal-Iżrael, il-Ġordan, l-Eġittu, il-Libanu, is-Sirja, il-Jemen, l-Iraq, il-Libja, il-pajjiżi tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (GCC) u l-pajjiżi l-oħra kollha fil-Lvant Nofsani, inkluż fir-rigward ta’ theddidiet attwali u emerġenti fir-reġjun; jinnota speċifikament, għal din ir-raġuni, it-theddida serja ppreżentata mill-ISIS u organizzazzjonijiet terroristiċi oħra għaċ-ċittadini tal-Lvant Nofsani u jappella lill-atturi reġjonali rilevanti biex iwaqqfu l-finanzjament ta’ gruppi terroristiċi li jikkommettu atroċitajiet enormi u ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

5.      Jenfasizza l-ħtieġa fundamentali għall-UE li taħdem fi sħubija mal-Iżrael, l-Awtorità Palestinjana, l-Eġittu u l-Ġordan għall-prevenzjoni tar-riarmament ta’ gruppi terroristiċi f’Gaża u x-Xatt tal-Punent, il-kuntrabandu tal-armi tagħhom, il-manifattura ta’ rockets u l-bini ta’ mini; jenfasizza għal darb’oħra l-bżonn qawwi li Gaża tkun demilitarizzata u li jintemm l-armament tal-Ħamas, skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin ta’ Lulju 2014; jistieden lill-gruppi terroristiċi kollha biex b’mod immedjat iwaqqfu l-attivitajiet tagħhom u biex jirrifjutaw il-vjolenza sabiex ikun hemm il-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità tant mistennija kemm fl-Iżrael kif ukoll fl-Istat Palestinjan futur;

6.      Jiddenunzja l-użu ta’ diskors ta’ mibegħda u t-tixwix fl-arena pubblika, li jmorru kontra l-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani u l-valuri tal-UE li titrawwem kultura ta’ paċi; jistieden lill-Awtorità Palestinjana biex tirrikonoxxi d-dritt leġittimu tal-Iżrael li jeżisti bħala l-art tal-poplu Lhudi; jistieden lill-Awtorità Palestinjana biex tħaddan in-nonvjolenza, biex tirrispetta ftehimiet preċedenti u biex tiffaċilita l-kooperazzjoni fir-rikostruzzjoni ta’ Gaża; itenni l-appell lit-tmexxija Palestinjana biex tuża b'mod kostruttiv l-istatus tagħha tan-NU u biex ma tiħux passi unilaterali li jbiegħdu aktar minn soluzzjoni negozjata;

7.      Jenfasizza l-ħtieġa li jinfetħu punti ta’ qsim għall-fluss ta’ għajnuna umanitarja, prodotti kummerċjali u persuni lejn u mill-Istrixxa ta’ Gaża, u l-ħtieġa li l-finanzjament tal-UE jmur għal proġetti speċifiċi u ddefiniti sew f’Gaża, f’konformità biss mal-mekkaniżmu trilaterali għall-appoġġ finanzjarju, u biex ikun żgurat li dan jasal għand iċ-ċivili li hu intenzjonat għalihom; itenni l-ħtieġa li l-Awtorità Palestinjana tieħu kontroll tal-Istrixxa ta’ Gaża;

8.      Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jipprovdi finanzjament lil NGOs fir-reġjun li l-għanijiet politiċi tagħhom huma f’konformità mal-għanijiet ġenerali tal-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani;

9.      Jilqa’ t-twaqqif ta’ Pjattaform Ewro-Mediterranja tal-Gass; jissottolinja r-rwol li din l-inizjattiva jista’ jkollha fit-trawwim ta’ kooperazzjoni reġjonali u fit-tqarrib tal-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq ma’ dawk Ewropej permezz ta’ kooperazzjoni dwar kwistjonijiet marbuta mal-enerġija;

10.    Jenfasizza li djalogu msaħħaħ dwar temi marbuta mal-enerġija fil-Mediterran jaf jgħin biex iħeġġeġ il-kooperazzjoni reġjonali, jippromwovi l-istabbiltà reġjonali u jiggarantixxi l-integrità ambjentali; jissuġġerixxi, għalhekk, li l-UE timpenja ruħha b'mod aktar b'saħħtu fid-diplomazija marbuta mal-enerġija fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, kif spjegat fl-Unjoni tal-Enerġija;

11.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-Parlament u lill-Gvern tal-Eġittu, lill-Parlament u lill-Gvern tal-Ġordan, lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u lill-membri tal-Lega Għarbija.