Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0841/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0841/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-rwol tal-UE fil-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani

7.9.2015 - (2015/2685(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Hilde Vautmans, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Gérard Deprez, Marielle de Sarnez, Marian Harkin, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Pavel Telička, Ivo Vajgl f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0836/2015

Proċedura : 2015/2685(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0841/2015
Testi mressqa :
B8-0841/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0841/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rwol tal-UE fil-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani

(2015/2685(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE tal-20 ta' Lulju 2015 dwar il-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Istat ta’ Iżrael, min-naħa l-oħra,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi r-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni (ir-“Rappreżentant Għoli”) għamlet l-ewwel żjara uffiċjali barra l-UE f’din il-kapaċità fl-Iżrael u l-Palestina f’Novembru 2014, u kienet ukoll l-ewwel uffiċjal għoli tal-UE li żaret il-pajjiż wara l-formazzjoni tal-gvern Iżraeljan il-ġdid f’Mejju 2015; billi r-Rappreżentant Għoli esprimiet f’bosta okkażjonijiet l-impenn tagħha li ġġedded u tintensifika r-rwol tal-UE fil-proċess ta’ paċi;

B.     billi f’April 2015, ir-Rappreżentant Għoli ħatret Rappreżentant Speċjali ġdid tal-UE għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani (ir-“Rappreżentant Speċjali tal-UE”);

C.     billi l-Unjoni hija l-akbar fornitur ta’ għajnuna lill-Palestinjani u hija wkoll l-akbar sieħba kummerċjali tal-Iżrael, u l-Iżrael għandu aċċess għall-fondi tal-UE taħt l-Orizzont 2020 kif ukoll huwa parti għal ftehimiet dwar prodotti agrikoli, industrijali u farmaċewtiċi;

D.     billi ż-żmien li matulu d-diplomazija Ewropea baqgħet osservatur għandu għalhekk jintemm;

E.     billi l-Unjoni tqis li l-paċi fil-Lvant Nofsani tirrikjedi soluzzjoni reġjonali komprensiva;

F.     billi l-Unjoni kkonfermat b’mod ripetut l-appoġġ tagħha għas-soluzzjoni ta' żewġ stati, fejn l-Istat tal-Iżrael, bi fruntieri siguri u rikonoxxuti, u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli, jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà, u ddikjarat li m’għandu jiġi rikonoxxut ebda bdil tal-fruntieri ta’ qabel l-1967 għajr dak miftiehem mill-partijiet, inkluż fir-rigward ta' Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati;

G.     billi l-protezzjoni tal-popolazzjoni Palestinjana u tad-drittijiet tagħha fix-Xatt tal-Punent, fir-rigward partikolari taż-Żona C, u f'Ġerusalemm tal-Lvant, hija ta' importanza fundamentali għall-preservazzjoni tal-vijabilità tas-soluzzjoni ta' żewġ stati;

H.     billi jeżisti proċess li għadu għaddej fost għadd ta’ Stati Membri biex jiġi rikonoxxut l-Istat tal-Palestina;

I.      billi l-insedjamenti Iżraeljani huma illegali skont id-dritt internazzjonali u jikkostitwixxu ostaklu ewlieni għall-isforzi favur il-paċi;

J.      billi l-okkupazzjoni issa ilha aktar minn 50 sena u li l-ftehimiet ta’ Oslo I ġew iffirmati fl-1993;

K.     billi l-formazzjoni ta’ gvern Iżraeljan ġdid wittiet it-triq għat-tnedija mill-ġdid tal-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani;

L.     billi attwalment qed isiru sforzi fi ħdan il-Kunsill tas-Siġurtà tan-NU bl-għan li jerġgħu jibdew it-taħdidiet ta’ paċi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani;

Inizjattiva ta’ paċi Ewropea

1.      Jikkunsidra li l-Unjoni tinsab f’mument deċiżiv jekk trid li jkollha rwol fil-ħolqien ta' paċi f’dan ir-reġjun; jilqa’, għalhekk, il-ħatra mir-Rappreżentant Għoli ta’ Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani bħala sinjal ċar tal-impenn tal-UE fir-reġjun;

2.      Jissottolinja li l-Unjoni għandha tkun strumentali biex jintlaħqu soluzzjonijiet komprensivi, dejjiema u paċifiċi, kif kien il-każ fir-rigward tal-ftehim reċenti dwar il-programm nukleari tal-Iran;

3.      Ifakkar lill-Istati Membri li l-ewwel dmir tagħhom huwa li jikkontribwixxu b’mod attiv fit-tfassil ta’ pożizzjoni Ewropea magħquda dwar kif għandu jiġi indirizzat il-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani, u biex joqogħdu lura minn inizjattivi unilaterali li jdgħajfu l-azzjoni Ewropea; jissottolinja li l-kapijiet ta’ stat u ta’ gvern Ewropej ma jistgħux jitolbu lill-Unjoni biex tkun proattiva fir-reġjun jekk il-pożizzjonijiet diverġenti tagħhom jimpedixxu lill-Unjoni milli titkellem b’vuċi waħda permezz tar-Rappreżentant Għoli;

4.      Jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ paċi komprensiva li tissodisfa l-aspirazzjonijiet leġittimi taż-żewġ partijiet, anke fid-dawl tad-deterjorament gravi tal-kuntest reġjonali u l-effetti konsegwenzjali tiegħu;

5.      Jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, biex jimpenjaw ruħhom mar-Rappreżentant Speċjali tal-UE fit-twaqqif ta’ inizjattiva ta’ paċi Ewropea li għandha titnieda f’każ li jfallu l-isforzi li għaddejjin attwalment fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU sabiex jadotta riżoluzzjoni li tistabbilixxi qafas għal dan il-proċess;

6.      Iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli u r-Rappreżentant Speċjali tal-UE biex jagħmlu użu aħjar mir-relazzjonijiet politiċi u l-għarfien espert istituzzjonali tal-UE u l-Istati Membri tagħha, ibbażati kif inhuma fuq il-prossimità ġeografika tal-Ewropa, ir-rabtiet storiċi u l-iskambji ekonomiċi intensivi mar-reġjun tal-Lvant Nofsani, sabiex jiġi żgurat rwol politiku aktar attiv u effiċjenti fil-proċess ta’ paċi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, u f’kuntest usa’ bejn l-Istati Għarab u l-Iżrael;

 

Kwartett ġdid

7.      Jikkunsidra li l-Unjoni għandu jkollha rwol ewlieni fir-ridefinizzjoni tal-objettivi u l-format tal-Kwartett;

8.      Jappoġġa, f’dan il-kuntest, l-intenzjoni tar-Rappreżentant Għoli li tinvolvi l-Istati Għarab aktar mill-qrib fil-proċess ta’ paċi, billi dawn jiġu assoċjati mal-ħidma tal-Kwartett u li tinnomina lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE bħala l-mibgħut tal-UE għall-Kwartett;

9.      Jikkunsidra li l-objettivi tal-Kwartett għandhom ikunu riorjentati lejn is-sejbien ta’ soluzzjoni politika għall-kunflitt;

Implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni

10.    Jitlob għall-implimentazzjoni sħiħa u effikaċi ta' leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni u tal-ftehimiet bilaterali bejn l-UE u l-Iżrael, kif ukoll tal-mekkaniżmu ta' kontroll assoċjat - l-"arranġamenti tekniċi" - b'mod li ma jippermettix li prodotti tal-insedjamenti Iżraeljani jiġu importati fis-suq Ewropew skont it-termini preferenzjali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael;

11.    Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex jivverifikaw fuq il-post l-allegazzjonijiet kollha li jikkonċernaw il-qerda u l-ħsarat ikkawżati lill-istrutturi u l-proġetti ffinanzjati mill-UE fit-territorji okkupati, u li jressqu s-sejbiet tagħhom lill-Parlament;

Użu tal-kompetenzi tal-Unjoni

12.    Iħeġġeġ lill-Unjoni biex tkompli tipprovdi għajnuna finanzjarja sostanzjali lill-poplu Palestinjan u biex tappoġġa l-bini ta’ stat Palestinjan, iżda wkoll biex tiżgura kontrolli aħjar fuq il-fondi tal-UE b’mod li ma jkunux jistgħu mgħoddija, direttament jew indirettament, lil organizzazzjonijiet jew attivitajiet terroristiċi; jitlob għal iżjed appoġġ finanzjarju mill-UE għall-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti (UNRWA), filwaqt li jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-kwistjoni fundamentali sottostanti tar-rifuġjati Palestinjani;

13.    Jirrikonoxxi li l-Iżrael attwalment qed jipprovdi għajnuna lil Gaża, u jistieden lill-Eġittu biex jiftaħ l-aċċess għall-għajnuna fuq bażi li tal-anqas tkun simili għal dik imsemmija;

14.    Itenni l-appell tiegħu għar-rikostruzzjoni u r-rijabilitazzjoni urġenti tal-Istrixxa ta' Gaża, wara l-gwerra tas-sajf 2014; jenfasizza li din għandha tkun prijorità tal-għajnuna umanitarja għall-UE u l-komunità internazzjonali, u f’dan ir-rigward iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżommu l-wegħdiet tagħhom li jappoġġaw mekkaniżmu trilaterali għall-monitoraġġ u l-verifikazzjoni ta' materjali għar-rikostruzzjoni;

15.    Itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Iżraeljani sabiex minnufih itemmu l-imblokk ta’ Gaża u biex jiżguraw il-ftuħ sħiħ tal-punti ta’ qsim;

16.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u l-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.