Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0843/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0843/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-rwol tal-UE fil-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani

7.9.2015 - (2015/2685(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, Elmar Brok, Mariya Gabriel, Andrej Plenković, Michèle Alliot-Marie, Lars Adaktusson, Gunnar Hökmark, Davor Ivo Stier, Tokia Saïfi, Tomáš Zdechovský f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0836/2015

Proċedura : 2015/2685(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0843/2015
Testi mressqa :
B8-0843/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0843/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rwol tal-UE fil-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani

(2015/2685(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-20 ta' Lulju 2015 dwar il-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta’ Frar 2015 tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, tal-10 ta’ Diċembru 2014 dwar il-mewt ta’ Ministru Palestinjan Abu Ein, tat-30 ta’ Diċembru 2014 dwar il-vot tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani, tas-6 ta’ Jannar 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Iżrael u fil-Palestina, tad-19 ta’ Jannar 2015 dwar id-deċiżjoni li jsir appell kontra sentenza li tirrigwarda lill-Hamas, tal-11 ta’ Frar 2015 wara l-laqgħa tagħha mal-President Mahmoud Abbas, tat-18 ta’ Marzu 2015 dwar l-elezzjonijiet ġenerali fl-Iżrael, u tas-7 ta’ Mejju 2015 dwar il-formazzjoni tal-gvern Iżraeljan il-ġdid,

–       wara li kkunsidra l-Communiqué tal-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-G7 tal-15 ta’ April 2015,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-UE ripetutament ikkonfermat l-appoġġ tagħha għas-soluzzjoni ta’ żewġ stati abbażi tal-fruntieri tal-1967, b’Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati, bl-Istat tal-Iżrael fis-sigurtà u bl-Istat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli li jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà, u appella biex jerġgħu jissuktaw it-taħditiet ta’ paċi diretti bejn l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana (PA);

B.     billi l-kisba tal-paċi fil-Lvant Nofsani tibqa’ fundamentali għall-komunità internazzjonali kif ukoll element indispensabbli għall-istabbiltà u s-sigurtà reġjonali;

C.     billi, wara l-elezzjonijiet ġenerali tas-17 ta’ Marzu 2015, fis-6 ta’ Mejju 2015 ġie ffurmat il-gvern Iżraeljan il-ġdid b’Benjamin Netanyahu bħala Prim Ministru; billi l-UE hija lesta li taħdem mal-gvern Iżrealjan il-ġdid fuq ir-relazzjoni bilaterali ta’ benefiċċju reċiproku kif ukoll fuq kwistjonijiet globali u reġjonali importanti ta’ interess komuni;

D.     billi fit-30 ta’ Diċembru 2014 il-VP/RGħ ddikjarat li l-UE se tippromwovi u tappoġġa l-isforzi biex tinkiseb paċi dejjiema msejsa fuq is-soluzzjoni ta’ żewġ stati; billi l-VP/RGħ sejħet il-laqgħa tal-Esponenti tal-Kwartett tat-8 ta’ Frar 2015 fi Munich;

E.     billi l-Kwartett se jibqa’ impenjat b’mod attiv biex jipprepara għall-bidu mill-ġdid tal-proċess ta’ paċi fil-perjodu li ġej, inkluża ħidma ta’ kuntatt regolari u diretta mal-Istati Għarab;

1.      Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta’ żewġ stati abbażi tal-fruntieri tal-1967, b’Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati, bl-Istat tal-Iżrael fis-sigurtà u bl-Istat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli li jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà, abbażi tad-dritt ta’ awtodeterminazzjoni u r-rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali; jenfasizza li l-mezzi mhux vjolenti kif ukoll ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju huma l-uniku mod biex tinkiseb soluzzjoni sostenibbli u paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani;

2.      Jenfasizza l-importanza li l-partijiet jerġgħu jibdew in-negozjati mill-aktar fis possibbli bil-ħsieb li tintlaħaq paċi ġusta, dejjiema u komprensiva; jistieden liż-żewġ partijiet biex jevitaw passi li jistgħu jqanqlu eskalazzjoni ulterjuri, inklużi miżuri unilaterali li jistgħu jippreġudikaw ir-riżultat tan-negozjati u jheddu l-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta’ żewġ stati;

3.      Jilqa’ l-fatt li l-UE se tappoġġa lill-partijiet b’mod attiv biex titreġġa’ lura l-fiduċja u jinħoloq ambjent ta’ fiduċja meħtieġ biex jidħlu f’negozjati sinifikattivi kemm jista’ jkun malajr; jenfasizza li l-UE tinsab lesta biex tinvolvi ruħha f'ħidma konġunta mas-sħab reġjonali fuq il-bażi tal-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi, u biex tilqa’ l-isforzi li qed isiru tal-Kwartett f’dan ir-rigward;

4.      Jilqa’ l-impenn tal-UE li taħdem attivament fuq approċċ multilaterali mġedded għall-proċess ta’ paċi f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi sħab fil-Kwartett, primarjament l-Istati Uniti, fir-reġjun u fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti; jinnota li l-UE tqis li l-istabbiliment ta' grupp ta' appoġġ internazzjonali huwa mod possibbli biex issir kontribuzzjoni għal dan il-għan, u li l-Kunsill talab lill-VP/RGħ biex tesplora l-possibbiltajiet għall-implimentazzjoni ta’ din l-inizjattiva ma’ atturi reġjonali u internazzjonali u biex tirraporta lura fil-bidu ta' Settembru 2015; jitlob lill-VP/RGħ biex tirraporta lill-Parlament dwar is-sejbiet tagħha;

5.      Jilqa’ l-ħidma li saret mill-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) u mill-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) fit-territorji Palestinjani fir-rigward tal-assitenza lill-AP fl-iżvilupp ta’ istituzzjonijiet ta’ Stat futur tal-Palestina fl-oqsma tal-pulizija u tal-ġustizzja kriminali. jitlob għar-riattivazzjoni tal-Missjoni ta' Assistenza fil-Fruntiera tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (EUBAM Rafah), b’mandat aktar ambizzjuż kif ukoll b’mezzi adegwati u persunal, sabiex ikollha rwol konkret fil-kontroll tal-fruntieri tal-Istrixxa ta' Gaża mal-Eġittu u l-Iżrael;

6.      Jiltob għat-titjib rapidu taċ-ċirkostanzi umanitarji f’Gaża; jilqa’ l-passi riċenti meħuda mill-Iżrael li jnaqqas ir-restrizzjonijiet f’Gaża; jenfasizza l-importanza li jittieħdu miżuri pożittivi ulterjuri – filwaqt li jiġi indirizzat it-tħassib leġittimu tas-sigurtà tal-Iżrael – sabiex tkun tista’ titwassal bis-sħiħ l-għajnuna umanitarja, ir-rikostruzzjoni u l-irkupru ekonomiku; jenfasizza li l-isparar ta' rocket li seħħ dan l-aħħar minn grupp militanti huwa inaċċettabbli u jissottolinja l-periklu li s-sitwazzjoni teskala; iħeġġeġ lid-donaturi biex jagħmlu disponibbli kemm jista’ jkun malajr l-impenji finanzjarji tagħhom li saru fil-Konferenza Internazzjonali tal-Kajr dwar il-Palestina (‘Nibnu Gaża mill-Ġdid’) tat-12 ta’ Ottubru 2014;

7.      Jenfasizza li rikonċiljazzjoni intra-Palestinjana hija element importanti għall-kisba ta’ soluzzjoni ta’ żewġ stati; jappoġġa t-talba tal-UE lill-fazzjonijiet Palestinjani biex ir-rikonċiljazzjoni u r-ritorn tal-AP lejn Gaza tkun ta' prijorità ewlenija; jenfasizza li l-AP trid tieħu responsabbiltà akbar f’dan ir-rigward u tassumi l-funzjoni governattiva tagħha fl-Istrixxa ta’ Gaża, inkluż fl-oqsma tas-sigurtà u tal-amministrazzjoni ċivili u permezz tal-preżenza tagħha fil-punti ta' qsim ta' Gaża.

8.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lir-Rappreżentant tal-Kwartett, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, lill-Knesset u l-gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.