MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja fid-dawl tal-elezzjonijiet presidenzjali tal-2015 li ġejjin
8.9.2015 - (2015/2834(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Jacek Saryusz-Wolski, Sandra Kalniete, Elmar Brok, Andrej Plenković, Gabrielius Landsbergis, Jerzy Buzek, Michael Gahler, Tunne Kelam, Andrzej Grzyb, David McAllister, Jaromír Štětina, Barbara Kudrycka, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jiří Pospíšil, Pavel Svoboda, Ramón Luis Valcárcel Siso f'isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0866/2015
B8‑0866/2015
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja fid-dawl tal-elezzjonijiet presidenzjali tal-2015 li ġejjin
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja,
– wara li kkunsidra l-ħelsien ta' sitt priġunieri politiċi mill-awtoritajiet fit-22 ta' Awwissu 2015,
– wara li kkunsidra l-elezzjonijiet presidenzjali li ġejjin li se jsiru fil-11 ta' Ottubru 2015,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi minkejja l-intensifikazzjoni tal-kuntatti bejn il-Belarussja u l-UE u l-Istati Uniti, għad trid tiġi osservata bidla pożittiva fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-Belarussja;
B. billi għadhom jippersistu każijiet ta' pressjoni u intimidazzjoni fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, ur-rejds tal-pulizija u l-qbid ta' tagħmir ta' organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll it-tneħħija bil-forza ta' attivisti mill-Belarussja, għadhom xi ħaġa ta' kuljum;
C. billi l-awtoritajiet għadhom jużaw il-prattika ta' prosekuzzjoni amministrattiva ta' ġurnalisti indipendenti li jaħdmu mal-midja barranija mingħajr akkreditazzjoni, b'bosta każijiet jiġu rrappurtati f'dawn l-aħħar xhur;
D. billi l-Belarussja tibqa' l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu japplika l-piena kapitali;
E. billi fit-2 ta' April 2015, il-President Lukashenko ffirma d-Digriet Nru. 3 "Dwar il-prevenzjoni ta' dipendenza soċjali" li jipprevedi xogħol obbligatorju għal persuni qiegħda bit-theddida ta' ħlas ta' tariffa speċjali lill-baġit tal-istat jew obbligazzjoni amministrattiva fil-forma ta' multa jew arrest amministrattiv;
F. billi l-ewwel żjara uffiċjali mill-2002 sal-lum tad-Delegazzjoni tal-PE għar-relazzjonijiet mal-Belarussja seħħet fit-18 u d-19 ta' Ġunju 2015 f'Minsk;
G. billi sar progress fil-kooperazzjoni settorjali fl-oqsma tal-edukazzjoni għolja (il-proċess ta' Bolonja), it-taħriġ vokazzjonali, is-suq diġitali, is-settur tal-enerġija, is-sikurezza tal-ikel u l-kultura, fost oħrajn;
H. billi l-involviment tal-Belarussja bħala dik li ffaċilitat it-tentattivi sabiex tinstab riżoluzzjoni għall-kunflitt fl-Ukrajna ġie vvalutat b'mod pożittiv;
1. Jibqa' mħassab bil-kbir dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-pajjiż, kif ukoll dwar in-nuqqasijiet irreġistrati mill-osservaturi internazzjonali indipendenti matul l-elezzjonijiet preċedenti;
2. Jilqa' l-ħelsien tal-priġunieri politiċi li kien għad baqa' u jikkunsidrah bħala progress potenzjali lejn titjib tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarussja; jistieden lill-Gvern Belarussu jirriabilita l-priġunieri politiċi meħlusa u jagħtihom lura bis-sħiħ id-drittijiet ċiviċi u politiċi tagħhom; ifakkar li opportunitajiet fil-passat għal titjib tar-relazzjonijiet ma seħħux minħabba li miżuri mill-awtoritajiet ta' Minsk kienu biss ta' natura tattika; jesprimi t-tama tiegħu, għalhekk, b'riżervi, li din id-darba l-azzjoni se tiġi segwita b'miżuri li jipprovdu bażijiet solidi għal żvilupp ġdid fir-relazzjonijiet bilaterali;
3. Jenfasizza l-ħtieġa li l-Belarussja tmexxi l-elezzjonijiet presidenzjali li ġejjin skont l-istandards rikonoxxuti internazzjonalment, tagħti aċċess bla xkiel lill-oppożizzjoni għall-mezzi ta' komunikazzjoni kollha kkontrollati mill-gvern, u tippermettilha tipparteċipa fl-elezzjonijet fuq livell ugwali;
4. Jistenna li l-awtoritajiet iwaqqfu l-intimidazzjoni tal-midja indipendenti għal raġunijiet politiċi; iħeġġiġhom iwaqqfu l-prattika ta' prosekuzzjoni amministrattiva u l-użu arbitrarju tal-Artikolu 22(9)(2) tal-Kodiċi Amministrattiv kontra l-ġurnalisti indipendenti li jaħdmu mal-midja barranija mingħajr akkreditazzjoni, li permezz tiegħu jirrestrinġu d-dritt għal-libertà tal-espressjoni u għat-tixrid ta' informazzjoni;
5. Ifakkar li għaxar min-nies ġew iġġustizzjati fil-Belarussja mill-2010 sal-lum, bi tliet eżekuzzjonijiet fl-2014 biss filwaqt li fit-18 ta' Marzu 2015 ingħatat sentenza ġdida ta' piena ta' mewt; f'dan il-kuntest, iħeġġeġ lill-Belarussja, l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu japplika l-piena kapitali, sabiex tingħaqad mal-moratorju globali dwar l-eżekuzzjoni tal-piena ta' mewt bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni permanenti tagħha;
6. Jistieden lill-Gvern tal-Belarussja jirrispetta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali dwar l-abolizzjoni ta' elementi ta' xogħol furzat fil-pajjiż;
7. Jistieden lill-awtoritajiet Belarussi jiżguraw, fiċ-ċirkostanzi kollha, ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, skont id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem irratifikati mill-Belarussja;
8. Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tappoġġa, bil-mezzi finanzjarji u politiċi kollha, l-isforzi tas-soċjetà ċivili Belarussa, tal-midja indipendenti u tal-organizzazzjonijiet nongovernattivi fil-Belarussja biex jissodisfaw l-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-poplu Belarussu;
9. Jirrikonoxxi li sar progress fil-kooperazzjoni settorjali fl-oqsma tal-edukazzjoni għolja (il-proċess ta' Bolonja), it-taħriġ vokazzjonali, is-suq diġitali, is-settur tal-enerġija, is-sikurezza tal-ikel u l-kultura, fost oħrajn;
10. Jirrikonoxxi ż-żieda fl-użu tal-lingwa Belarussa fil-ħajja pubblika; jieħu nota tal-pjanijiet tal-Ministeru għall-Edukazzjoni li jħeġġeġ l-użu tal-lingwa Belarussa fl-edukazzjoni, kif ukoll il-pubblikazzjoni ta' atti leġiżlattivi mill-Qorti Kostituzzjonali kemm bir-Russu kif ukoll bil-Belarussu;
11. Huwa determinat li jkompli jikkontribwixxi, anke permezz tad-Delegazzjoni tal-PE għar-relazzjonijiet mal-Belarussja, għall-politika tal-UE ta' "impenn kritiku" fir-rigward tal-Belarussja;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), lis-SEAE, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.